Il-Moralità ilha Mejta!
Imam Laiq Ahmed Atif | il-Leħen 26.11.2023 | amjmalta@gmail.com
Ftit ta’ żmien ilu, smajt politiku ta’ xi pajjiż, meta l-ġurnalisti staqsewh mistoqsija dwar kwistjoni etika partikolari, huwa qal li: “Il-moralità ilha mejta.” Bla dubju din id-dikjarazzjoni hija ta’ ħafna wġigħ biex tismagħha, iżda turi wkoll kemm din il-problema hija mdaħħla fil-fond fis-soċjetajiet tal-lum.
Illum il-ġurnata, ħafna drabi l-ġenituri u n-nanniet jinstabu jitkellmu dwar il-fatt li l-morali umani qed jisparixxu malajr mis-soċjetajiet tagħna. Bl-istess mod, ħafna ġenituri jidhru mħassba dwar il-valuri morali tat-tfal tagħhom u jsemmu wkoll li fil-passat kien hemm wisq enfasi fuq il-valuri morali, imma llum il-ġurnata t-tfal u ż-żgħażagħ ma jagħtux kas lill-moralità kif suppost. Huwa wkoll fatt li llum il-ħajja saret wisq okkupata, mgħaġġla u għalja, għalhekk, iż-żgħażagħ jiffokaw iktar fuq l-affarijiet li huma iktar relatati mal-karriera tagħhom.
L-edukazzjoni u t-taħriġ
Naraw li, illum, l-edukazzjoni saret komuni ħafna iżda t-taħriġ huwa nieqes. Naraw ix-xewqa enormi fiż-żgħażagħ tagħna li jiksbu edukazzjoni mill-aqwa, iżda meta niġu għat-taħriġ insibu li hemm ħafna lok u bżonn għal titjib.
Naħseb li l-edukazzjoni mhix kompluta mingħajr it-taħriġ neċessarju. Darba qrajt il-qawl ta’ filosofu kbir li jitfa’ dawl biżżejjed fuq dan is-suġġett; hu jikteb li: “Nazzjon li jilħaq l-għoli tat-tkabbir u l-iżvilupp fid-dinja huwa dejjem kortiż ħafna u jippossjedi valuri u morali tajba, waqt li nazzjon b’valuri u morali ħżiena dejjem jitlef u jfalli.”
Għalhekk, filwaqt li l-ġenituri u l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jenfasizzaw fuq il-ħtieġa tal-edukazzjoni, għandhom ukoll iżommu għajnejhom mill-qrib fuq it-taħriġ meħtieġ taż-żgħażagħ.
L-għalliema u l-ġenituri
L-edukazzjoni mingħajr taħriġ hija bħal meta tilbes ħwejjeġ ġodda iżda ma tistax tadotta ideat ġodda. Xtrajt karozza, imma ma tgħallimt issuqha mingħand l-ebda għalliem.
Bla dubju, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet edukattivi li jedukaw lit-tfal kif ukoll iħarrġuhom biex jagħmlu l-edukazzjoni tagħhom effettiva fil-veru sens u jġibu innovazzjoni fil-ħsieb tagħhom, iżda fl-istess ħin, din ir-responsabbiltà hija r-responsabbiltà tal-ġenituri wkoll li jagħmlu ġid lil uliedhom mill-esperjenzi u l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ħajja sabiex jiksbu suċċess f’kull qasam tal-ħajja.
Tħallix il-moralità tmut
Il-ġenituri għandhom ukoll jagħmlu sforzi żejda biex jarrikkixxu lil uliedhom bil-valuri morali u jgħallmuhom l-ogħla standards ta’ moralità. Sabiex huma jsiru assi ta’ veru għall-pajjiż u qatt ma jħallu l-moralità tmut.