War creates only more war

IL-GWERRA TOĦLOQ AKTAR GWERER!

Laiq Ahmed Atif | it-Torċa 26.11.2023 |amjmalta@gmail.com

Meta naqraw dwar l-istorja umana nsibu li seħħew ħafna gwerer u kunflitti, li bla dubju ta’ xejn kienu ta’ ħsara kbira lis-soċjetà, f’kull manjiera u aspett. Il-gwerer dejjem irriżultaw fi ħsara kollaterali u infrastrutturali, inkluż bini pubbliku, u fuq kollox, ma kienu xejn ħlief mezz ta’ qerda u qtil ta’ għadd ta’ ħajjiet innoċenti, fosthom tfal, nisa u anzjani.

Imma sfortunatament ħafna, wara dawn il-ħsarat kollha, u wara gwerer bla għadd, il-bniedem ma jitgħallimx il-lezzjoni u jidher li l-umanità kollha tinsa l-imgħoddi kollu kemm hu.

Live and let live

Min-naħa l-oħra dan juri wkoll li l-bnedmin fallew fit-tfittxija tagħhom għall-paċi, jew ma kinux għaqlin biżżejjed biex jikkoreġu l-iżbalji tagħhom u jfasslu pjan strutturali għall-paċi u l-prosperità dejjiema. Jew, l-interessi personali, l-egoiżmu, l-arroganza u l-kburija nazzjonali xekkluhom milli jikkultivaw il-kultura tal-ħbiberija u “live and let live”.

Darbtejn fl-istess toqba

Għax huwa impossibbli li n-nies għaqlin u razzjonali jirrepetu l-iżbalji tagħhom, ma jistax ikun. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, “Min jemmen qatt ma jingidem darbtejn fl-istess toqba.”

Dan id-diskors għandu tifsira vasta u profonda. It-tifsira sempliċi ta’ dan id-diskors huwa li l-fidili u n-nies għaqlin u razzjonali dejjem jibqgħu attenti u fuq ix-xwiek.

Permezz ta’ din l-osservazzjoni, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, jiggwidana biex dejjem nibqgħu attenti ħafna u ma niġux imqarrqa darbtejn mill-istess sitwazzjoni, persuna jew l-istess affari, u li nibbenefikaw minn kull esperjenza morra, biex b’hekk inkomplu nsaħħu lilna nfusna u niftħu għalina nfusna aktar toroq ta’ progress u suċċess, waħda wara l-oħra.

Dan id-diskors profond iservi bħala torċa ta’ gwida, u twissija kontra li wieħed jirrepeti l-iżball tiegħu. Fil-fatt, mhux se jkun konformi mal-għarfien ta’ fidil għaqli jekk jingidem darbtejn fl-istess toqba, jekk ifalli mill-istess esperjenza.

Għalhekk huwa importanti li wieħed jgħix b’għajnejh miftuħin f’din id-dinja u biex jagħmel kull waqgħa mezz ta’ tisħiħ ulterjuri ta’ saqajh u biex jaqbeż ’il quddiem wara kull żliq u jkompli jimxi ’l quddiem u ’l quddiem.

Il-bniedem ma jitgħallimx

L-esperjenza turi, u jien b’diqa u bil-qalb tqila rrid nammetti, li l-bniedem ma jitgħallimx. Jaħasra! Anke fid-dinja moderna, li nsejħulha dinja ċivilizzata, naraw gwerer u kunflitti kważi kullimkien.

Nafu u esperjenzajna mijiet ta’ darba, darba wara l-oħra, li gwerra mhi xejn ħlief ħsara u qerda, u nafu l-Konsegwenzi Qerrieda tagħha, imma nibqgħu nirrepetu l-istess żbalji. Assolutament mhuwiex approċ u ħsieb korrett, deċenti, san, razzjonali u għaqli. Bla dubju ta’ xejn. Ma jagħmilx sens, ikun xi jkun.

Fl-aħħar għoxrin sena saru ħafna gwerer u kunflitti, ma nafx minn fejn nibda u fejn nispiċċa din il-lista tant twila, imma għall-argument irrid insemmi ftit fosthom: il-gwerra fl-Afganistan, il-Libja, is-Sirja, is-Sudan, l-Ukrajna u żewġ gwerer li ma jispiċċaw qatt bejn l-Indja u l-Kashmir, u l-Iżrael u l-Palestina.

Dejjem “iż-żgħar” li jbatu

Nafu li l-gwerra fl-Ukrajna għamlet ħafna ħsara lid-dinja; l-inflazzjoni żdiedet ħafna, il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-ikel żdiedu eċċezzjonalment. Dan ifisser li l-umanità u n-nies komuni li f’għajn id-dinja huma “żgħar” batew meta anke ma kienx tort tagħhom. Dawk biss, li nsejħulhom “kbar”, ibbenefikaw minn din il-gwerra billi biegħu l-armi u l-artillerija tagħhom, u b’hekk qalgħu biljuni u biljuni.

Issa, nirrepetu l-istess żball fil-kunflitt bejn il-Ħamas u l-Iżrael. Hemm għadd ta’ pajjiżi mill-Punent li qed jibagħtu t-tankijiet tal-gwerra tagħhom lill-Iżrael. L-aħjar mod huwa li l-mexxejja tal-pajjiżi kbar li għandhom poter u qawwa jgħinu liż-żewġ naħat biex jersqu għal ftehim, rikonċilazzjoni u paċi, imma sfortunatament, minflok id-djalogu u l-ftehim, huma qed jibagħtu t-tankijiet tal-gwerra. Qisna qed nibagħtu t-taqsima tat-tifi tan-nar iqabbdu n-nirien kullimkien. Minflok jitfgħu l-ilma fuq in-nar, qed jitfgħu l-fjuwil fuq in-nar. Minflok jitfu l-fjammi tan-nar bl-ilma, qed jippruvaw jikkonvertu dawn il-fjammi fi sħab skur u ħoxnin ta’ qerda.

Il-fjammi tan-nar

Il-pajjiżi sinjuri, żviluppati u b’saħħithom, li jaħsbu li għandhom kollox u kulħadd qed jibża’ minnhom, m’għandhomx jinsew li meta l-fjammi tan-nar jinfirxu ma jeħilsu lil ħadd; u ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn kbar jew żgħar, u bejn sinjuri jew foqra.

Għalhekk, hija t-talba umli tiegħi li kull wieħed u waħda minna għandu jaqdi r-rwol tiegħu b’kull mod possibbli. Anke jekk xi ħadd ma jista’ jagħmel xejn, għall-inqas ejjew ningħaqdu fit-talb u ejjew nitbaxxew fuq l-għatba ta’ Alla Dejjem Ħanin u Ġentili għall-paċi u s-saħħa għall-umanità kollha.

Nappella b’sinċerità kollha lill-mexxejja dinjin biex joqogħdu madwar il-mejda biex isibu soluzzjonijiet ta’ paċi fit-tul għal kull pajjiż u għal kull nazzjon biex kulħadd jista’ jgħix fil-paċi u l-prosperità. Irridu nieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi imma għaqlin qabel ma jkun tard wisq, u ma ninsew qatt din il-verità li l-gwerra ħafna drabi toħloq aktar kunflitti u aktar gwerer.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya: The True Islam, Peace and tagged , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.