IL-PROTEZZJONI TAL-POSTIJIET TA’ QIMA
Imam Laiq Ahmed Atif |It-Torċa 17.09.2023 | amjmalta@gmail.com
Minn qoxra sa qoxra, il-Koran Imqaddes iwassal messaġġi ta’ rikonċiljazzjoni, paċi, imħabba, affezzjoni, u l-ispirtu tas-sagrifiċċju; u jgħallimna biex nirrispettaw il-Profeti, ir-reliġjonijiet, u l-postijiet reliġjużi. Fil-kapitlu 22, versi 40-41 tal-Koran Imqaddes, Alla jitħaddet b’mod ċarissimu dwar il-protezzjoni tal-postijiet tat-talb bħal kunventi, knejjes, sinagogi u moskej li fihom jissemma ħafna Isem Alla.
Il-libertà tar-reliġjon hija dritt bażiku ta’ kull bniedem li jgħix f’din id-dinja. Dan huwa dritt divin kif Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “M’għandux ikun hemm sfurzar fir-reliġjon” (2:257). Għalhekk, naħseb li ħadd ma għandu dritt li jċaħħad lil xi ħadd minn dan id-dritt bażiku u fundamentali tal-bniedem.
Meta naraw it-tagħlim tar-reliġjonijiet differenti nsibu li huma f’kunsens li l-libertà tar-reliġjon huwa dritt ta’ kulħadd, mingħajr ebda favur jew diskriminazzjoni.
L-għan ta’ reliġjon
L-għan ta’ kull reliġjon huwa li jqarreb lill-bniedem lejn Alla u li jistabbilixxi l-valuri umani. L-ebda fundatur ta’ kwalunkwe twemmin ma għallem lid-dixxipli tiegħu biex iċaħħdu d-drittijiet tal-oħrajn jew li jaġixxu bi krudeltà lejn bnedmin oħra, anzi, kienu ċ-ċampjins tad-drittijiet tal-bniedem inkluż id-dritt li wieħed jemmen u jadura kif jixtieq hu.
L-attakki fuq il-minoranzi
Imma sfortunatament, dan l-aħħar rajna xi attakki fuq postijiet tal-qima fl-Indja u l-Pakistan, fejn knejjes u djar tal-Kristjani ġew maħruqa, partikolarment dak li ġara f’Jaranwala, Faisalabad, il-Pakistan. Hija sfortuna kbira li f’ċerti pajjiżi bħall-Pakistan ma teżistix il-libertà reliġjuża għal kulħadd. Il-komunitajiet minoritarji bħall-Insara u l-Ħindu, anke minoranzi Musulmani bħal Shiti u Ahmadiyya, huma dejjem beżgħana minn attakki mill-maġġoranza Musulmana Sunni.
Irrid nagħmilha ċara li, għaldaqstant, l-għemil ta’ xi Musulmani li jaġixxu b’mod żbaljat, u jattakkaw in-nies li jħaddnu reliġjonijiet differenti, jew jagħmlu parti mill-fergħat l-oħra tal-Iżlam, m’għandux jintuża bħala skuża biex jiġi attakkat l-Iżlam.
Knejjes, Sinagogi u Moskej
L-Iżlam jgħallimna biex nirrispettaw il-Profeti, ir-reliġjonijiet, il-fehmiet reliġjużi u l-postijiet reliġjużi kollha kemm huma. Fil-kapitlu 22, versi 40-41 tal-Koran Imqaddes, Alla jitħaddet b’mod ċarissimu dwar il-protezzjoni tal-postijiet tat-talb bħal kunventi, knejjes, sinagogi u moskej li fihom jissemma ħafna Isem Alla.
Allura, kif jista’ jkun li xi Musulmani jattakkaw id-djar tal-Insara u l-knejjes tagħhom?
Huwa importanti li nifhmu li jekk xi Musulman ma jsegwix it-tagħlim Iżlamiku kif suppost waqt li jiddikjara li huwa jemmen fl-Iżlam, mela hija l-persuna li qed tiżbalja, u mhux it-tagħlim li huwa żbaljat. Il-kelma ‘Iżlam’ li ġejja mill-għerq s-l-m fil-fatt tfisser paċi, imħabba, sigurtà u sliem.
Il-Koran minn qoxra sa qoxra
Nixtieq nassigura lill-qarrejja kollha li, minn qoxra sa qoxra, il-Koran Imqaddes iwassal messaġġi ta’ rikonċiljazzjoni, paċi, imħabba, affezzjoni, u l-ispirtu tas-sagrifiċċju. It-tagħlim kollu tal-Koran Imqaddes huwa bbażat fuq li nwettqu d-drittijiet ta’ Alla, u d-drittijiet tal-bnedmin kollha kemm huma. Allura kif il-Musulman veru jattakka l-knejjes tal-Insara?
Ahmadiyya spalla ma’ spalla
Il-mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, jgħid: “Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana ssegwi biss it-tagħlim ġenwin tal-Iżlam u taħdem purament biex togħġob lill-Alla l-Omnipotenti. Jekk xi knisja jew xi post ieħor ta’ adorazzjoni jkollhom bżonn ta’ xi forma ta’ protezzjoni, lilna se jsibuna spalla ma’ spalla magħhom biex ngħinuhom.”
Huwa jkompli jenfasizza dan il-punt billi jgħid li, “Illum naraw taqlib kbir fid-dinja, ma’ kull ġurnata li tgħaddi, il-paċi tad-dinja qed tiġi mdgħajfa u kompromessa, għalhekk huwa essenzjali li tinżamm il-paċi fis-soċjetà, u dan jitlob minna li kull wieħed u waħda minna jelimina minn qalbu s-sentimenti kollha ta’ mibegħda u jżid il-gradi ta’ tolleranza.”
L-imħabba u għożża
Huwa mhux importanti biss, anzi, sar kruċjali u sejħa tas-siegħa li flimkien noħolqu atmosfera ta’ mħabba u għożża, u aħna nwasslu messaġġ ta’ mħabba u sliem lil dawk kollha ta’ madwarna, li aħna nitgħallmu ngħixu f’armonija ferm akbar minn qatt qabel u għalhekk noħolqu ħajja aħjar, u li nagħrfu l-vera valuri tal-umanità.