The recipe for a long life

Ir-riċetta għal ħajja twila

Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon 24 ta’ Ottubru 2023 |amjmalta@gmail.com

Meta naħsbu dwar il-ħolqien ta’ Alla, insibu li l-bniedem inħoloq bl-aħjar mod, jew nista’ ngħid li l-bnedmin huma l-aqwa ħolqien ta’ Alla – il-Kreatur.

Il-bniedem ingħata l-aqwa fakultajiet, kapaċitajiet u abbiltajiet. Iżda qatt ħsibna, għaliex? X’inhi r-raġuni għall-ħolqien tal-umanità fl-aqwa forma ta’ ħolqien? X’inhu l-iskop jew l-għan ta’ ħajti? Jew, kif nista’ nkun bniedem aħjar?

Dawn huma xi mistoqsijiet li jiġu jew għandhom jiġu f’moħħna meta naħsbu dwar l-għan ta’ ħajjitna. Għax huwa minnu li xejn mhuwa għal xejn, hemm żgur xi għan partikolari li għandna nsibu.

Skont it-tagħlim Iżlamiku hemm żewġ għanijiet importanti għall-ħolqien tagħna: li nħobbu lil Alla u nwettqu d-drittijiet Tiegħu, jiġifieri nqimu quddiemu u dejjem nagħmluh iċ-ċentru ta’ ħajjitna, u t-tieni huwa li nħobbu u nservu lil ħutna l-bnedmin.

Il-qalb li tħabbat mal-umanità

Il-ħidma u s-servizz għall-umanità huma valuri mill-isbaħ, u nemmen li huwa valur li jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn min iħobb u jkollu l-isbaħ xewqat għall-umanità u dawk egoisti u ċċentrati fuqhom infushom biss.

Alla l-Ħanin jiggwidana fil-Koran Imqaddes biex naqdu lill-umanità u wiegħed lil dawk li jagħmlu ġid lill-oħrajn u juru li huma bnedmin ta’ benefiċċju għal ħuthom, ħajjithom tittawwal. Alla l-Ħanin jgħid: “Dak li jibbenefika lill-umanità, jibqa’ fuq l-art” (Il-Koran, 13:18).

Jiġifieri, li dawk in-nies li huma dejjem ħerqana li jgħinu lill-proxxmu, dawk li huma dejjem lesti li jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor faċli u komda, dawk li jkollhom mogħdrija u mħabba għall-oħrajn, dawk li qalbhom tħabbat bil-qalb tal-umanità, u dawk li għandhom qalb tad-deheb f’termini ta’ karità u solidarjetà, ħajjithom tkun itwal u huma se jibqgħu fid-dinja għat-tul.

Kull qatra tgħodd

Huwa wkoll fatt li l-bniedem ma jistax jgħin lill-oħrajn bis-sħiħ, għalhekk huwa importanti li nifhmu li jekk kulħadd jagħti sehmu, u kulħadd jixtieq li jkun hu li jkun l-ewwel biex jgħin, dan jagħmel ħafna differenza, għax ‘kull qatra tgħodd’.

It-tieni punt huwa li nżommu lilna nfusna okkupati fit-talb u nitolbu għan-nies kollha, għax dan huwa l-isbaħ mod ta’ benefiċċju lill-umanità kollha.

Ngħinu bit-talb

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Messija Mwiegħed, jispjega dan u jgħid li, peress li l-forom l-oħra ta’ simpatija huma suġġetti għal limitazzjonijiet, għalhekk, l-għajnuna bla tmiem li tista’ tingħata b’mod speċjali, hija l-għajnuna kontinwa tat-talb. Meta l-għajnuna tkun ta’ benefiċċju għan-nies inġenerali, nistgħu nieħdu l-akbar benefiċċju minn dan il-vers (ta’ fuq) permezz tat-talb.

Huwa assolutament veru li l-ħajja ta’ persuna li hija sors ta’ benefiċċju għad-dinja hija mtawla, u min jikkawża l-ħażen jittieħed minn din id-dinja aktar malajr. Jingħad li Sher Singh kien jaqbad l-għasafar u jixwihom ħajjin fuq in-nar, u kien inqatel fi żmien sentejn minn meta ħa l-poter.

Għalhekk, hija r-responsabbiltà tal-bniedem li jirrifletti u jikkontempla dwar kif nistgħu nżommu leali li: “L-aqwa mill-umanità huwa dak li jibbenefika lill-umanità.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.