The glass half empty or half full…

It-tazza nofsha mimlija jew nofsha vojta…

It-Torċa 14.04.2024 | Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Tabilħaqq, il-bniedem jingħata l-fakultajiet, il-kapaċitajiet, l-abbiltajiet u biżżejjed l-intelliġenza biex jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-ġid u l-ħsara, u bejn id-dawl u d-dlam. Din il-kuxjenza tiddistingwi lill-bnedmin mill-ħlejjaq l-oħra, għax il-ħlejjaq l-oħra bħall-annimali ma ngħatawx tali fakultajiet u intelliġenza biex jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Iż-żewġ toroq

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li Huwa wera lill-bniedem iż-żewġ toroq (90:11). Jiġifieri, it-toroq tat-tajjeb u l-ħażin, tal-verità u l-falsità, tal-progress spiritwali u materjali. Alla pprovda lill-bniedem b’dawk il-mezzi kollha li bihom jista’ jsib it-triq it-tajba, jista’ jiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u l-verità mill-falsità. Barra minn hekk, il-bniedem ġie mogħni b’għajnejn kemm spiritwali kif ukoll fiżiċi li bihom ikun jista’ jiddistingwi t-tajjeb mill-ħażin u ngħata lsien u żewġ xufftejn biex ikun jista’ jitlob gwida.

Vers ieħor (91:9) jgħid li Alla wera lill-bniedem x’inhu ħażin għalih u x’inhu tajjeb għalih, jiġifieri, it-toroq tal-ħażen u t-toroq tal-ġustizzja.

Alla daħħal fin-natura tal-bniedem sentiment jew sens ta’ dak li hu tajjeb u ħażin u wrieh li jista’ jikseb il-perfezzjoni spiritwali billi jevita dak li hu ħażin u jadotta dak li hu tajjeb.

It-tajjeb minflok il-ħażin

Il-fatt huwa li Alla jrid li l-bniedem dejjem jagħżel it-tajjeb minflok il-ħażin. Il-kuxjenza umana tipprovdi l-prova. In-nies kollha jaqblu li jħossuhom aktar fil-paċi bit-tajjeb milli bil-ħażen. Il-ġewwieni tagħna jwissina dwar il-ħażen u jressaqna lejn dak kollu li huwa tajjeb. Ir-reliġjonijiet kollha huma fil-qbil fuq dan il-punt li Alla jgħallem it-tjubija.

Fil-qosor, Alla wera lilna x’inhuwa tajjeb u x’inhuwa ħażin, u ħalla l-għażla f’idejna, iżda Hu jixtiqilna li dejjem nagħżlu t-tajjeb. Huwa għalhekk li xi kultant in-nies jaraw ‘it-tazza nofsha mimlija u xi kultant nofsha vojta’, skont il-fehma tal-persuna. Bl-istess mod, xi nies anke jikkritikaw it-tagħlim morali u reliġjuż, u minflok li joħorġu t-tjubija huma joħorġu n-negattività; sal-punt li jqajmu wkoll mistoqsijiet dwar l-eżistenza ta’ Alla.

It-tjubija anke fil-ħażen

Iżda dawk li għandhom natura safja dejjem jippruvaw li jaraw it-tazza nofsha mimlija; u dejjem isibu t-tjubija.

Dan kollu jfakkarni fi storja ta’ raġel ġust u nobbli li kien sejjer xi mkien, xi nies oħra kienu wkoll miegħu, u raw li kien hemm kelb mejjet fit-triq. Storja oħra tgħid li l-ħmar kien mimdud. Sħabu qalu x’annimal ikrah u kemm jinten. Meta sema’ dan, ir-raġel twajjeb qal, araw kemm għandu snienu sbieħ.

Il-punt hu li min għandu t-tjubija fih innifsu jara n-naħa tat-tajjeb anke fil-ħażen u min għandu d-difetti fih innifsu jara biss difetti, u difetti biss anke fit-tajjeb.

Għalhekk, jekk bniedem tajjeb jara xi ħaġa ħażina, joħroġ it-tajjeb minnha; u anki jekk l-għajnejn ta’ persuna ħażina jaqgħu fuq xi ħaġa tajba, din tara biss il-ħażen. Għalhekk hija liġi ġenerali li l-affarijiet tajbin isiru ħżiena bil-ħażin u l-affarijiet ħżiena jsiru tajbin bit-tajjeb.

Il-garr, l-ilmenti jew il-gratitudni

Għalhekk, minflok li dejjem ingergru u nilmentaw nippruvaw insiru grati u sodisfatti b’dak kollu li għandna. Għax il-kuntentizza u s-sodisfazzjon ma tista’ tixtrihom minn imkien, iżda nitgħallmu kif nistgħu ngħixu bil-ferħ ma’ dak li għandna; ma’ dak li huwa tagħna.

Inkella, din id-drawwa li dejjem naraw ‘it-tazza nofsha vojta’, se twassalna biex insiru ingrati anki lejn Alla u lejn il-barkiet bla għadd Tiegħu fuqna.

Dan jista’ jwassal ukoll għar-regħba, l-għira, il-ħtif tal-ġid ta’ ħaddieħor, li jkollna għajnejna fuq ir-riżorsi ta’ ħaddieħor, u għal tellieqa bla tmiem ta’ materjaliżmu u konsumiżmu, u għatx u ħeġġa għal mezzi tad-dinja li qatt ma jistgħu jiġu sodisfatti.

Il-parir eċċellenti

F’dan ir-rigward, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ta parir eċċellenti, u qal: “Ħares lejn dawk li huma iktar baxxi minnek (jiġifieri dawk li għandhom inqas riżorsi minn dawk li għandek), imma tħarisx lejn dawk li huma ’l fuq minnek (jiġifieri dawk li għandhom iktar ġid minnek), ħalli ma tnaqqasx il-favuri u l-barkiet li Alla tana.”

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Alla takom minn kulma tlabtuh, u jekk tippruvaw tgħoddu l-grazzja u l-barkiet ta’ Alla, ma tistgħux tgħodduhom” (14:35). Huwa jgħid li n-nies iħobbu l-ġid u l-affarijiet materjalistiċi ta’ din id-dinja, imma l-aħjar ħaġa hi li tfittex il-pjaċir ta’ Alla (3:15).

Kun kuntent b’li għandek

Nixtieq nikkonkludi bi kliem il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li huwa prinċipju ta’ gwida għalina, u li jiġbor fil-qosor dan is-suġġett b’mod meraviljuż. Huwa qal li: “Kun ġust, u tkun l-aħjar fost dawk li jqimu. Kun kuntent b’li għandek, u b’hekk tkun l-aħjar fost dawk li jiżżu ħajr. Ara li tixtieq għal ħaddieħor dak li tixtieq għalik innifsek, u b’hekk tkun tassew temmen. Ġib ruħek tajjeb ma’ ġarek, u b’hekk tkun tassew bniedem. Naqqas id-daħk, għaliex ħafna daħk joqtol lill-qalb.”

Bla dubju ta’ xejn, jekk nippruvaw li dejjem naraw it-tazza nofsha mimlija, noħorġu t-tjubija mill-ħażen, nitgħallmu kif dejjem nibqgħu grati, u li nkunu kuntenti b’li għandna, allura nistgħu ngħixu ħajja kuntenta, sodisfatta u ferħana.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.