Illum il-ġurnata kelma waħda tidher iktar sabiħa minn qatt qabel, kelma żgħira li kull wieħed minna jrid li jisma’ u jrid li jara madwaru l-atmosfera tagħha; din il-kelma hija “Paċi”. Kemm hija żgħira pero waħda mill-iktar kelmiet importanti taż-żmien li aħna ngħixu fih. Il-paċi tagħtina l-garanzija tar-relazzjonijiet it-tajba fil-familiji tagħna, li huma importanti gat-titjib tas-soċjetajiet tagħna, u l-paċi tiggwidana għal triq is-sewwa sabiex niksbu suċċess kbir fil-ħajja tagħna.
Imma l-mistoqsija hija: Kif nistgħu nistabbilixxu l-paċi fis-soċjetajiet tagħna kif ukoll madwar id-dinja? Jekk aħna bħala bnedmin irridu li nistabbilixxu l-paċi fid-dinja, allura huwa importanti li kull wieħed minna jifhem li dan hu d-dmir tagħna, ta’ kull wieħed minna, raġel jew mara, żagħżugħ jew xiħ, sinjur jew fqir; u nissagrifikaw lilna nfusna u naħdmu b’qawwa kbira u mingħajr għejja biex nilħqu dan l-għan. Issa, illum il-ġurnata meta d-dinja qed issir villaġġ globali, huwa importanti li nippruvaw inwasslu l-messaġġ tal-paċi lil kulħadd, bla differenza ta’ reliġjon, ta’ razza jew ta’ nazzjonalità.
Jekk irridu li l-paċi tiġi stabbilita allura huwa importanti li nistabbilixxu l-ġustizzja vera f’kull qasam tal-ħajja u nagħtu l-ġustizzja ndaqs lil kulħadd, lil kull pajjiż u lil kull nazzjon.
Kif għandna nistabbilixxu l-ġustizzja u nippromwovu l-paċi, l-imħabba u l-ħbiberija bejn l-aħwa fis-soċjetà? Alla jgħid: “U meta titkellmu osservaw il-ġustizzja, ukoll jekk il-persuna kkonċernata tkun tiġi minnek, u ssodisfa l-patt ta’ Alla.” (Kap 6 : Vers 153)
Il-ġustizzja teħtieġ li anke jekk ikollok tixhed kontra l-għeżież tiegħek, allura agħmel hekk. Illum meta nħarsu aktar fil-qrib madwarna, nosservaw li ħafna mit-tilwim u kawżi ta’ nuqqas ta’ ftehim fost il-bnedmin huma għaliex ma josservawx il-ġustizzja kif jixraq. Aħna naħsbu biss fl-interessi personali tagħna biex nakkwistaw xi ħaġa, jew f’dawk tal-għeżież tagħna, mingħajr ma nqisu l-fatt li oħrajn jistgħu jweġġgħu bl-azzjonijiet tagħna; u ladarba l-motivi ta’ lmenti tagħna jiżviluppaw ikun diffiċli ħafna biex neliminawhom.
Il-paċi vera titlob minna li aħna nuru rispett kbir lil xulxin bl-imħbba u nirrispettaw is-sentimenti tal-oħrajn. Ftit snin ilu xi gazzetti ppubblikaw l-karikaturi tal-Profeta tal-Iżlam u weġġgħu s-sentimenti tal-Musulmani li jgħixu madwar id-dinja. F’April rajna wkoll kif ftit nies ivvandalizaw il-billboards taż-żjara tal-Papa, il-Mexxej diniji tal-Knisija Kattolika u weġġgħu is-sentimenti tal-poplu Malti u kattoliċi oħrajn. Aħna nikkundannaw dawk l-għemejjel bil-qawwa u nemmnu fir-rispett lejn kulħadd speċjalment lill-persuni reliġjużi għax dan hu valur sabiħ tal-umanità. U r-rispett għandu pożizzjoni ċara u importanti għall-promozzjoni tal-paċi.
Fid-dinja u fis-soċjetajiet tagħna jgħixu nies ta’ razez u ta’ reliġjonijiet differenti, u għas-sopravivenza tal-paċi hu meħtieġ li aħna nirrispettaw il-ħsus u s-sentimenti ta’ xulxin.
Jekk aħna rridu li nies oħrajn juru r-rispett lejna, allura huwa meħtieġ li aħna wkoll nuru rispett kbir lejhom. Kif ngħidu bl-Ingliż li “love creates love”, jiġifieri imħabba toħloq imħabba, l-istess nistgħu ngħidu li “ir-rispett joħloq ir-rispett”.
Punt ieħor biex nistabbilixxu l-paċi huwa li aħna nżommu nfusna ‘l bogħod mir-regħba għax ir-regħba u l-għira għall-ġid tal-oħrajn huma l-kawża ta’ aktar inkwiet fid-dinja. Kompetizzjoni ta’ regħba fuq bażi nazzjonali bdiet u ħaditna lejn il-qerda tal-paċi fid-dinja. Dan hu ppruvat bl-istorja u kull bniedem sensibbli jista’ jassessja li x-xenqa għall-ġid tal-oħrajn tikkawża nvidja u regħba biex jikbru u din hi s-sors ta’ telf tal-paċi.
Fil-qosor, jekk nixtiequ li aħna naraw l-paċi vera fis-soċjetajiet tagħna kif ukoll fid-dinja kollha, huwa importanti li nistabbilixxu l-ġustizzja vera, nirrispettaw is-sentimenti tal-oħrajn, nuru rispett kbir lil xulxin, noħolqu l-imħabba bejnietna, nagħtu d-drittijiet lill-oħrajn, u naħdmu biex nippromwovu t-tajjeb u s-sewwa fis-soċjetajiet tagħna sabiex id-dinja ssir kenn ta’ paċi.