Imam Laiq Ahmed Atif u l-Komunità Ahmadiyya Musulmana li dejjem jemmnu, jippromwovu u jipprattikaw il-motto tagħhom, “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd”, għal darb’oħra wrew ġest ta’ solidarjetà u mħabba lejn residenti li bħalissa qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan iċ-ċentru ta’ Servizzi ta’ Riabilitazzjoni Residenzjali f’ħdan ‘Il-Komunità Santa Marija – Sedqa Malta’.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Aġenzija Sedqa, Sur Charles Scerri, spejga fid-dettal is-servizzi li toffri l-Fondazzjoni (FSWS), huwa, esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħbiberija li żviluppat bejn il-Komunità Ahmadiyya Musulmana u l-FSWS għal dawn l-aħħar snin.
Imam Atif flimkien ma’ rappreżentanti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, qattgħu ħin mar-residenti tal-Komunità Santa Marija, f’Ħal-Luqa. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana qassmu rigali f’dawn il-ġranet ta’ festi lil kull resident. Inġibu rigali wkoll għal ċentri u djar oħrajn f’ħdan ‘Sedqa’. 