Educating our children about the consequences of Bullying

Nedukaw lil uliedna dwar il-konsegwenzi tal-bullying

In-Nazzjon, 29.05.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Il-preżent tagħna jinbena fuq l-imgħoddi u l-futur jiddependi fuq il-preżent tagħna. Nitgħallmu mill-passat sabiex il-preżent tagħna jkun aħjar mill-bieraħ, u nużaw il-kapaċitajiet u r-riżorsi kollha tagħna biex intejbu l-futur, sabiex għada jkun dejjem isbaħ. Dan huwa ċ-ċirku tal-ħajja fuq l-art fejn in-nies jiġu u jmorru u nies ġodda jieħdu l-pożizzjoni tagħhom.

Il-kaptan tal-vapur

Aħseb ftit, jekk kaptan kapaċissimu ta’ vapur jiġi mibdul b’kaptan li mhux kapaċi daqsu u anke m’għandux esperjenza, allura, kif se jkun il-vjaġġ fil-baħar u l-futur tal-vapur? Bla dubju ta’ xejn, il-vapur se jimxi ’l quddiem b’mod imqalleb, in-nies se jkunu fil-biża’ u anke n-negozju tal-kumpanija li tirranġa dan il-vjaġġ se jkun affettwat b’mod ħażin ħafna.

Il-vapur li ma jkunx immexxi minn persuna tas-sengħa u esperjenza ma jkunx bla ebda riskju. Waqt il-vjaġġ fil-baħar il-vapur ikun kontinwament imdawwar minn maltempati, ikun imqalleb, il-passiġġieri jkunu inkwetati, mhux se jkunu kuntenti, u għalhekk il-vjaġġ se jkun perikoluż. Dak li kien maħsub li jkun sors ta’ ferħ u pjaċir se jsir vjaġġ ta’ niket, għeja, ansjetà u biża’ enormi.

Dan huwa eżempju ta’ nazzjon li ma ppreparax ġenerazzjoni għall-futur tagħha li tista’ tbaħħar id-dgħajsa tagħha b’mod tajjeb.

Għalhekk, jekk aħna nixtiequ li l-futur ta’ pajjiżna jkun sod u b’saħħtu, allura għandna nrabbu lil uliedna mill-aħjar li nistgħu, għax iż-żgħażagħ tal-lum huma l-mexxejja ta’ għada; iż-żgħażagħ tal-lum huma l-kaptani tal-vapur fil-futur.

Il-kruha ta’ bullying

Dan l-aħħar kien hemm rapport fil-midja lokali li juri li l-ġlied fl-iskejjel huwa xi ħaġa li sseħħ kważi kuljum; u waħda mill-problemi li qed jiffaċċjaw it-tfal kemm fl-iskejjel kif ukoll fil-playgrounds hija l-bullying.

Il-bullying għandu forom differenti, pereżempju li wieħed jaqla’ xi daqqa, jissejjaħ b’ismijiet ħżiena, li tagħti isem jew laqam ħażin lil xi ħadd, tidħaq b’ħaddieħor, tgħajjar lil min hu oħxon jew irqiq ħafna, li ma tgħinx lil xi ħadd partikolari, li tiżola lil xi ħadd, li titkellem kontra xi ħadd u tivvinta kontra l-oħrajn, dawn kollha huma forom tal-bullying.

Huwa minnu li ħafna drabi t-tfal jew iż-żgħażagħ jiġu influwenzati mill-ħbieb tagħhom, imma jekk il-ġenituri jgħallmuhom manjieri sodi, minflok li jiġu influwenzati minn ħaddieħor, dawn it-tfal jistgħu jinfluwenzaw lill-oħrajn bl-attitudni pożittiva u l-imġiba tajba tagħhom, u b’hekk joħolqu ambjent aħjar għal kulħadd.

It-taħriġ kostruttiv ta’ wliedna

Għalhekk, nissuġġerixxi li l-ġenituri jgħallmu lil uliedhom il-valuri morali għoljin; u minbarra l-edukazzjoni tagħhom, għandhom jiffokaw ukoll fuq it-taħriġ pożittiv u kostruttiv ta’ wliedhom. Ngħidu lil uliedna li qatt ma jlissnu kelma ħażina kontra ħadd; u jistgħu jifhmu l-bullying meta jaħsbu jekk huma jkunu f’post dawk li qed jiġu bullied.

Biex nifhmu l-konsegwenzi tal-bullying, irridu nqiegħdu lilna nfusna fl-istess sitwazzjoni, jiġifieri li wieħed jimmaġina lilu nnifsu fis-sitwazzjoni jew fiċ-ċirkostanzi ta’ persuna oħra, sabiex jifhem is-sitwazzjoni tagħhom, jew jirrispetta l-perspettiva u l-opinjoni tagħhom.

Wieħed jifhem l-importanza tal-ikel meta jkun bil-ġuħ ħafna u ma jsibx biċċa ħobż x’jiekol; wieħed jifhem il-konsegwenzi tal-bullying meta jiffaċċja sitwazzjoni bħal din; wieħed jifhem li l-bullying ikisser lill-persuna meta xi darba jesperjenza l-bullying hu stess.

Għalhekk, huwa importanti li nedukaw lil uliedna b’mod tajjeb ħafna sabiex ma jsirux egoisti u arroganti, imma, iħossu t-tbatijiet ta’ ħaddieħor, u juru wkoll rispett sħiħ u dinjità lejn is-sentimenti u l-emozzjonijiet tal-oħrajn. Huma qatt ma għandhom iweġġgħu s-sentimenti ta’ ħadd, għax, hemm ukoll bniedem fuq in-naħa l-oħra li qed jirċievi kliem ta’ wġigħ. Huwa wkoll bniedem—tad-demm u l-laħam— bħalna.

Insiru l-qaddejja tal-umanità

Nixtieq nagħlaq b’xi kliem li jmiss il-qalb, li jqawwi t-tama, kliem ta’ għerf għal kull żmien, li jista’ jgħinna nifhmu dan is-suġġett li minflok inkażbru lill-oħrajn irridu nsiru vera qaddejja tal-umanità.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Intom għandkom tgħixu bħall-qaddejja ta’ Alla u tieħdu ħsieb xulxin. Wieħed li jemmen ma jagħmilx ħsara lill-proxxmu tiegħu. Ma jinsulta lil ħadd, u ma jkażbar u jmaqdar lil ħadd.”

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan iktar u jgħid: “Kunu ġenerużi u qalbkom tajba ma’ kulħadd, għaliex ilkoll aħna ħlejjaq Tiegħu. Tkunux kattivi bi lsienkom, b’idejkom, jew b’xi manjiera oħra. Dejjem aħdmu għall-ġid tal-umanità.  Qatt taġixxu b’mod superjuri fuq l-oħrajn, anki ma’ dawk li jkunu taħtkom.

Qatt tużaw lingwaġġ abbużiv, anki meta tirċevuh. Kunu umli fl-ispirtu, qalbkom tajba, kalmi u uru ħniena, simpatija ma’ kulħadd. Awgurawlhom affarijiet sbieħ, ħalli tkunu aċċettati minn Alla.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam and tagged . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.