
MAGĦQUDIN GĦALL-ĠID KOMUNI
It-Torċa 31.03.2024| Laiq Ahmed Atif |President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta – amjmalta@gmail.com
Id-diversità hija sabiħa, u tkun mill-isbaħ meta ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw din id-diversità b’għan pożittiv u għall-ġid komuni, u għall-benesseri ta’ kulħadd. L-għaqda fid-diversità kollha hija xejn ħlief dimostrazzjoni mill-isbaħ, għax fl-għaqda hemm dejjem saħħa, u fejn hemm l-għaqda, hemm paċi u serenità.
Imma sfortunatament hemm nies, anke xi mexxejja reliġjużi, li minflok jaħdmu għall-għaqda, qed jagħżlu l-firda, u mhux għalihom biss, imma jġiegħlu wkoll lill-oħrajn u jippruvaw jikkonvinċuhom biex ma jingħaqdux flimkien, imma, ikomplu jibqgħu maqsumin.
Jaħasra! Meta d-dinja se titgħallem il-lezzjoni tal-għaqda, l-imħabba, il-koperazzjoni u l-ħidma għall-ġid komuni?
L-għaqda u l-partikularità individwali
Hemm ukoll nies li jibżgħu li l-għaqda toqtol il-partikularità ta’ persuna, jew ta’ komunità, jew ta’ reliġjon, jew ta’ soċjetà. Għalhekk, ħafna drabi n-nies jaħsbu li meta jingħaqdu ma’ ħaddieħor għandhom ikunu bħalhom, u għandhom jikkompromettu l-identità u l-prinċipji tagħhom.
Iżda, fir-realtà, mhu veru xejn. L-għaqda ma tfissirx li wieħed għandu jiċħad lilu nnifsu kompletament, jew jagħmel kompromess tat-twemmin, prinċipji u ideat tiegħu. Assolutament le. Dan huwa kunċett żbaljat; idea kompletament falza.
Iċ-ċelebrazzjoni tad-diversità
Fir-realtà, fit-twettiq ta’ din l-idea ta’ għaqda, m’għandniex għalfejn nikkompromettu l-prinċipji tagħna. Hija sempliċiment kwistjoni taċ-ċelebrazzjoni tad-diversità u l-identità ta’ kull individwu, għaqdiet u ta’ kull reliġjon flimkien, f’atmosfera paċifika u rispettuża. L-ambjent fejn kulħadd huwa konxju dwar is-sentimenti reliġjużi u kulturali tal-oħrajn, filwaqt li għandu kull dritt jesprimi l-opinjoni, l-ideat, it-tagħlim u l-prinċipji tiegħu.
Barra minn hekk, għandu jiġi rikonoxxut id-dritt ta’ kull bniedem li s-sensibilitajiet u s-sentimenti reliġjużi tiegħu ma jiġux miksura u offiżi. Għalhekk, l-aħjar mod huwa li niffukaw fuq dak li jgħaqqadna u mhux fuq dak li jifridna; u li niffukaw fuq dak li hu komuni bejnietna, għall-ġid komuni u għall-prosperità u l-benesseri ta’ kulħadd.
Żewġ prinċipji ta’ kull żmien
L-Iżlam jipproponi żewġ prinċipji f’dan ir-rigward li huma verament jistgħu jkunu pedament sod fil-kunċett tal-għaqda. L-ewwel nett, l-Iżlam jemmen li kull bniedem huwa liberu li jemmen fi kwalunkwe reliġjon jew fidi li jrid hu. Jemmen li huwa dritt fundamentali ta’ kull persuna li tħaddan it-twemmin tagħha ta’ dak li temmen hi fih. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes, “M’għandu jkun hemm l-ebda sfurzar fil-kwistjoni tar-reliġjon.” (2:257)
It-tieni, minn banda oħra, bl-ebda mod il-bniedem m’għandu dritt li jimponi fuq ħaddieħor; u hemm għandu jkun spazju ugwali għal kulħadd, mingħajr ebda favur jew diskriminazzjoni. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li jekk Alla ma imponiex ir-rieda Tiegħu fuq il-bnedmin, allura ħadd m’għandu d-dritt li jimponi r-rieda tiegħu fuq l-oħrajn.
Dawn iż-żewġ versi tal-Koran jispjegaw dan is-suġġett b’mod tajjeb li, “Kieku Alla ried, ma kinux ixierku. Aħna ma għamilniekx għassies fuqhom, u ma għandekx setgħa fuqhom.” (6:108)
“Jekk il-Mulej tagħkom kellu jimponi r-rieda Tiegħu, ċertament li dawk kollha li jinsabu fuq din l-art kienu jemmnu lkoll flimkien. Allura inti se ġġiegħel lill-bnedmin biex jemmnu?” (10:100)
Fil-qosor, l-għaqda ma tiċħadx il-partikularità, l-identità u l-prinċipji individwali; u meta ningħaqdu flimkien, din għandha sseħħ f’ambjent ta’ libertà sħiħa u mingħajr ebda impożizzjoni.
Niċċelebraw is-sawm flimkien
B’dan il-prinċipju u l-filosofija msemmija hawn fuq, ġie organizzat avveniment kollettiv dwar is-sawm b’kollaborazzjoni bejn il-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Kunsill Lokali tal-Imsida, il-Parroċċa tal-Imsida u l-Komunità Marokkina f’Misraħ San Ġużepp l-Imsida, nhar is-Sibt 16 ta’ Marzu 2024, bit-tema, ‘Niċċelebraw is-sawm flimkien’.
Dan l-avveniment kien organizzat b’mod tajjeb ħafna u attendew madwar 300 mistieden minn kull qasam tal-ħajja, reliġjon u kultura. L-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, il-President Emeritus, kienet il-mistiedna speċjali.
Dan l-avveniment ġie organizzat bil-ħidma kollettiva tagħna biex navvanzaw il-kawża tal-paċi. Barra minn hekk, qed infittxu li nġibu n-nies flimkien, irrispettivament minn kwalunkwe differenza, taħt il-bandiera tal-umanità u nistinkaw biex nistabbilixxu l-paċi u l-armonija fil-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna.
Il-paċi hija prezzjuża
Għax, il-paċi hija assi prezzjuż u siewi ħafna; u dan isir iktar siewi u importanti meta n-nies ta’ kull qasam, kulturi u opinjonijiet diversifikati, għarfien u twemmin reliġjuż jgħixu u jingħaqdu biex jiċċelebraw din id-diversità flimkien.
Għalhekk, ejjew ningħaqdu lkoll flimkien biex nippromwovu l-paċi u l-armonija fil-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna. Tabilħaqq, dan huwa wkoll il-messaġġ tas-sawm li aħna narrikkixxu lilna nfusna bil-paċi u l-prosperità ġewwiena u soċjali.