Winning the war against addiction

Kif tirbaħ il-ġlieda kontra l-vizzji?

In-Nazzjon, 01.05.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Ftit ilu ltqajt ma’ xi ħadd li kont iltqajt miegħu l-ewwel darba xi xhur ilu fil-programm ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas Malta. Kellu l-vizzju tad-drogi, imma, għamel il-programm mal-Caritas u temmu b’suċċess. Meta tkellimt miegħu dwar l-esperjenza tiegħu fil-programm ta’ riabilitazzjoni, huwa spjega li dak ma kien xejn faċli, verament kienet sfida diffiċli immens, imma bil-grazzja ta’ Alla ħareġ nadif.

Mhux impossibbli

Jien naqbel miegħu mija fil-mija li l-isfida tal-vizzju mhix xi ħaġa faċli u l-bniedem għandu jagħmel ħafna sforzi, u sagrifiċċji enormi biex jirbaħ din l-isfida. Jien ngħid li verament hija diffiċli, iżda, ‘mhix impossibbli’. Meta hemm rieda soda, meta hemm determinazzjoni, meta bniedem irid, xejn mhu impossibbli.

Kif jgħidu bl-Ingliż, “where there is a will, there is a way”, li meta hemm rieda soda, determinazzjoni, u l-bniedem verament jixtieq li jagħmel xi ħaġa u jasal xi mkien, jasal żgur.

It-talb u r-relazzjoni ma’ Alla

Meta l-bniedem jiddeċiedi li jrid jitlaq mill-vizzju, imbagħad, hemm metodu li f’opinjoni tiegħi huwa l-aqwa metodu u pilastru bażiku u ċ-ċavetta biex wieħed jirbaħ din il-ġlieda, u dan huwa t-talb u r-relazzjoni mill-qrib ma’ Alla li Jista’ Kollox.

It-tielet metodu huwa li l-bniedem ikollu l-appoġġ neċessarju; l-appoġġ mill-familja, l-appoġġ emozzjonali u morali, u l-appoġġ professjonali. Dan l-appoġġ se jagħmel il-proċess eħfef u mingħajr xkiel sabiex il-bniedem jibqa’ fi triqtu u jasal fejn irid.

Il-kapitlu ġdid tal-ħajja

Ir-raba’ punt huwa li din l-għajnuna ma tistax titqies b’leġġerezza (should not be taken for granted), imma, il-bniedem għandu jibbenefika minn din l-opportunità bl-aqwa mod, u meta jkollhom opportunità ta’ programm ta’ riabilitazzjoni, għandhom jeħduha bis-serjetà sabiex ikunu jistgħu jiktbu kapitlu ġdid f’ħajjithom, kapitlu ta’ storja ta’ suċċess, paċenzja, perseveranza, tama, fidi u ta’ rebħ.

Il-ħames punt huwa li, il-bniedem dejjem għandu jagħżel il-ħbieb tiegħu u n-nies ta’ madwaru li jkunu nies ġusti u twajba. Il-kumpanija tajba hija importanti jekk bniedem irid jibqa’ ’l bogħod minn vizzju, jew joħroġ minn xi vizzju. Il-ħbieb ġenwini huma importanti anke wara li wieħed joħroġ minn xi vizzju, pjuttost issir saħansitra kruċjali, u għandu jagħti importanza sħiħa lil dan il-punt sabiex ma jaqax lura f’din ix-xibka tal-vizzju.

Għalhekk, huwa ferm importanti li dejjem nagħżlu l-ħbieb tagħna bil-għaqal u b’għajnejna miftuħa, għax huwa fatt li l-ħbieb iħallu impatt profond u effett kbir fuq il-karattru u l-personalità tagħna. Kif jingħad bl-Ingliż ‘man is known by the company he keeps’, u dan huwa veru.

Effett profond

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan u jgħid li l-kumpanija li wieħed iżomm għandha effett profond fuq il-personalità ta’ dak l-individwu. Pereżempju, jekk wieħed iżur b’mod regolari postijiet fejn jiġi kkunsmat l-alkoħol, ma jimpurtax kemm jastjeni minnu, eventwalment jispiċċa jixrob l-alkoħol. Jekk xi ħadd ikun ħabib ta’ dak li jpejjep, anki jekk ma jpejjipx, eventwalment jista’ jaqa’ fil-vizzju li jpejjep.

Meta individwu joqgħod bilqiegħda fil-kumpanija ta’ wieħed li hu ġust, sinċier u twajjeb, allura dak l-individwu jieħu sehem minn dik il-ġustizzja, it-tjubija u l-verità. Madankollu, jekk wieħed jabbanduna l-kumpanija tal-ġusti u t-twajbin u minflok jassoċja ruħu mal-midneb u l-ħżiena, allura dak l-individwu jiġi influwenzat minn ħsibijiet ħżiena.

Huwa għalhekk li l-Koran Imqaddes jisħaq fuq il-fatt li wieħed għandu jastjeni mill-kumpanija tal-ħażin u l-immorali. U dejjem ikun ma’ dawk li huma nies twajba. Alla jgħid: Intom li temmnu! Kunu konxji tad-dmir tagħkom lejn Alla u żommu kumpanija mal-ġusti u mal-verità. (Il-Koran, 9:119)

Żommu kumpanija mal-ġusti

Nixtieq nirrakkontalkom storja vera. Kien hemm student li kien jemmen f’Alla u kellu fidi b’saħħitha. Meta mar jistudja fl-università darba ltaqa’ mal-ewwel Kalif tal-Komunità Ahmadiyya. Il-Kalif qallu biex jibdel is-siġġu fil-klassi u jitbiegħed mill-persuna li kienet bilqiegħda ħdejh. L-istudent għamel hekk. Wara xi xhur ġie għand il-Kalif u waqt il-konversazzjoni l-istudent staqsa lill-Kalif, għaliex talbu biex jibdel is-siġġu u lil sieħbu.

Il-Kalif wieġeb li hu kien l-istudent li kien dejjem jemmen f’Alla, imma, meta ltaqa’ miegħu l-aħħar darba induna li kien qed ikollu ħsibijiet atei u ħass li qed isir ateu. Għalhekk, indunajt li hemm xi ħabib tiegħek li għandu dawk il-ħsibijiet atei u u kienu qed jinfluwenzaw u jaffettwaw il-ħsibijiet u t-twemmin tiegħek dwar Alla.

Il-fatt tal-kwistjoni kien li l-istudent li kien joqgħod ħdejh kien ateu attiv ħafna, u dawk il-ħsibijiet kienu qed jittrasferixxu f’moħħu. Għalhekk, huwa fatt li l-kumpanija li wieħed iżomm għandha impatt kbir u għalhekk għandhom isiru sforzi biex niżguraw li nżommu kumpanija tajba.

Nirbħu l-ġlieda kontra l-vizzji

Nemmen bis-sħiħ li jekk xi ħadd verament jixtieq li jirbaħ kwalunkwe vizzju tiegħu dawn il-prinċipji li semmejt hawn fuq żgur jistgħu jgħinuh, u verament se jagħmlu dan il-vjaġġ mhux biss possibbli, iżda bla xkiel ħafna, eħfef, sempliċi u ta’ suċċess u ta’ rebħ.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, www.ahmadija.org.mt and tagged , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.