IS-SAĦĦA TAL-EWROPA TINSAB FL-GĦAQDA TAGĦHA U L-VALURI LI JGĦAQQDU
Is-saħħa tal-Ewropa hija li tibqa’ magħquda, għax fl-għaqda hemm dejjem is-saħħa, u fejn hemm l-għaqda, hemm paċi u serenità. Fil-fatt, minn perspettiva Iżlamika, għandna nħabirku biex id-dinja kollha tingħaqad flimkien. F’termini ta’ munita, u f’termini ta’ kummerċ u suq ħieles id-dinja għandha tkun magħquda wkoll. Bażikament il-pajjiżi kollha tad-dinja għandhom ifittxu l-koperazzjoni flimkien biex id-diviżjoni tinbidel f’għaqda.
It-Torċa, 23.06.2024 | Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
“Il-formazzjoni tal-Unjoni Ewropea kienet pass importanti ’l quddiem għall-pajjiżi Ewropej għax kienet mezz ta’ għaqda għall-Kontinent. B’dal-mod, għandkom tagħmlu kull sforz possibbli biex tippriservaw din l-għaqda, billi tonoraw id-drittijiet ta’ xulxin. Il-biżgħat u l-preokkupazzjonijiet tal-pubbliku inġenerali jridu jitneħħew. Biex tħarsu s-soċjetà tal-oħrajn ma tridux titolbu iktar minn dak li hu ġust u xieraq minn xulxin, u naturalment, għandu jkun hemm talbiet ġusti u xierqa mill-popli ta’ kull pajjiż.”
Dan il-kliem għaqli u ġenwin tal-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, jagħmel ħafna sens u jenfasizza l-objettiv veru u meħtieġ tal-Unjoni Ewropea.
Vuċi affettiva li tgħaqqad
Biex inkomplu nimxu f’din it-triq biex nilħqu dan l-għan, fit-8 ta’ Ġunju, l-Ewropa vvutat għar-rappreżentanti tagħha fil-Parlament Ewropew għall-ħames snin li ġejjin. X’inhi l-importanza tal-Unjoni Ewropea? Għaliex huwa importanti li l-pajjiżi Ewropej ikollhom vuċi li tgħaqqad?
Naħseb li l-Unjoni Ewropea hija importanti ħafna biex tibbilanċja l-poteri politiċi u ekonomiċi tad-dinja; fil-preżenza ta’ pajjiżi kbar, sinjuri u b’saħħithom bħaċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika, fost oħrajn. L-eżistenza tal-Unjoni Ewropea tipprovdi wkoll sentimenti ta’ ħarsien u sigurtà lill-istati membri tagħha minħabba l-isforzi kollaborattivi tagħhom kontra kwalunkwe kriminalità, vjolenza u aggressjoni.
L-eżistenza tal-Unjoni Ewropea tibgħat ukoll messaġġ lil pajjiżi oħra barra minn din l-Unjoni biex ma jużaw l-ebda aggressjoni kontra kwalunkwe membru tagħha, għax, dak il-pajjiż mhux waħdu u l-pajjiżi kollha tal-Unjoni se jkunu warajh, u se jgħinu lill-istat membru b’kull mod possibbli u se jkunu spalla ma’ spalla mal-membru tagħha.
Koperazzjoni fis-saħħa, l-edukazzjoni u l-ekonomija
It-tieni, qafas wieħed li jgħaqqad huwa utli ħafna biex jgħin lill-istati membri tiegħu biex is-saħħa, l-edukazzjoni u s-setturi ekonomiċi tagħhom jikbru aktar.
It-tielet, l-eżistenza ta’ pjattaforma magħquda tarrikkixxi l-proċess ta’ tagħlim billi tipprovdi sistemi u esperjenzi diversi tal-istati membri kollha għall-benefiċċju ta’ xulxin.
L-isforzi magħquda huma aktar produttivi
Ir-raba’, l-isforzi magħquda huma dejjem aktar produttivi meta mqabbla ma’ sforzi u approċi individwali. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea hija tali pjattaforma li temmen fi sforzi u approċi magħquda u miftiehma biex tkabbar l-eżitu tal-inizjattivi tagħha u biex jibbenefikaw minnhom żoni u territorji sostanzjali.
Il-ħames, li tfassal pjan direzzjonali u li tfassal objettivi futuri b’għerf kollettiv, konsultazzjoni reċiproka u permezz ta’ qsim ta’ esperjenza.
Il-Kalif u l-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, jgħid:
“Ftakru li s-saħħa tal-Ewropa tiddependi minn kemm jirnexxilha tibqa’ magħquda u pajjiż wieħed. Din l-unità m’għandhiex isservikom biss hawn fl-Ewropa, iżda fuq livell globali għandha tkun mezz biex dan il-Kontinent jibqa’ b’saħħtu u influwenti.
Fil-fatt, minn perspettiva Iżlamika, għandna nħabirku biex id-dinja kollha tingħaqad flimkien. F’termini ta’ munita, id-dinja għandha tkun magħquda. F’termini ta’ kummerċ u suq ħieles id-dinja għandha tkun magħquda wkoll. Fejn jidħlu l-libertà tal-moviment u l-emigrazzjoni, għandha tiġi żviluppata politika prattika ta’ koeżjoni sabiex id-dinja tkun tista’ tingħaqad. Bażikament il-pajjiżi għandhom ifittxu l-koperazzjoni flimkien biex id-diviżjoni tinbidel f’għaqda.
Jekk jittieħdu dawn il-miżuri malajr wieħed jinduna li l-kunflitti eżistenti jintemmu u jinbidlu f’paċi u rispett reċiproku, kemm-il darba tkun ipprattikata l-ġustizzja vera u kull pajjiż jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu.”
Fl-għaqda hemm dejjem is-saħħa
Għalhekk, nemmen li s-saħħa tal-Ewropa hija li tibqa’ magħquda, għax fl-għaqda hemm dejjem is-saħħa, u fejn hemm l-għaqda, hemm paċi u serenità. Barra minn hekk, għandha li tkun vuċi waħda bilanċjata u ugwali għall-istati membri kollha tagħha, fejn kull pajjiż, irrispettivament mid-daqs jew il-pożizzjoni ġeografika tiegħu jħoss is-sens ta’ appartenenza, b’hekk, isaħħaħ l-isforzi tiegħu ħalli jagħmilha pjattaforma li tgħaqqad b’mod sodisfaċenti f’kull qasam tal-ħajja.