
IS-SEJĦA TAL-KALIF GĦALL-PAĊI
It-Torċa 07.04.2024| Imam Laiq Ahmed Atif –– amjmalta@gmail.com
Tabilħaqq, il-paċi hija ċ-ċavetta tad-deheb li tiftaħ il-bieb għall-progress u l-iżvilupp fis-soċjetà u tassigura li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jiffjorixxu u jimxu ’l quddiem. Jien personalment nemmen bis-sħiħ li l-paċi hija l-unika triq għall-progress tagħna lkoll.
Għalhekk, għandna ngħixu ħajjitna b’mod paċifiku u nfittxu li nxandru l-paċi, it-tolleranza, u l-fehim reċiproku fis-soċjetà.
Il-messaġġ tal-Kalif
Il-Kalif u l-mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, li għandu l-kawża tal-paċi għal qalbu ħafna, reġa’ sejjaħ lid-dinja lejn dan il-kors dejjiemi tal-paċi. Dan meta kien qed jitkellem dwar il-paċi fir-Renju Unit fid-9 ta’ Marzu 2024, quddiem aktar minn 1200 ruħ, inklużi aktar minn 550 Ambaxxaturi tal-Istati, Membri tal-Parlament, dinjitarji u akkademiċi li kienu jirrappreżentaw 30 pajjiż.
Huwa semma punti importanti u wera t-triq ’il quddiem ta’ kif nistgħu naqilbu din it-theddida għall-paċi lejn it-trankwillità għal kulħadd. Hawn taħt irrid insemmi xi punti fil-qosor mid-diskors tiegħu li jistgħu jkunu pjan ta’ azzjoni għall-kawża tal-paċi u s-sliem.

Flimkien għall-paċi
L-ewwel u qabel kollox, irridu nifhmu li l-paċi mhix dmir ta’ xi pajjiżi jew nies, imma huwa dmir tagħna lkoll li nagħtu sehemna, kemm u fejn nistgħu, sabiex il-paċi tiġi stabbilita fis-soċjetajiet tagħna.
Barra minn hekk, l-istakeholders kollha, il-gvernijiet, il-politiċi, l-akkademiċi u n-nies kollha għandhom jaqdu r-rwoli tagħhom biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali tas-soċjetajiet individwali tagħna u l-paċi u l-armonija usa’ tad-dinja.
Il-Ġnus Magħquda u l-poter tal-veto
Huwa wkoll importanti li nsaħħu l-Ġnus Magħquda fejn kull pajjiż għandu drittijiet ugwali u ħadd ma għandu l-poter tal-veto, u fejn ftit nazzjonijiet ma għandhomx dominanza li jistgħu faċilment jegħlbu l-fehmiet tal-maġġoranza. Imma kull kwistjoni għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tal-fatti u l-merti tagħha.
Il-paċi ma tistax tinħoloq mingħajr il-ġustizzja, għalhekk, flimkien nistinkaw bis-serjetà għall-ġustizzja, u rridu nippromwovu u nissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ dawk li huma bla setgħa u huma l-vittmi tal-inġustizzja.
Il-benesseri tal-umanità kollha
Il-pajjiżi kbar, minflok dejjem jaraw l-interessi tagħhom, għandhom jagħtu l-prijorità lill-ġid komuni, lill-benesseri tal-umanità kollha.
Jekk hemm gwerra bejn żewġ pajjiżi, partijiet newtrali għandhom jimmedjaw mill-ewwel bejniethom u jistinkaw biex jistabbilixxu l-paċi bbażata fuq il-prinċipji tal-ġustizzja u l-ekwità; u ma jħallux li l-affarijiet isiru agħar.
Il-ħtieġa taż-żmien
Ir-reliġjonijiet kollha għandhom ukoll jingħaqdu flimkien għall-għan komuni ta’ paċi u ġustizzja. Bla dubju ta’ xejn ir-reliġjon hija strument b’saħħtu ħafna u tista’ tagħmel differenza kbira għall-kawża nobbli tal-paċi.
Barra minn hekk, dejjem inżommu l-ġenerazzjonijiet futuri tagħna f’moħħna, u nippruvaw biex nagħmlu minn kollox biex ikollhom dinja ħafna aħjar minn tagħna. Il-mexxejja politiċi għandhom jieħdu ħsieb fit-tul ta’ dak li hu fl-aħjar interess tal-umanità kollha.
Hija l-ħtieġa taż-żmien li naħdmu flimkien id f’id għall-ġid komuni biex nistgħu nistabbilixxu paċi vera sabiex inkunu nistgħu ngħixu f’dinja ta’ tama u prosperità aktar milli f’dinja definita minn inugwaljanza, mibegħda u tixrid ta’ demm.