IS-SAJF U L-ĠENITURI
Kunu ġentili man-nies fid-dinja, Alla jkun ħanin magħkom fis-sema
Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon 12.09.2023 | amjmalta@ahmadiyyamalta
Is-sajf hu żmien ta’ festi, divertiment u tgawdija. Matul is-sajf hemm it-tendenza li jiġu organizzati ħafna ħarġiet, laqgħat, ikliet, u parties bl-għan tad-divertiment u l-pjaċir.
Imma xi kultant xi nies li huma tal-akbar importanza f’ħajjitna jiġu injorati jew minsija u dawn huma l-ġenituri jew l-anzjani tagħna. B’ċertezza sħiħa nista’ ngħid li esperjenzajt li l-anzjani ħafna drabi ma jridux l-aqwa servizzi iżda jridu u għandhom bżonn il-kumpanija ta’ xi ħadd, u ma jistax ikun hemm akkompanjament aħjar milli jkollhom il-maħbubin tagħhom madwarhom inklużi wliedhom u n-neputijiet tagħhom. Ħafna drabi huma jridu jitkellmu u meta xi ħadd jgħidilhom xi kelmtejn jew jisma’ dak li jridu jgħidu dan jagħtihom ħafna kuntentizza u sodisfazzjon.
Personalment, kull meta nżur xi dar tal-anzjani jew niltaqa’ ma’ xi anzjan xi mkien u nitkellem magħhom u noffri jekk nistax ngħinhom, dan il-ġest żgħir jintlaqa’ b’mod tajjeb ħafna minnhom, u jipprovdilhom serħan u wiċċhom jixgħel bil-ferħ, kuntentizza u tbissim.
L-anzjani: ċentru ta’ kull attività
Għalhekk huwa ferm importanti li matul dawn il-ġranet tas-sajf fejn kulħadd jista’ jifraħ, b’mod jew ieħor inżommu l-ġenituri u l-anzjani tagħna f’moħħna. Dejjem nagħmluhom ċentru ta’ kull programm tagħna, kif kienu jagħmluna ċentru ta’ kull attività tagħhom meta konna żgħar. Meta konna fil-bżonn tal-għajnuna huma tawna kollox, kemm setgħu, mingħajr ma fittxu xi ħaġa lura jew xi premju. Issa, meta huma saru anzjani u ma baqax saħħa biżżejjed f’ġisimhom minħabba l-età tagħhom, allura sar obbligu fuqna li nservuhom b’mod tajjeb, bl-imħabba u l-kompassjoni.
Sidi, ħenn il-ġenituri tiegħi bħalma rabbewni
Alla jispjega dan fil-Koran Imqaddes b’mod tajjeb ħafna u jgħid:
Sidek amar, “Uru tieba lejn il-ġenituri. Jekk xi ħadd minnhom, jew it-tnejn li huma, jixjieħu miegħek, qatt tgħidilhom kliem iebes jew ta’ stmerrija, iżda indirizzahom bil-ħlewwa. U b’umiltà u tenerezza itlob: Sidi, ħenn għalihom bħalma rabbewni meta kont żgħir.” (Il-Koran, 17:24-25)
Il-kliem tat-talb, “Sidi, ħenn għalihom bħalma rabbewni meta kont żgħir”, jispjega kollox; kif u sa liema punt għandna nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna huwa ‘bħalma rabbewni’. Dan huwa l-livell li għandna nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna u qatt u qatt ma ninsewhom imma dejjem nagħmluhom parti integrali ta’ ħajjitna, u dejjem nittrattawhom b’mod ġentili.
L-għemil ferm nobbli
Huwa att ferm nobbli li f’dawn il-ġranet sajfin ta’ ferħ inqattgħu ħin mal-anzjani tagħna, il-ġenituri tagħna jew in-nanniet huma min huma. Barra minn hekk, naħseb huwa wkoll għemil mill-aqwa li nuru simpatija u benevolenza ma’ dawk l-anzjani li forsi ma jkunux qraba qrib tagħna, imma kull meta u kemm nistgħu rridu nieħdu ħsieb l-anzjani kollha tagħna.
Bla dubju ta’ xejn din hija qima, din hija reliġjon u fidi, li aħna naqdu lill-ħolqien ta’ Alla fid-dinja; u dawk li jgħinu lin-nies jiġu ppremjati minn Alla. Qed niftakar vers minn poeżija li jgħid:
Kunu ġentili man-nies fid-dinja, Alla jkun ħanin magħkom fis-sema.