Il-kunċett tad-dnub u l-maħfra
Imam Laiq Ahmed Atif |il-Leħen 24.12.2023 | Malta – amjmalta@gmail.com
Id-dnub huwa mard spiritwali, jiġifieri meta l-bniedem jeħodha kontra t-tagħlim ta’ Alla, dan huwa d-dnub. Fil-fatt, id-dnub huwa n-nuqqas ta’ tjubija, kif id-dlam huwa n-nuqqas ta’ dawl.
Huwa minnu li l-bniedem mhux perfett u jagħmel l-iżbalji f’ħajtu. Xi drabi, meta jiżdied il-piż tal-ħażen u tad-dnub, il-bniedem jaħseb li issa se jingħalqu għalih il-bibien kollha tal-maħfra. Bniedem bħal dan jaħseb li m’hemm l-ebda mod għall-fejqan spiritwali, u m’hemmx għażla għat-trasformazzjoni tiegħu.
Alla ddikjara b’leħen qawwi u ċar lil dawn in-nies li Sidhom huwa Ħanin u l-Aktar li Jaħfer. Il-Koran Imqaddes jitfa’ dawl b’mod komprensiv fuq dan is-suġġett u jiftaħ il-bibien wesgħin lejn it-trasformazzjoni spiritwali u l-fejqan tar-ruħ, permezz tal-indiema u t-tfittxija tal-maħfra.
Taqtax qalbek
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Issirx bla tama mill-ħniena ta’ Alla; għax ħadd ma jitlef tama mill-ħniena ta’ Alla ħlief dak li ma jemminx.” (12:88)
F’vers ieħor Alla jgħid lill-bnedmin Tiegħu biex ma jaqtgħux qalbhom għax dejjem jistgħu jsibu l-ħniena mingħand Sidhom u jgħid: “Għid, ‘O qaddejja Tiegħi li wettqu eċċessi kontra ruħhom stess! Taqtgħux qalbkom mill-ħniena ta’ Alla, żgur Alla jaħfer id-dnubiet kollha. Tassew Hu l-Aktar li Jaħfer u l-Ħanin.’” (39:54)
Il-mard u r-rimedju
Dan il-kunċett dwar il-maħfra ġie elaborat aktar mill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li qal: “Għal kull marda hemm rimedju, ħlief il-mewt.”
Dan ifisser li, barra mill-mewt, hemm rimedju għal kull marda, kemm fiżiku kif ukoll spiritwali. Għax dan huwa l-fatt li bniedem li jitwieled, żgur li xi darba jmut, kif Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Kulħadd għandu jbati l-mewt” (3:186). Għax il-mewt hija realtà u m’hemmx ħarba minnha. Imma d-dnub huwa mard spiritwali kif il-bniedem ibati minn mard fiżiku.
Il-mard fiżiku u spiritwali
Kif il-mard fiżiku jista’ jitfejjaq bl-istess mod il-mard spiritwali huwa wkoll suġġett għall-fejqan, jekk persuna ddur tassew u bil-qalb kollha lejn Sidha biex tfittex il-ħniena u l-maħfra Tiegħu. Jekk bniedem verament jixtieq u jistinka għall-maħfra, żgur se jsib il-bibien kollha tal-maħfra miftuħa beraħ.
Persuna midinba ħafna u l-maħfra
Darba l-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qed jitkellem dwar il-maħfra u qal: “Darba waħda kien hemm raġel li kien dineb ħafna kontra tiegħu nnifsu. Meta kien wasal biex imut, qal lil uliedu: ‘Meta mmut, aħarquni u isħquni sa ma ġismi jsir trab. Imbagħad xerrduni fir-riħ, fil-baħar. Naħlef fuq Alla li jekk Alla jaqbadni, żgur jagħtini kastig li ma ta lil ħadd ieħor qabel.’”
Imbagħad il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li wlied dak ir-raġel għamlu kif qalilhom, iżda Alla ordna lill-art: “Rodd lura (il-fdalijiet kollha ta’ ġisem dak ir-raġel) li ħadt!”
B’hekk dak ir-raġel inġieb quddiem Alla. Alla staqsieh: “X’ġiegħlek tagħmel hekk? Għaliex għamilt hekk?” Wieġbu: “Il-biża’ kbir minnek ġagħalni nagħmel hekk, ja Mulej, għax għamilt ħafna ħażen f’ħajti u kont persuna midinba ħafna, għalhekk, kont nibża’ minnek li se tagħtini l-kastig u ma stajtx niffaċċjak, għalhekk għedt lil uliedi biex jaħarquni sabiex xejn ma jibqa’ minni.” Meta Alla sema’ dan li dak il-bniedem kien skuża ruħu għal dak kollu li għamel, Alla li tassew Hu l-Aktar li Jaħfer u l-Ħanin, ħafirlu.
Dan juri biċ-ċar li jekk verament bniedem jixtieq il-maħfra u tassew jibża’ minn Alla, żgur se jsib il-maħfra u l-ħniena.