Protests, Strikes, Violence and Islam

Protesti, strajks u vjolenza

It-Torċa 06 August 2023 | Laiq Ahmed Atif | amjmalta@gmail.com

Dan l-aħħar rajna xeni disturbanti fit-toroq ta’ Franza fejn rajna eluf ta’ nies jipprotestaw kontra l-qtil taż-żagħżugħ Nahel Merzouk, immigrant ta’ 19-il sena li kien jgħix fi Franza. Dawn il-protesti saru wkoll vjolenti u xi kultant kriminali wkoll. Il-pulizija ppruvat trażżan lid-dimostranti u titfi bosta nirien li għamlu ħsara lill-iskejjel, lill-għases tal-pulizija u bini pubbliku, skont kelliem għall-pulizija nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, smajna wkoll ilmenti għal żmien twil ta’ vjolenza tal-pulizija u razziżmu sistematiku ġewwa l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. Hemm nies li jgħidu li dan huwa r-riżultat ta’ razziżmu li dawk in-nies iffaċċjaw għal snin twal.

Din is-sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar kompliet tħeġġeġ lil dawk li dejjem iwaħħlu fir-reliġjon b’mod ġenerali għal kull tip ta’ vjolenza u nuqqas ta’ paċi, u li b’mod partikolari jippruvaw jgħaqqdu din il-mewġa ta’ vjolenza mal-Iżlam. Hemm ħafna nies li jinsistu li din il-vjolenza ġejja minn immigranti u refuġjati Musulmani u li għandha tittieħed bħala evidenza li l-Musulmani kienu se jirvellaw u jiksru l-paċi tas-soċjetà peress li dan huwa dak li tgħallem ir-reliġjon tagħhom.

Il-vjolenza

Għalhekk, huwa sewwa li niddiskutu dan is-suġġett fid-dettall u naraw xi jgħid l-Iżlam dwar il-vjolenza u jekk din ir-reazzjoni għandha x’taqsam mat-tagħlim tal-Iżlam? Huwa wkoll importanti ħafna li naraw  x’jgħallem l-Iżlam lill-Musulmani dwar id-dimostrazzjoni pubblika? Il-Musulmani jistgħu jisirqu jew jiksru l-paċi pubblika biex isemmgħu leħinhom?

Meta naqraw il-Koran Imqaddes b’mod sħiħ insibu li l-ħsara lill-proprjetajiet pubbliċi u privati bħal skejjel, sptarijiet, djar u negozji biex taffettwa l-bidla soċjali u forsi morali hija kompletament ipprojbita fl-Iżlam. L-Iżlam assolutament ma jaqbilx mal-ħsara għall-interessi nazzjonali u l-infrastruttura, u dejjem jenfasizza li kull membru tas-soċjetà għandu dmir li jaħdem għall-paċi u ħadd m’għandu permess li jikser is-sliem nazzjonali. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “It-tiġrib, il-persekuzzjoni u d-diżordni huwa agħar mill-qtil” (2:192); “Alla ma jħobbx id-diżordni u l-ħsara lill-paċi” (2:206).

Il-qdusija tal-ħajja umana

Barra minn hekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza fuq il-paċi sa tali punt li fl-aħħar diskors tiegħu huwa enfasizza l-qdusija tal-ħajja umana, u quddiem eluf kbar ta’ nies qal:

“Alla għamel il-ħajja, il-proprjetà u l-unur ta’ kull persuna sagri. Li wieħed jieħu l-ħajja jew il-proprjetà ta’ xi ħadd jew jattakka l-unur tiegħu huwa inġust u ħażin daqs li wieħed jattakka l-qdusija ta’ dan il-jum, dan ix-xahar, dan it-territorju. Dak li qed nikkmandakom illum ma jgħoddx biss għal-lum. Jgħodd għal dejjem. Intom mistennija li tiftakruha din u li tobduha sakemm tħallu din id-dinja u tmorru fl-oħra biex tiltaqgħu mal-Ħallieq tagħkom.”

Dawn ir-referenzi ta’ fuq juru biċ-ċar li ħsara lill-interessi nazzjonali u soċjali u lill-paċi hija kompletament ipprojbita fl-Iżlam, għal kwalunkwe raġuni tkun xi tkun.

L-effetti negattivi tal-protesti jew l-istrajkijiet

Dan huwa spjegat u elaborat aktar mill-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, li qal:

“Wieħed irid jiftakar illi anke fejn il-protesti jew l-istrajkijiet isiru fil-paċi, mingħajr ħsara kriminali jew vjolenza, dan xorta jista’ jkollu effetti negattivi. Dan għaliex, anke l-protesti paċifiċi ta’ spiss jirriżultaw f’telf ta’ miljuni fl-ekonomija tal-pajjiż. Taħt l-ebda ċirkostanza mġiba bħal din ma tista’ titqies bħala eżempju ta’ lealtà lejn in-nazzjon.

Prinċipju tad-deheb mgħallem mill-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana hu li rridu nibqgħu obbidjenti lejn Alla, il-Profeti u l-mexxejja tan-nazzjon tagħna. Dan hu l-istess tagħlim mogħti fil-Koran Imqaddes. Għalhekk, anke fejn pajjiż jippermetti l-istrajkijiet u l-protesti, dawn għandhom isiru biss kemm-il darba ma jikkawżawx ħsara lin-nazzjon jew l-ekonomija.” (Il-kriżi dinjija u t-triq għallpaċi, p. 50)

Reazzjoni għal ħakkiema inġusti

Tqum il-mistoqsija kif il-Musulmani għandhom jirrispondu lill-ħakkiema tagħhom jekk jaħsbu li huma inġusti. Darba, il-kumpanni tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, staqsewh:

“O Profeta ta’ Alla, x’nagħmlu jekk ikollna ħakkiema fuqna li jitolbu d-drittijiet tagħhom iżda jżommu d-drittijiet tagħna?” Hu wieġeb: “Isimgħuhom u obduhom [irrispettivament]. Fuqhom hu t-toqol tagħhom u fuqkom ikun it-toqol tagħkom.”

Id-dmirijiet tal-gvern

Fuq kollox, il-gvern għandu wkoll jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jwettaq id-drittijiet liċ-ċittadini kollha tiegħu mingħajr ebda favur jew diskriminazzjoni; u l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet tal-Istat għandhom ukoll isiru konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-gvern għandu jifhem ukoll is-sitwazzjoni li sempliċement l-użu tal-forza biex iwieġeb għal kwistjonijiet bħal dawn mhuwiex ir-risposta, u lanqas l-użu tal-forza s-soluzzjoni biex isolvu l-problemi. Fil-fatt, il-gvernijiet jistgħu jiffunzjonaw biss meta ċ-ċittadini kollha jingħataw id-drittijiet dovuti lilhom.

Għalhekk, kull meta tinqala’ xi problema, il-gvern għandu mill-ewwel jibda d-djalogu bejn l-imsieħba kollha sabiex jifhem is-sitwazzjoni sew u jsib soluzzjoni tajba u jassigura lill-parti milquta li l-ġustizzja tkun moqdija u ħadd ma jkun imċaħħad mill-ġustizzja.

L-ugwaljanza, il-mogħdrija u l-ġustizzja

Meta l-gvern jikkonsulta u juri simpatija matul dawn iż-żminijiet, tassew jipprovdi kumdità u serħan lil dawk affettwati; u s-sitwazzjoni tista’ tinżamm kalma u paċifika.

Il-Koran, b’hekk, jagħmilha ċara li l-bnedmin kollha jitwieldu ndaqs u jgħallem b’mod ċar bħall-kristall li persuni minn nazzjonijiet jew razez differenti huma ugwali. Huwa ċar ukoll li l-persuni kollha għandhom jingħataw drittijiet ugwali mingħajr ebda diskriminazzjoni jew preġudizzju.

Jien ċert li dawn il-valuri tal-ugwaljanza, il-mogħdrija, l-empatija, u l-ġustizzja huma soluzzjonijiet mill-aqwa f’sitwazzjonijiet bħal dawn; u dawn il-valuri jistgħu joħolqu t-triq għar-rikonċiljazzjoni, il-ftehim, l-armonija u l-paċi dejjiema.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Peace, Quran, Solidarijetà, Solidarity, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.