
VALURI UMANI – IL-PEDAMENT GĦAL ĦAJJA DINJITUŻA
It-Torċa, 09.06.2024 |Imam Laiq Ahmed Atif— amjmalta@gmail.com
Dan l-aħħar kont qed nisma’ diskussjoni fuq ir-radju fejn xi ħadd qal li, “tlifna l-valuri u r-rispett lejn xulxin”. Din il-frażi ġagħlitni naħseb ħafna u niżżilt ħsibijieti dwar il-valuri. Huwa minnu li xi kultant naħsbu li huwa veru li qed nitilfu l-valuri, anke pereżempju, ħafna drabi nisimgħu lit-tfal u liż-żgħażagħ jindirizzaw il-kbar, il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom b’mod informali, anke xi drabi b’isimhom, minflok jgħidu nannu, nanna, ziju jew zija, eċċ.
Fil-kultura Asjatika hemm xi ħaġa sabiħa li ż-żgħar qatt ma jindirizzaw il-kbar tagħhom fl-età b’isimhom, u dejjem jindirizzawhom bħal, ħija, ziju, nannu, eċċ., anke jekk mhumiex verament relatati magħhom. Imma, b’dan il-mod juru rispett lejhom. Min-naħa l-oħra, anke l-kbar jindirizzaw liż-żgħażagħ bl-istess mod. Diskors bħal dan mill-ewwel iwassal għal relazzjoni ta’ rispett bejniethom.
Il-kliem sabiħ fil-Malti
Għandna wkoll kliem sabiħ fil-lingwa tant għażiża għalina—il-Malti—li nużawh fid-diskors tagħna; naħseb li għandna nużawh aktar ta’ spiss, iktar regolari fid-diskors tagħna ta’ kuljum, pereżempju, qalbi, ħanini, kif inti ħija, kif inti sabiħ, kif nista’ ngħinek sinjur, eċċ.
Bla dubju ta’ xejn, x’hemm isbaħ mill-valuri li huma l-ġojjell tal-bniedem.
Għalhekk, irrispettivament mid-differenzi, nemmen li fuq il-bażi tal-umanità, in-nies kollha u l-għaqdiet kollha għandhom jagħmlu ħilithom b’mod kollettiv biex isostnu l-valuri umani, u jistinkaw biex id-dinja li ngħixu fiha tkun post aħjar u ferm aktar armonjuż. B’riżultat ta’ dan, jekk il-valuri tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem ma jiġux imħarsa f’pajjiż jew reġjun wieħed, dan ikollu effett indirett fuq partijiet oħra tad-dinja u tali aġir ħażin jista’ jinfirex aktar ’il bogħod.
Bil-maqlub, jekk ikun hemm umanità, valuri umani, moralità, tjubija, prosperità f’parti waħda tad-dinja, dan ikollu effett pożittiv fuq soċjetajiet oħra u nies oħra. Bħala riżultat ta’ forom moderni tal-komunikazzjoni u tat-trasport, aħna lkoll issa qegħdin ħafna eqreb flimkien u m’għadniex limitati jew ristretti bil-ġeografija.
Madankollu, huwa paradoss stramb u traġiku li, minkejja li aħna konnessi aktar minn qatt qabel, fil-fatt qed nitbiegħdu aktar minn xulxin bil-ġurnata. Huwa ta’ dispjaċir kbir, u kawża ta’ niket, li minflok li ningħaqdu flimkien u nxerrdu l-imħabba fost il-bnedmin, id-dinja qed tagħti attenzjoni ferm akbar għat-tixrid tal-mibegħda, il-moħqrija u l-inġustizzja.
Żewġ sbuħijat tal-bniedem
Hemm żewġ sbuħijat: is-sbuħija interna, ta’ ġewwa, jiġifieri s-sbuħija spiritwali; u s-sbuħija ta’ barra, jiġifieri s-sbuħija fiżika. Is-sbuħija ta’ barra, tad-dehra u fiżika hija waħda li tidher, hija viżibbli, u l-bniedem fuq in-naħa l-oħra jista’ jara din is-sbuħija ta’ persuna. Iżda, is-sbuħija ta’ ġewwa hija spiritwali u tidher bl-għemejjel u l-azzjonijiet tagħna, li nsejħulha l-valuri tal-bniedem.
Is-sbuħija tad-dehra u fiżika tista’ tgħib jew tonqos mal-mogħdija taż-żmien, iżda, is-sbuħija ta’ ġewwa ssir dejjem aħjar u aħjar u tiżdied kuljum; tittejjeb mal-ġurnata. Iktar ma l-bniedem juża l-valuri, iktar isir pjaċevoli u attraenti; u l-bniedem isir aktar nobbli, dinjituż, grazzjuż, diċenti, ġust, ġenwin, pur, safi u denn tal-fiduċja. Is-soċjetà tħares lejh bħala mudell għas-soċjetà u l-komunità kollha. Igawdi rispett kbir u riverenza mis-soċjetà kollha u jsir ammirazzjoni għal ħafna.
Barra minn hekk, is-sbuħija ta’ barra tmut mal-mewt tal-ġisem jew mal-mewt tal-persuna, meta l-bniedem iħalli din id-dinja għall-oħra; ġismu jkun midfun fl-art, il-ġid tiegħu u l-qraba u l-għeżież tiegħu jibqgħu fid-dinja, xejn ma jmur miegħu, imma, il-morali tajba u l-għemejjel ġusti tiegħu jmorru miegħu sal-qabar li jkunu s-sors għall-maħfra tiegħu.
L-azzjonijiet li jibqgħu ħajjin
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Meta jmut bniedem, l-azzjonijiet tiegħu jieqfu, ħlief għal tliet affarijiet: (1) waħda hija l-karità kontinwa, (2) l-oħra hija l-għarfien li n-nies jistgħu jibbenefikaw minnha, (3) u t-tielet it-tfal tajbin u ġusti li jitolbu għalihom.”
Fi kliem ieħor, il-valuri jibqgħu fl-art anke wara l-mewt tal-bniedem. Għalhekk, qal li, “L-aħjar fostkom li jemmen huwa dak li l-imġiba tiegħu hija l-aħjar.” “Ittrattaw lin-nies b’kortesija, ġentilezza, imġiba tajba u valuri morali.”
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, dejjem mexxa bl-eżempju tiegħu f’kull mument, anke bi mġiba mill-aħjar. Irrid insemmi xi wħud minn dawk l-eżempji tiegħu li jistgħu jkunu bħala gwida għalina kif nistgħu nipprattikaw il-valuri tajba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Il-mudell u l-imġiba mill-aħjar
Huwa rrakkontat li l-Qaddis Profeta Muħammad ma kienx jiddejjaq jimxi mar-romol u l-fqar. Huwa kien dejjem ta’ għajnuna għalihom it-tnejn.
Kien jagħlef l-iġmla (huwa stess). Huwa kien jagħmel xogħlijiet tad-dar, isewwi ż-żraben, iraqqa’ l-ilbies, jaħleb in-nagħaġ, jiekol flimkien mal-qaddej u jitħan (id-dqiq) miegħu meta dan jegħja. Huwa ma kienx jistħi jġorr ix-xirja mis-suq sa għand niesu. Huwa kien jieħu b’idejn l-għani u l-fqir, u kien ikun minn tal-ewwel li jsellem. Huwa ma kienx jiddejjaq jilqa’ xi stedina, imqar biex jiekol xi tamar.
Il-Qaddis Profeta Muħammad kellu karattru ħelu u qalb tajba. L-imġiba tiegħu kienet mill-aħjar u kien dejjem b’wiċċ ferrieħi. Huwa kien jitbissem, imma ma kienx jidħak jgħajjat. Lanqas ma kien ikun imqit meta kien ikun imdejjaq. Huwa kien umli, iżda ma kienx jintrema; kien ġeneruż, iżda mingħajr ħela. Kellu qalbu tajba u kien ħanin ma’ kulħadd. Huwa qatt ma kien jiekol sa ma jasal biex jibda jitfewwaq. Huwa qatt ma midd idu b’xeħħa.
Ħajja mżejna minn sbuħija dejjiema
Dawn l-eżempji t’hawn fuq huma verament mudell mill-isbaħ biex nimxu fuqhom sabiex nagħmlu ħajjitna mill-isbaħ—ħajja dinjituża, rispettata u nobbli. Għax, x’hemm isbaħ mill-valuri umani li huma l-ġojjell tal-bniedem, u l-pedament għal ħajja paċifika, prospera, diċenti, dinjituża—ħajja mżejna minn sbuħija ta’ dejjem.