Il-Mexxejja Reliġjużi għall-Paċi
Imam Laiq Ahmed Atif | Il-Leħen 17.09.2023 |amjmalta@gmail.com
In-nies dejjem iwaħħlu fir-reliġjon għal kull vjolenza, mibegħda u tixrid ta’ demm, imma fir-realtà huwa l-kuntrarju. L-għan ta’ kull reliġjon dejjem kien li jqarreb lill-bniedem lejn Alla u li jistabbilixxi l-valuri umani, jistabbilixxi l-paċi, l-armonija u l-ħbiberija bejn in-nies kollha. L-ebda fundatur ta’ kwalunkwe twemmin ma għallem lid-dixxipli tiegħu biex iċaħħdu d-drittijiet tal-oħrajn jew li jaġixxu bi krudeltà lejn bnedmin oħra.
Anke fl-istorja riċenti, insibu żewġ mexxejja reliġjużi li għandhom ilħna għoljin u kredibbli favur il-paċi, fost oħrajn. Qatt ma jistrieħu minn dan id-dmir nobbli li jsejħu lin-nies lejn il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-armonija.
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad
Min-naħa l-oħra, il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, qed jaħdem b’ħeġġa kbira u hu dejjem ħerqan għall-benesseri tal-umanità kollha. Mindu ġie elett bħala l-Mexxej fl-2003 huwa dejjem xtaq u ħadem biex ipoġġi l-pedamenti għall-paċi fid-dinja kollha.
Huwa saħaq li f’ġieħ Alla li Jista’ Kollox, bl-aħjar mill-kapaċitajiet u r-riżorsi tagħna, inġibu ruħna b’qalb tajba u ġentili lejn il-ħolqien ta’ Alla. Huwa dmirna li naqdu l-ħolqien ta’ Alla. Huwa minnu li meta persuna tiltaqaʼ maʼ persuna oħra f’dan l-ispirtu, jirriżultaw biss l-imħabba u l-affezzjoni u l-paċi. Mhu se tibqa’ l-ebda traċċa ta’ mibegħda, għedwa jew malizzja, u dan iwassal għall-paċi dejjiema fid-dinja fejn ma jibqa’ xejn ħlief imħabba u mogħdrija.
Il-kriżi dinjija u t-triq għall-paċi
Il-ktieb notevoli tiegħu, Il-kriżi dinjija u t-triq għall-paċi, huwa xhieda ċarissima tax-xewqa tiegħu. F’dan il-kiteb hu jipprovdi soluzzjonijiet fattibbli għall-kunflitti u l-problemi tagħna u jwassal għat-triq tal-paċi. Barra minn hekk, huwa kiteb ittri lill-mexxejja dinjin biex jiġbed l-attenzjoni tagħhom għad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom għall-promozzjoni u l-ħolqien tal-paċi u l-armonija fis-soċjetajiet tagħna u madwar id-dinja.
Il-gwerra toħloq aktar kunflitt
Huwa enfasizza wkoll dwar it-tneħħija tal-armi u t-tnaqqis tal-baġits militari u tad-difiża u t-tnaqqis tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-armi militari. Huwa jgħid li, “il-verità hi li l-gwerra ħafna drabi toħloq aktar kunflitt.” Għalhekk, il-partijiet kollha għandhom jilħqu ftehim li jwassal għal paċi u rikonċiljazzjoni fit-tul taż-żmien.
Dawn huma vuċijiet qawwija ħafna u kredibbli li d-dinja għandha tisma’, biex tevita l-qerda, aktar diviżjoni u t-tielet gwerra dinjija. Hija wkoll tweġiba ċara għal dawk in-nies li dejjem iwaħħlu fir-reliġjon għal kull vjolenza u gwerra.
Photo: Kai Pilger | Unsplash
Il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku
Riċentement fil-Jum Dinji tal-Għajnuna Umanitarja, il-Papa Franġisku sejjaħ lid-dinja biex tnaqqas il-baġit militari u tad-difiża u minflok dawk ir-riżorsi għandhom jintefqu fuq bżonnijiet umanitarji u għall-benesseri tal-umanità.
Fl-appell tiegħu fuq X jew Twitter huwa saħaq li, “Hija responsabbiltà tagħna li neradikaw il-mibegħda u l-vjolenza minn qalbna. Ejjew inħeġġu biex jitwarrbu l-armi, li jkun hemm tnaqqis fl-infiq militari biex ikunu jistgħu jiġu pprovduti l-bżonnijiet umanitarji u biex l-istrumenti tal-mewt jiġu mibdula fi strumenti tal-ħajja.”
Allura, huwa ferm importanti li naħdmu flimkien biex l-istrumenti tal-mewt jiġu mibdula fi strumenti tal-ħajja, u r-riżorsi disponibbli kollha huma utilizzati għall-benefiċċju tal-umanità.