Where from Does Sin Come?

Minn fejn ġej id-Dnub?

Il-Leħen, 19.05.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Skont il-Koran Imqaddes hemm 99 attribut ta’ Alla, bħal li Huwa l-Ġentili, il-Ħanin, is-Sovran, il-Protettur, in-Nobbli, il-Ħallieq, is-Setgħani u l-Għaqli.

Wieħed minn dawn l-attributi ta’ Alla huwa li Alla Huwa “l-Qaddis”, li huwa ħieles minn kull ħtija, difett, jew defiċjenza, u ħadd mhu bħalu.

Alla Huwa “l-Qaddis”

F’dan l-attribut ta’ Alla hemm lezzjoni għalina li kif Alla Huwa l-Qaddis u pur, Hu jixtieq li l-bnedmin Tiegħu wkoll isiru bħalu, jiġifieri, isiru ġusti, twajba, devoti, virtużi, fidili, leali u safja minn kull dnub u difett. Jixtiqilna li aħna kollha nsiru bnedmin nodfa fiżikament kif ukoll spiritwalment; u li nnaddfu lilna nfusna mid-dnubiet kollha. Irridu ngħixu ħajja ta’ safa u pjetà.

Alla l-Qaddis jixtieq li aħna nżommu lilna nfusna safja kif it-tifel huwa meħlus minn kull ħażen, ħmieġ, impurità u dnub fil-ħin tat-twelid. Huwa importanti li nsiru ħelwin, tajbin u meħlusa minn kull dnub sabiex inkunu aċċettati quddiem Alla.

Hawnhekk tqum mistoqsija importanti, li, meta Alla Huwa l-Qaddis u jixtieq il-qdusija għall-bnedmin u Hu bagħat ħafna Profeti fid-dinja sabiex juru t-triq it-tajba lill-umanità, u hemm tant inkoraġġiment lejn ħajja ta’ virtù u ħafna skuraġġiment lejn ħajja ta’ ħażen u dnub, u tant hemm spazju għal titjib, il-ħażen u d-dnub kif jirnexxilhom jidħlu fil-ħajja tal-bniedem? Minn fejn ġej id-dnub? Għaliex l-art hija mimlija dnub?

Seba’ kawżi tad-dnub

It-Tieni Kalif tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan b’mod tajjeb ħafna, u nixtieq li niġbor fil-qosor dan is-suġġett vera importanti.

Il-kawża ewlenija tad-dnub hija l-injoranza, li tista’ tkun injoranza permanenti jew temporanja. L-injoranza permanenti hija ħaġa apparti. L-injoranza temporanja hija injoranza minkejja l-għarfien, jiġifieri, il-bniedem jaf il-konsegwenzi tal-għemil tiegħu, imma minħabba ċerti ċirkustanzi ma jagħtix kas li jagħmel li jrid; u din it-tip ta’ injoranza jista’ jkollha ħafna kawżi:

Ir-regħba – ħafna regħba ġġiegħel lill-bniedem isir agħmi quddiem ħwejjeġ ta’ importanza kbira; l-aggressività jew rabja intensiva, karattru kombattiv jew argumentattiv; bżonn intens; saħħa ħażina; biża’ eċċessiv; imħabba eċċessiva; ottimiżmu eċċessiv; pessimiżmu eċċessiv; insistenza eċċessiva fuq xi ħaġa; xewqa eċċessiva; nuqqas ta’ xewqa eċċessiv; u tendenzi ereditarji jiġifieri persuna tiret tali attitudni ta’ injoranza. Dawn huma t-tnax-il sors jew ċirkustanza li jipproduċu jew jippromwovu l-injoranza. U meta l-bniedem ikun injorant hu jaqa’ fid-dnub u l-ħażen.

Il-kuntatti soċjali u l-kumpaniji

Minbarra l-injoranza, it-tieni sors kbir tad-dnub huma l-kuntatti soċjali u l-kumpaniji. Il-bniedem huwa imitatur imwieled. Għandu t-tendenza li jagħmel bħalma jagħmel ħaddieħor, mingħajr ma jiżen u jqis il-konsegwenzi ta’ dak li jkun qed jagħmel. Dawn l-influwenzi soċjali jinkludu l-influwenza tal-ġenituri u l-qraba, sħab tal-logħob, għalliema, tradizzjonijiet, drawwiet u kultura soċjali, eċċ.

It-tielet sors ta’ dnub huwa li l-bniedem xi drabi jkollu għarfien ħażin ta’ xi ħaġa.

Ir-raba’ sors taʼ dnub huma drawwiet ħżiena. Li tkun taf tajjeb ħafna x’inhi l-verità u li l-mertu jorbot li tgħid il-verità, meta jasal il-mument kruċjali persuna għandha t-tendenza li ma tgħidx il-verità. Pereżempju, wieħed li għandu l-vizzju tax-xorb u jiddeċiedi li ma jixrobx aktar; u jaf kollox dwar il-periklu tax-xorb. Imma meta jpoġġi bilqiegħda ma’ dawk li jixorbu, huwa ma jistax jirreżisti t-tentazzjoni. Mal-iċken sejħa tinkiser id-deċiżjoni tiegħu li ma jixrobx.

L-għażż u n-nuqqas ta’ dixxiplina

Il-ħames, il-bniedem xi drabi jaqa’ fid-dnub minħabba l-għażż, in-nuqqas ta’ dixxiplina, u li ma jagħtix kas jew importanza biżżejjed u jieħu l-affarijiet faċli u b’mod rilassat. Iż-żmien jgħaddi u f’daqqa waħda jsib ruħu fil-ħażen jew fid-diffikultà. Pereżempju, jekk l-istudent jieħu l-edukazzjoni b’mod leġġer u jaħseb li meta jasal il-waqt tal-eżami jkun jista’ jistudja biżżejjed, imma, din l-attitudni tista’ takkawżalu t-telf fl-eżamijiet.

Is-sitt kawża tad-dnub hija n-nuqqas ta’ ġudizzju komparattiv. Minn żewġ korsijiet ta’ azzjoni alternattivi, persuna ma tistax tiddeċiedi liema hija l-aħjar mit-tnejn.

Is-seba’ kawża tad-dnub hija l-ħafna influwenzi inviżibbli li jħabbtu wiċċhom ma’ xulxin f’ħajjitna.

It-twieqi tad-dnub

Dawn huma seba’ sorsi jew kawżi tad-dnub u l-ħażen, u meta bniedem ma jibqax kawt għal dawn il-kawżi, hu jista’ jaqa’ fid-dnub. Dawn huma t-twieqi tad-dnub li minnhom id-dnub jidħol fil-ħajja tal-bniedem u jmarrad ir-ruħ tal-bniedem.

Bla dubju, id-dnub huwa velenu fatali li joqtol l-ispirtu ta’ persuna. Ibiegħed lill-bniedem mill-bieb tal-ħniena ta’ Alla li Jista’ Kollox u mill-għotjiet, il-barkiet u l-imħabba Tiegħu.

Għalhekk, irridu dejjem nitbiegħdu minn kull dnub biex noqorbu lejn Alla, il-Ħanin, u ngawdu mill-maħfra u l-ħniena Tiegħu.

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.