Love for All, Hatred for None

IMĦABBA GĦAL KULĦADD

Imam Laiq Ahmed Atif | In-Nazzjon 16 ta’ Diċembru 2023 |amjmalta@gmail.com

“Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd” huwa motto sempliċi iżda profond, razzjonali u rivoluzzjonarju tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana. Dan il-prinċipju sempliċi iżda komprensiv huwa fl-essenza tiegħu t-triq għall-paċi, l-għaqda u l-fratellanza universali. Fit-tifsira vera tiegħu dan il-motto jfassal il-modi għall-paċi dinjija, li l-umanità għandha ħafna bżonn. Dan il-prinċipju uniku jipprovdi r-rimedji kollha għall-mard tad-dinja miksura tagħna, u jipprovdi ilma pur u safi biex jaqta’ l-għatx għall-paċi, trankwillità u serenità.

L-imħabba hija l-antidotu tal-mibegħda. Dan l-antidotu huwa meħtieġ f’doża għolja ħafna biex jinqerdu l-mibegħda, il-malizzja, il-preġudizzju u l-animożità profonda mis-soċjetajiet tagħna u tabilħaqq mid-dinja kollha.

Il-fergħa taż-żebbuġ

Naħseb hija sejħa tas-siegħa li nbiddlu kull tip ta’ tgergir u malizzja bl-imħabba u l-kompassjoni. Naħseb li dan mhux importanti biss, anzi, sar kruċjali fil-kuntest tas-sitwazzjoni preżenti tad-dinja. Hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li naħdmu id f’id u flimkien noħolqu atmosfera ta’ mħabba u għożża, u aħna nwasslu messaġġ ta’ mħabba u sliem lil dawk kollha ta’ madwarna, u nestendu l-fergħa taż-żebbuġ bħala ġest ta’ paċi u ħbiberija lil kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni.

Mezz ġenwin għall-paċi

Is-servizz tal-umanità huwa mezz mill-isbaħ biex nistabbilixxu relazzjonijiet ta’ ħbiberija fi ħdan iċ-ċrieki u s-soċjetajiet tagħna. Għalhekk, għandna nservu l-umanità ħalli niksbu l-paċi ġenwina. Ħafna drabi naraw li n-nies jagħmlu ħafna karità matul perjodu partikolari tas-sena, imma, għandna naraw jekk hijiex biżżejjed jew le.

Naħseb is-servizz għall-umanità mhux limitat għal żmien partikolari, iżda għajnuna bħal din għandha tingħata fuq bażi regolari. Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan b’mod tajjeb ħafna u qal li għandna biex nanalizzaw lilna nfusna u naraw sa liema punt aħna għenna lil ħutna u sa liema punt urejna l-imħabba u l-mogħdrija lejn il-proxxmu.

Bla dubju ta’ xejn, is-simpatija lejn l-oħrajn hija responsabbiltà u obbligu enormi li tiżen u tgħodd ħafna quddiem Alla. Is-simpatija vera titlob li nipprovdu l-għajnuna u sservi lill-umanità mingħajr ebda diskriminazzjoni, hekk kif aħna nuru rispett u kompassjoni ma’ ħutna stess.

It-tifsira wiesgħa tal-karità

L-Iżlam dejjem jordna t-tjubija u s-simpatija għal kulħadd, mhux darba f’sena, iżda matul is-sena kollha, għax il-bżonnijiet bażiċi mhumiex limitati fl-aħħar tas-sena biss. Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Il-karità hija obbligatorja fuq kull riġel uman kull jum li fih titla’ x-xemx.” Dan ifisser li aħna fid-​dmir li nuru mogħdrija u ngħinu lill-​oħrajn b’mod regolari.

Barra minn hekk huwa wkoll spjega li l-karità għandha tifsira wiesgħa ħafna u qal: “Li ġġib rikonċiljazzjoni bejn żewġ kontestanti hija karità. Li tgħin lil xi ħadd itellaʼ l-annimal tiegħu jew biex jgħabbi l-affarijiet tiegħu fuqu hija karità. Kelma tajba hija karità. Kull pass meħud lejn il-post tal-qima għat-talb huwa karità. Li tneħħi xi ħaġa mit-triq li tikkawża inkonvenjent, ħsara jew problema għall-oħrajn hija wkoll karità.”

Ħobb lil għajrek

Kif jgħidu bl-Ingliż ‘Charity begins at home’, allura għandna biex inġibu ruħna tajjeb mal-membri tal-familja, mal-qraba u mal-ġirien tagħna. Il-ġirien dejjem jixirqilhom it-tjubija u t-trattament ġentili tagħna. Il-Qaddis Profeta Muħammad kien dejjem jenfasizza ħafna fuq dan il-punt u qal:

“Dak mhux se jidħol fil-​Ġenna li l-​proxxmu u l-ġirien tiegħu ma jkunx sigur mill-​ħażen tiegħu.” Huwa qal ukoll li, “Ma tidħolx fil-​Ġenna jekk ma temminx, u ma temminx tassew jekk ma tħobbux lil xulxin. Ngħidilkom xi ħaġa li biha tħobbu lil xulxin? Immoltiplikaw it-tislima tal-paċi bejnietkom.”

Kemm huwa importanti li nħobbu lil xulxin u nipprattikaw dan il-prinċipju “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum sabiex inkunu fidili ġenwini li mhux biss ingawdu l-ġenna dinjija, iżda wkoll il-Ġenna dejjiema. F’dawn iż-żminijiet ejjew nestendu lil kulħadd dan il-messaġġ bis-sinċerità kollha u nxerrdu dan il-prinċipju ma’ kullimkien.

Il-festi t-tajba! B’dan il-messaġġ ta’ “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”, jien minn qalbi nsellmilkom u nawguralkom il-festi t-tajba.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Love for all, Love for all - Hatred for none and tagged , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.