Mother: The Symbol of Mercy

L-OMM: IS-SIMBOLU TAL-ĦNIENA

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li: “Min jixtieq li jkollu ħajja twila, ħafna sostenn u prosperità, ħafna ġid u rikezzi, u ħajja mimlija kuntentizza u ferħ għandu jittratta lill-ġenituri tiegħu bl-aħjar mod u jikkultiva l-ħniena, l-imħabba u l-qalb tajba għalihom; u għandu dejjem ikun tajjeb mal-ġenituri tiegħu.”

It-Torċa 12.05.2024 |Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Ħadd ma jifhem l-importanza tal-ilma iktar minn dak li verament iħoss għatx kbir u ma jsibx qatra ilma; u ħadd ma jifhem l-importanza tal-libertà iktar minn dak li ra l-iskjavitù u l-priġunerija; u min jaf l-importanza tal-ħelsien iktar minn dak li ra l-ħakma barranija. Bla dubju ta’ xejn, il-bniedem verament jifhem xi ħaġa meta jesperjenzaha personalment. Dan ifakkarni fi storja żgħira imma mimlija lezzjonijiet.

Raġel b’dahar mgħawweġ

Darba kien hemm raġel xiħ b’dahar mgħawweġ jimxi fit-triq u meta rawh it-tfal bdew jiċċajtaw miegħu minħabba d-dahar mgħawweġ u qalulu minn fejn u kemm xtara din l-umbrella. “Meta se taslu fl-età tiegħi se tieħdu b’xejn,” wieġeb ix-xiħ. Din l-istorja għandha ħafna messaġġi għalina fosthom li ż-żmien u l-esperjenza jgħallmuna ħafna realtajiet tal-ħajja.

Waħda minn dawn ir-realtajiet tal-ħajja hija l-importanza tal-ġenituri u partikolarment tal-omm f’ħajjitna, għax illum huwa l-‘Jum tal-Omm’ u jien irrid nikteb speċjalment dwar l-omm.

Kif ktibt aktar ’il fuq bl-esperjenza nitgħallmu kollox u anke xi jfisser li tkun omm. Dan isir ukoll meta xi mara ssir omm, imbagħad tifhem it-tifsira vera tal-omm. Nistgħu nitgħallmu wkoll biex nitkellmu ma’ dawk li ommijiethom mhumiex ħajjin u ħadd ma jimla dan il-vakum u dejjem jibqgħu jimmissjaw lil ommijiethom f’kull okkażjoni importanti ta’ ħajjithom.

Il-pazjenta ta’ 99 sena

Dan l-aħħar kont l-isptar u ġew xi nies biex jaraw xi pazjenta fl-isptar li kellha operazzjoni dik il-ġurnata. Staqsejthom: “Min hi l-pazjenta?” “Ommi,” wieġeb wieħed li kellu madwar sittin sena. “Xi ġralha?” staqsejtu jien. “Għandha 99 sena, waqgħet u kissret riġlejha,” weġibni lura.

Wara l-operazzjoni meta din l-anzjana ta’ 99 sena daħlet lura fis-sala, huma kollha ġrew lejha sabiex jaraw kif qed tħossha. Wara ftit ħarġu mis-sala tal-isptar u ġew fil-waiting area. Staqsejthom mill-ġdid kif qed tħossha; u rajthom jibku u kien hemm dmugħ f’għajnejhom. Iben l-anzjana ma setax jitkellem u weġibni lura b’sinjal li tħossha aħjar u l-operazzjoni kienet ta’ suċċess.

Id-dmugħ f’għajnejh tkellem ħafna, kien dmugħ ta’ tifħir u apprezzament għall-omm, dak id-dmugħ kien qed jitkellem volumi u jgħid ħafna stejjer. Bla dubju ta’ xejn, l-omm hija waħda mill-aħjar rigali ta’ Alla.

Il-Koran Imqaddes u l-ġenituri

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “L-amar tagħna lill-bniedem huwa li juri tjubija mal-ġenituri tiegħu, ommu ġarritu bi tbatija, u wellditu bi tbatija; jinġarr (fi ħdan ommu) u jinfatam fi żmien tletin xahar.” (46:16)

“Ordnajna lill-bniedem dwar il-ġenituri tiegħu — ommu ġġorrha f’dgħufija wara l-oħra, u l-ftim tiegħu jieħu sentejn — ‘Irringrazzja Lili u lill-ġenituri tiegħek’.” (31:15)

Mezzi ta’ ħajja prospera

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, min jixtieq li jkollu ħajja twila, ħafna sostenn u prosperità, u ħafna ġid u rikkezzi għandu jittratta lill-ġenituri tiegħu sew u jikkultiva l-ħniena, l-imħabba u l-qalb tajba għalihom; u għandu dejjem ikun tajjeb mal-ġenituri tiegħu.

Kemm hu sabiħ li, jekk nixtiequ li jkollna ħajja twila u tajba, il-ġid, il-ferħ, il-kuntentizza, allura għandna nieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħna, għax dan jgħodd ħafna f’għajnejn il-Mulej u meta Hu se jkun ferħan magħna jimla ħajjitna bil-barkiet kollha.

Fl-istorja Iżlamika ssemmiet storja vera, li darba Abdullah-Bin Umar (persuna prominenti) ra xi ħadd mill-Jemen li kien qed jagħmel il-pellegrinaġġ ta’ Mekka b’ommu fuq dahru. Meta ra lil Abdullah staqsa: li kieku ma kkumpensax għad-drittijiet ta’ ommu? Jiġifieri, li qed jagħmel dan bħala kumpens għal dik il-qalb tajba li kien qed jieħu mingħand ommu. Meta sema’ dan, Ħażrat Abdullah wieġeb li dan ma kienx kumpens għax ma jibdiex ma’ weġgħa waħda mill-ħlas ta’ ommu; meta ommu wellditu. Jiġġifieri, li ma kienx il-kumpens anki għal dak il-mument meta ommu wellditu.

Ulied l-ewwel u qabel kollox

Jiġifieri, il-bniedem qatt ma jista’ jħallas lura lil ommu, anke jekk jibqa’ jipprova għal ħajtu kollha. L-omm dejjem tissagrifika ħafna għal uliedha u ħafna drabi anke tagħti dak li għandha bżonnu. Hi dejjem tpoġġi lil uliedha l-ewwel u qabel kollox, anke qabel lilha nnifisha.

Ayesha, il-mara tal-Qaddis Profeta Muħammad, tirrakkonta li darba waħda, mara resqet lejha maż-żewġt ibniet tagħha; ma setgħet issib xejn x’tagħtiha ħlief tamla waħda. Hija qassmitha bejn uliedha u hi ma ħadet xejn minnha, anke li kienet ukoll bil-ġuħ. Imbagħad qamet u telqet.

Dan huwa eżempju eċċellenti tal-mogħdrija u l-imħabba bla kundizzjoni tal-omm — simbolu tal-kompassjoni sħiħa u tal-ħniena. Nawgura lill-ommijiet kollha ‘Jum l-Omm’ hieni u mbierek.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Women, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.