
IL-FLUS HUMA QADDEJJA TAJBIN IŻDA SIDIEN ĦŻIENA
It-Torċa, 02.06.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif— amjmalta@gmail.com
Darba l-istudenti ngħataw biċċa xogħol biex iqabblu u jikkontrastaw l-importanza tal-għarfien u tal-għana. L-istudenti qagħdu jaħsbu u jiddiskutu dan is-suġġett; ftit bdew jaqblu li l-għerf huwa aqwa mir-rikkezzi, filwaqt li oħrajn aktar xaqilbu lejn l-importanza tal-għana. Filwaqt li qagħad jisma’ din id-diskussjoni, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana indirizza lill-istudenti u qal: “La l-għerf u lanqas ir-rikkezzi ma jiswew xejn jekk ma jkunx hemm il-Ħniena u l-Grazzja ta’ Alla.”
Meta lit-tfal u l-adolexxenti tagħna, waqt li jkunu qed jgħaddu minn fażi tal-ħajja għal oħra, noffrulhom taħriġ ta’ livell għoli fejn nedukawhom b’valuri morali għoljin u ngħallmuhom b’mod realistiku li kollox jinsab f’idejn Alla l-Omnipotenti, dan kollu jħalli effett profond fuq l-imġiba, il-karattru u l-personalità tagħhom.
It-trobbija ta’ żewġ il-ġenituri
Minkejja l-fatturi kollha tajbin li jintużaw biex tiġi magħġuna l-personalità tat-tfal, jinħoloq xkiel kbir jekk l-istili ta’ trobbija tal-omm u tal-missier ma jaqblux flimkien għaliex dan il-fattur waħdieni jħalli ġerħa profonda fid-dixxiplina tat-tfal.
Irid ikun hemm sforz kollettiv min-naħa taż-żewġ ġenituri biex jaqblu fuq din it-trobbija u mhux joqogħdu jitlewmu fuqha; iridu jiddiskutu biex ikun hemm konformità fl-istil u l-mod ta’ tagħlim għat-tfal tagħhom.
L-għarfien u r-rikkezzi
Dwar l-importanza tal-għarfien u tar-rikkezzi, it-tnejn huma elementi importanti minn ħajjitna, madanakollu, jistgħu jsiru biss meħtieġa meta jkunu akkumpanjati bil-grazzja u l-benedizzjoni ta’ Alla Omnipotenti. Il-għaliex, huwa biss bil-grazzja u l-ħniena ta’ Alla li l-bnedmin jistgħu jibbenefikaw minn dawn il-barkiet.
Aħna xhieda ta’ ħafna realtajiet, fejn għandna nies li għandhom teżori sħaħ ta’ għana u rikkezzi. Iżda ma jistgħux jagħmlu użu minnhom, il-għaliex mardu b’mard kroniku li ma jħallihomx igawdu l-ġid li għandhom. Bl-istess mod, għandna nies oħra li huma mogħnija b’abbundanza enormi ta’ għarfien, iżda, għal xi raġuni, jiġu maħkuma b’mard li jġenninhom. Għalhekk, jekk ma jkunx hemm il-grazzja tal-Ħanin Alla, la l-għana u lanqas l-għerf ma jkunu sors ta’ benedizzjoni.
L-ornament tal-ħajja dinjija
Alla Omnipotenti jiddikjara fil-Koran Imqaddes li: “L-għana u l-ulied huma ornament tal-ħajja ta’ din id-dinja. Iżda l-għemil ta’ atti tajbin huwa aqwa f’għajnejn il-Mulej minn premji immedjati, u l-aħjar tama.” (18:47)
Ir-rikkezzi u l-ulied huma l-ornament ta’ din il-ħajja u jżidu mal-ġmiel u l-meravilji tagħha u ħafna drabi jġagħlu lill-bniedem jinsa ’l Alla, iżda huma jistgħu jintużaw ukoll sabiex iservu kawża nobbli ħafna. Il-flus li jintefqu għal kawża ġusta ħafna drabi jħallu riżultati tajbin b’mod permanenti.
Dawk iż-żgħażagħ li jiddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-komunità jew tal-pajjiż tagħhom, jew għall-umanità inġenerali, mhux biss jibqgħu mfakkra b’unur għal ħafna anki wara mewthom, iżda wkoll jipperpetwaw il-memorji tal-antenati tagħhom. Din hija s-sustanza u t-tifsira ta’ dan il-vers.
L-għerf, l-għana u l-arroganza
Barra minn hekk, l-għerf u l-għana waħedhom, jekk ma jkunux akkumpanjati mill-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, jistgħu jwasslu wkoll għall-arroganza u l-ftaħir; u jistgħu jagħmlu persuna egoista. F’dan ir-rigward, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, jistqarr:
“Kull min jissottovaluta lil ħuh għax iqis lilu nnifsu egħref, jew aktar għaqli, jew aktar profiċjenti huwa arroganti, daqslikieku ma jistmax lil Alla bħala s-sors ta’ kull intelliġenza u għarfien, u jqis lilu nnifsu bħala xi ħaġa. Taħsbu li Alla m’għandux is-setgħa li jimlieh bil-mard mentali u li jippremja lil ħuh li huwa jqisu bħala inferjuri b’aktar intelliġenza u dehen u bi profiċjenza ogħla aktar minn tiegħu?
Għaldaqstant, anki dak li, minħabba kunċett żbaljat tal-ġid, tal-pożizzjoni, jew tad-dinjità tiegħu, ikażbar lil ħuh, huwa arroganti għaliex jinsa li l-ġid, il-pożizzjoni u d-dinjità tiegħu ngħatawlu minn Alla. Huwa agħma u ma jirrealizzax li Alla għandu s-setgħa li jġarrfu u f’mument jista’ jsib ruħu fil-qagħda tal-aktar baxxi fost il-baxxi, u li jippremja lil ħuh li huwa jmaqdar b’aktar ġid minn tiegħu.”
Il-ħniena u l-grazzja ta’ Alla
Dan il-kliem tad-deheb jitfa’ biżżejjed dawl fuq is-suġġett li, jekk ma jkunx hemm il-grazzja u l-ħniena ta’ Alla, il-ġid u l-għerf mhuma xejn ħlief miraġġ. Kemm hu vera li, “Il-flus huma qaddejja tajbin iżda sidien ħżiena.”
Jiġifieri m’għandniex inkunu qaddejja tal-flus, iżda minflok il-flus għandhom ikunu qaddejja tagħna. Għandna nifhmu d-differenza bażika bejn li jkollna bżonn il-flus biex ngħixu, u li ngħixu biss għall-flus.
Għaldaqstant, għandna dejjem inqiegħdu sew il-prijoritajiet tagħna. M’għandniex nagħmlu l-ksib tal-affarijiet materjali l-għan ewlieni ta’ ħajjitna, iżda għandna dejjem niddependu fuq il-ħniena u l-grazzja ta’ Alla l-Ħanin u Mimli Grazzja.