The Hope to Live

It-Tama li Ngħix

Il-ħajja hija sabiħa għalhekk irridu nippruvaw ngħixuha bis-sħiħ, b’mod tajjeb u ġenwin, u nieħdu ħsieb tagħna nfusna u m’għandniex nieħdu l-affarijiet for granted, anzi, irridu naħdmu ħafna, inxammru l-kmiem u nagħmlu ħilitna kollha biex insegwu l-ġmiel tal-ħajja u nagħmlu ħajjitna l-aqwa ħajja li qatt tista’ tkun f’termini ta’ saħħa, edukazzjoni, karriera, moralità u spiritwalità.

Dan l-aħħar kelli opportunità biex nattendi ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-Caritas li saret f’San Blas, u smajna l-istejjer ta’ erbatax-il persuna li temmew il-programm ta’ riabilitazzjoni b’suċċess.

‘M’iniex numru’

Fl-istejjer tagħhom innutajt ħafna messaġġi u punti importanti fosthom is-suċċess, il-kuraġġ u t-tama. Kulħadd ried u kellu tama li jgħix ħajja diċenti, ħajja normali, ħajja b’dinjità u fuq kollox ħajja mal-familja.

Dan il-messaġġ ġie enfasizzat aktar permezz tat-tema magħżula għaċ-ċerimonja ta’ din is-sena, li, ‘M’iniex numru’, imma l-persuna, il-bniedem bħal ħaddieħor, bl-istess demm fil-vini u bl-istess emozzjonijiet bħal kulħadd.

Kulħadd huwa gwardjan

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li kull wieħed minnkom huwa gwardjan fuq xi ħadd, inti se tkun responsabbli tan-nies li inti maħtur gwardjan fuqhom. Ilkoll kemm aħna nsiru gwardjani fl-oqsma tar-responsabbiltajiet tagħna. Aħna se nkunu responsabbli.

Kull wieħed u kull waħda minna huwa responsabbli dwar dmirijiet differenti. Aħna responsabbli għal saħħitna stess, dwar il-familji tagħna, il-ġenituri, l-imsieħba, it-tfal u f’ħafna kapaċitajiet oħra bħala ċittadini. Għalhekk, huwa importanti ħafna li dejjem inkunu konxji dwar id-doveri tagħna.

Rigal mill-isbaħ

Il-ħajja u s-saħħa tajba hija rigal prezzjuż u mill-isbaħ ta’ Alla, għalhekk, irridu nibqgħu dejjem konxji u viġilanti dwar dan ir-rigal għali minn Sidna, u qatt ma nħalluh jitħassar jew jiddgħajjef.

Jekk verament għandi tama li ngħix, u mhux li neżisti biss, allura huwa dmiri, huwa obbligu fuqi, li għandi biex nieħu ħsieb lili nnifsi.

Kif jingħad li “l-karità tibda mid-dar”, bl-istess mod, jekk nixtieq nieħu ħsieb lil dawk li l-aktar huma importanti għalija, allura, qabel kollox irrid nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u saħħti, sabiex ikolli s-saħħa u l-kuraġġ kollu li nkun nista’ nħares lill-għeżież kollha tiegħi.

Il-qerda tal-ħolm

Mingħajr l-ebda nitfa ta’ dubju nafu u nafu sew li t-teħid ta’ sustanzi illeċiti ta’ drogi jagħmel ħsara enormi lis-saħħa tal-bniedem. Ma tgħaddix ġurnata waħda mingħajr aħbarijiet daqshekk koroh u ta’ wġigħ. Nisimgħu aħbarijiet bħal dawn u stejjer ta’ tbatija ta’ nies li huma dipendenti fuq id-droga.

Dawn il-vizzji jkaxkru, ifarrku, iħassru u jeqirdu mhux biss is-saħħa, iżda wkoll il-ħolm; mhux biss illum, imma wkoll għada; mhux biss il-preżent iżda wkoll il-futur.

Fil-qosor, id-dipendenza fuq id-droga mhi xejn ħlief it-telf u t-telf biss

Biex jindirizzaw din il-problema, il-Ġnus Magħquda josservaw is-26 ta’ Ġunju bħala l-jum internazzjonali kontra l-abbuż mid-droga biex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-imsieħba differenti ħalli jinkiseb l-għan ta’ dinja ħielsa mill-abbuż tad-droga.

Ir-rivista ‘Id-Dawl’

Min-naħa tagħna, bħala dmir nazzjonali, il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta indirizzat dan is-suġġett fir-rivista tagħha li toħroġ kull xahar, Id-Dawl. Sabiex nedukaw lilna nfusna u lil uliedna, u flimkien naraw kif se nsalvaw in-nisġa soċjali milli taqa’ fin-nasba tal-użu ta’ sustanzi illeċiti.

Inħeġġeġ lill-qarrejja tagħna biex iżuru l-websajt tagħna biex jaqraw aktar dwar dan is-suġġett importantissimu. http://www.ahmadiyya.mt/id-dawl . In-Nazzjon 15.07.2023 | Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.