The Jewel of Humanity

Il-Ġojjell tal-Umanità

Laiq Ahmed Atif | it-Torċa 05.11.2023 | amjmalta@gmail.com

Fid-dinja tal-lum sar ħafna progress ekonomiku u teknoloġiku. Fid-djar tagħna għandna l-kumditajiet kollha u anke l-kċejjen tagħna huma mgħammra bis-sħiħ. Fit-toroq tagħna nsibu karozzi ibridi u elettriċi, u kważi ta’ kull ditta, disinn u mudell. Il-bini ta’ madwarna qed isir ikbar u itwal minn qatt qabel. Fil-qosor, ingawdu l-lussu tal-ħajja.

Il-kortesija, ir-rispett u l-imħabba

Iżda sfortunatament il-ħin kollu qed ninjoraw l-aktar assi prezzjużi u l-ġojjelli tal-umanità, li huma l-imħabba, l-armonija, ir-rispett, il-paċi, l-etikett, il-kortesija, il-morali u l-valuri umani.

Insibu wkoll li l-mibegħda, il-ħdura u l-insensittività huma mifruxa ma’ kullimkien; il-midja soċjali hija evidenza ċara ta’ dan.

Minkejja dan kollu, fl-istess ħin, hija wkoll realtà, anzi xewqa taħraq ta’ kull wieħed u waħda minna, li ngħixu fil-paċi. Naħseb li dawn huma żewġ direzzjonijiet opposti, għalhekk, kif tista’ xewqa bħal din li tgħix fil-paċi tkun produttiva? U kif tista’ din il-ħolma ssir realtà?

Ħolma jew realtà?

Jekk nibqgħu hekk u ma nirranġawx il-modi tagħna, u ma nagħmlux ix-xewqat u l-azzjonijiet tagħna biex isegwu l-istess direzzjoni, din il-ħolma ma tistax issir realtà. Għalhekk, huwa minnu li x-xewqat tagħna għandhom ikunu segwiti mill-isforzi sinċieri kollettivi tagħna.

Huwa importanti ħafna li rridu ngħammru bis-sbuħija tal-umanità, bil-ġojjellerija tal-valuri morali. Il-kuxjenza u l-morali jiddistingwuna minn ħlejjaq oħra, għax huma jieklu, jixorbu u jorqdu bħalna.

’Il bogħod mill-kortesija

Meta nagħtu ħarsa serja, sfortunatament insibu li l-bniedem tal-lum jidher ’il bogħod mill-kortesija soċjali u r-rispett reċiproku, kull fejn tħares! Kullimkien insibu l-kampijiet ta’ egoiżmu, irrekwitezza, traskuraġni u immoralità.

Ilħna ħorox, għajjat u attitudnijiet riġidi qed ikissru l-valuri soċjali u egoiżmu bħal dan u interessi personali jxerrdu d-dwiefer tagħhom u l-bniedem ikompli jiekol lil bnedmin oħra.

Ilsien twil

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, “M’hemm ebda karatteristika oħra agħar għall-bniedem minn persuna bi lsien twil.” F’post ieħor, huwa qal, “Il-fidil veru huwa wieħed li minn ilsienu u minn idejh fidili oħra huma siguri u jinsabu fil-paċi u s-sliem.”

Bla dubju, is-sbuħija tas-soċjetà tinsab fil-moderazzjoni, it-temperanza, il-paċenzja, il-kortesija, it-tolleranza, u l-ġustizzja. Jekk inkunu neqsin minn dawn, jinqalgħu mġibiet bħall-aggressjoni, estremiżmu, traskuraġni, ansjetà, ingratitudni, intolleranza u illegalità u dan hu dak li ġara.

Issa nqisu li l-kburija tagħna trid li nwieġbu bl-ikbar ħruxija possibbli għal kull ħruxija li naffaċċjaw; inrażżnu d-dgħufija u nitbaxxew quddiem is-setgħa. Imma ninsew li żbalji minn żewġ naħat ma jagħmlux tajjeb.

Il-ġenna tal-art

Il-messaġġ tiegħi huwa dak li, jekk verament irridu ngħixu f’soċjetà tajba u nobbli, allura għandna nwieġbu għal kull ħażen bit-tajjeb, inwieġbu kull ħruxija b’mod pożittiv u bi kliem ħelu, nuru umiltà u riluttanza bħala tweġiba għall-arroganza. Nirbħu l-mibegħda bl-imħabba u l-kompassjoni. Nimlew il-qalb mimlija mibegħda u preġudizzju bl-imħabba u l-affezzjoni. Nagħtu l-prijorità lill-valuri fuq il-poter. Minflok egoiżmu, nadottaw attitudni altruwista.

Fil-qosor, huwa importantissimu li nsiru ġentili u ta’ manjieri ħelwin, attenti fil-kliem, onesti fil-kitba u t-taħdit, ħelwin mill-qalb, benefatturi tal-umanità u qaddejja leali ta’ Alla Jista’ Kollox, sabiex ħajjitna u djarna jsiru l-ġenna tal-art.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.