Il-Ħsara tas-Sigaretti, tax-Xorb u tad-Drogi │Laiq Ahmed Atif

Minn Laiq Ahmed Atif President – Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta│Source: It-TORĊA: Il-Ħadd, 18 ta’ Diċembru, 2011 

Fid-dinja tal-lum il-bniedem kiseb suċċess kbir f’kull qasam. Il-progress fit-teknoloġija hu enormi u l-ħajja tal-bniedem inbidlet kompletament. Dawn l-inven-zjonijiet huma kollha tajbin u għamlu l-bniedem iktar progressiv, soċjevoli u ċivilizzat.

Imma, sfortunatament, mill-banda l-oħra niltaqgħu ma’ elementi negattivi fil-ħajja tal-lum, fid-dinja moderna. Naraw żieda sostanzjali fix-xorb, fit-tipjip u fl-użu tad-drogi. Issib nies ta’ kull età u minn klassijiet soċjali differenti li huma dipendenti fuq xi vizzju. Anki ż-żgħażagħ li huma l-futur tas-soċjetà, huma wkoll involuti fis-sigaretti, fix-xorb kif ukoll fid-drogi.

L-użu ħażin tad-drogi hu problema kbira ħafna li d-dinja qiegħda tiffaċċja llum. Issib żgħażagħ li jitilfu ħajjithom minħabba d-drogi, it-tipjip u x-xorb. Numru ta’ familji jiġġarrfu u l-kriminalità qiegħda tiżdied.

Hemm ħafna nies li jaħsbu li x-xorb u t-tipjip m’għandhomx x’jaqsmu mad-drogi. Iżda jekk nanalizzaw is-sitwazzjoni mill-qrib u nkunu realistiċi, nistgħu ngħidu li l-problemi l-kbar tad-drogi jibdew mit-tipjip u mix-xorb. In-nies li huma nvoluti f’xi sitwazzjoni ħażina minħabba d-drogi, bdew mill-affarijiet żgħar u fl-aħħar spiċċaw f’qagħda ferm agħar.

Kull sena iktar minn sitt triljun sigarett jinbiegħu. U iktar minn sitt miljun ruħ imutu minħabba t-tipjip mad-war id-dinja; kull 6.5 sekondi jmut wieħed li jpejjep. Huwa stmat li kważi 1.3 biljun ruħ ipejpu madwar id-dinja. Possibbilment in-numru se jiżdied sa 6.5 miljun ruħ fl-2015 u 8.3 miljun fl-2030. 

Fl-Amerika biss hemm 46 miljun ruħ li jpejpu; u kważi 443,000 Amerikani jmutu minħabba t-tipjip kull sena. U fiċ-Ċina kważi 1.2 miljun persuna jmutu minħabba t-tipjip kull sena, jiġifieri 2,000 persuna kuljum. Mhux it-tipjip biss jagħmel ħsara lis-saħħa l-bniedem imma d-duħħan huwa wkoll perikoluż ħafna għal saħħitna. 

L-użu ħażin tal-alkoħol huwa fattur ta’ riksju kbir għall-mewt prematura u d-diżabilità fid-dinja. Skont ‘l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa’ kważi 1.8 miljun persuna jmutu minħabba l-alkoħol madwar id-dinja. U madwar 2.5 miljun ruħ imutu mid-drogi direttament jew indirettament, kull sena madwar id-dinja.

Il-gvernijiet qegħdin jonfqu flus kbar biex jindrizzaw din il-problema u jiġġieldu l-gwerra kontra d-drogi u l-użu ħażin tagħhom. Imma sfor-tunatament huma ma jidhrux li qegħdin jirbħu din il-gwerra u n-numru ta’ nies li jabbużaw mid-drogi qed jiżdied kuljum. 

Ix-xorb, it-tipjip u d-drogi jagħmlu ħsara kbira fis-soċjetà, lis-saħħa, u lill-ekonomija tal-pajjiż. Nafu li l-abbuż huwa ħażin, imma l-mistoqsija hi: Għaliex in-nies qegħdin jersqu iktar lejn dawn il-vizzji aktar minn qatt qabel?

Hemm rapport dwar l-Ingilterra li juri li l-ġenituri jib-żgħu ħafna iktar li wliedhom jaqbdu l-vizzju tad-drogi milli jekk ikollhom xi arma. Erbgħa minn kull għaxar ġenituri qalu li l-użu tad-drogi huwa l-ikbar biża’ tagħhom għal uliedhom. 

L-istudji dwar id-drogi juru li n-nies jersqu lejhom minħabba dawk ir-raġunijiet: tiċħid u nuqqas ta’ xogħol, abbużi emozzjonali u fiżiċi, trawma, uġigħ, tensjoni, pressjoni, dwejjaq, sikkatura, kur-żità, esperimentazzjoni b’xi ħaġa ġdida, vizzju, drogi rħas u minħabba xi disponibbilità faċli għalihom. 

Dawn ir-raġunijiet juru li hemm vojt kbir fil-ħajja ta’ dawk li jaqgħu fil-vizzju. U n-nies jaħsbu li dan il-vizzju tat-tipjip, tax-xorb u tad-drogi se jagħtihom il-mistrieħ u s-serħan tal-moħħ. 

Però, fir-realtà huma jżidu l-problemi tagħhom u ma jnaqqsu xejn mill-problemi u mill-mard tagħhom; l-uġigħ tagħhom jibqa’ hemm, anki jiżdied.

Nemmen, li jekk l-użu eċċessiv ta’ xi ħaġa huwa ħażin, importanti li jkollna sens ta’ bilanċ u ma nħallux dawn id-drogi jeqirdu s-soċjetajiet tagħna. U kif ngħidu bl-Ingliż ‘nip the evil in the bud’; ejjew nagħmlu l-gwerra kontra tagħhom u ngħinu lil kull min għandu problema bl-alkoħol, bid-droga jew bit-tipjip biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja kif inhu xieraq illum stess.

Find Original Post:

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.org.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: 356-79320139 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Humanity First. Bookmark the permalink.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s