Is-salvazzjoni mid-dar tan-nar ta’ dnub u ħażen
Meta nanalizzaw is-soċjetajiet ta’ madwarna nistgħu ngħidu bla dubju ta’ xejn li l-bniedem qed jitbiegħed minn kull reliġjon jew minn Alla li huwa funtana tat-tagħlim reliġjuż jew spiritwali. Imma għaliex qed jiġri hekk? X’inhuma l-iżvantaġġi jekk il-bniedem jitbiegħed minn Alla? Il-bniedem għandu bżonn ir-reliġjon fid-dinja moderna u tat-teknoloġija? X’toffri r-reliġjon lin-nies?
Dawn huma xi mistoqsijiet li jiġu f’moħħna meta niddiskutu dan is-suġġett, u dawn huma kollha mistoqsijiet validi u importanti, għalhekk, minflok ninjorawhom, huwa ferm importanti li nsibu t-tweġibiet tagħhom.
Għaliex il-bniedem jagħmel dnub?
Nemmen li dan l-argument kollu ġej mill-fatt uniku li ħafna nies tilfu l-fakultajiet spiritwali tagħhom u ma jibżgħux minn Alla. Meta l-bniedem ma jibżax minn Alla, u ma jemminx fil- ġudizzju divin, allura mbagħad jitbiegħed mir-reliġjon u minn Alla. Il-biżaʼ minn Alla li Jistaʼ Kollox huwa xi ħaġa li tbiegħed lill-persuna mill-ħażen u tressaqha eqreb lejn ir-reliġjon. Imma meta l-biża’ ta’ Alla joħroġ mill-qalb, allura l-bniedem ma jiddejjaqx mir-reliġjon u t-tjubija.
Bl-istess mod, meta persuna ma tirrispettax il-liġijiet soċjali u tal-pajjiż, allura tinvolvi ruħha f’attivitajiet illegali. Meta l-bniedem ma jagħtix kas jew ma jagħtix importanza lil-liġi, allura jsuq il-karozza b’veloċità kbira kemm irid, ma jimpurtah minn ħadd, anke jekk ikun hemm xi inċident ikrah; u bħala riżultat ta’ dan-nuqqas ta’ rispett xi drabi dawn in-nies jispiċċaw f’sitwazzjoni ħażina.
It-tbatija tal-ġisem u r-ruħ
Hekk kif in-nuqqas ta’ rispett lejn il-liġi joħloq problemi lill-persuna, bl-istess mod, id-distanza minn Alla li Jista’ Kollox iġġiegħel lill-persuna tbati spiritwalment. Hekk kif il-problemi dinjija jitħallew jagħmlu l-effetti fuq ġisem il-bniedem, bl-istess mod, in-nuqqasijiet spiritwali jitħallew jagħmlu l-effetti tagħhom fuq ruħ il-bniedem.
Id-dawl tas-sema
Barra minn hekk, id-dawl tas-sema, li jgħin biex tiddistingwi l-verità mill-falsità, ħareġ minn kważi kull qalb, l-ateiżmu qed jinfirex ma’ kullimkien, u, waqt li l-ilsna jsemmu l-isem ta’ Alla, il-qlub qed jikbru dejjem aktar inklinati lejn l-anjostiċiżmu. Il-materjaliżmu qed jiżdied ħafna, u l-ispiritwalità tkompli tonqos, u tonqos biss. Ħafna nies ma jeħdux ħsieb is-safa ta’ qalbhom, l-imħabba vera għal Alla, is-simpatija għall-umanità, u morali ogħla bħall-umiltà, il-qalb tajba, il-ġustizzja u l-umiltà; u ma jkollhomx konsiderazzjoni għas-safa, il-pjetà, it-tieba u l-ġustizzja, li huma r-ruħ tar-reliġjon u l-essenza tal-eżistenza tal-bniedem.
L-għan tar-reliġjon
Ir-reliġjon hija sors ta’ gwida għall-bniedem u turi lin-nies meta jiżbaljaw; hija mezz ta’ assessjar u regolazzjoni personali, li għandna bżonn ħafna f’din id-dinja materjalista.
Ir-reliġjon tgħallem iċ-ċertezza dwar Alla, li huwa l-għajn tas-salvazzjoni, bħallikieku wieħed jista’ jarah b’għajnejh, u li permezz ta’ din iċ-ċertezza l-bniedem jibża’ minn Alla u jevita d-dnub. L-ispirtu ħażin tad-dnub ifittex li jeqred ’il-bniedem u persuna ma tistax taħrab mill-velenu fatali tad-dnub sakemm temmen b’ċertezza sħiħa f’Alla u sakemm tkun taf biċ-ċert li Alla jeżisti, li jikkastiga lil min iwettaq id-dnub u jippremja b’ferħ ta’ dejjem lill-ġusti.
Dar tan-nar tad-dnub u l-ħażen
Meta l-bniedem jitbiegħed minn Alla, jitbiegħed mill-ispiritwalità, il-moralità, il-paċi u mill-bnedmin, imma joqrob lejn il-ħażen, il-materjaliżmu u d-dnub. Nemmen li s-salvazzjoni minn din id-dar tan-nar ta’ dnub u ħażen tiddependi biss fuq l-għarfien veru u perfett ta’ Alla, għax, jekk m’hemmx Alla, il-bniedem ma jistax jastjeni mid-dnub u, jekk m’hemmx Alla, m’hemmx salvazzjoni.
Il-Leħen, il-Ħadd 21 ta’ Jannar, 2024 | Imam Laiq Ahmed Atif | President Ahmadiyya Muslim Jamaat | Malta – amjmalta@gmail.com