
Soċjetà ħielsa mill-pjaga tad-droga!
In-Nazzjon, 17.07.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-ħajja hija mimlja sfidi. Iżda, meta hemm rieda soda, determinazzjoni u kuraġġ, il-bniedem jista’ jbiddel dawn l-isfidi f’suċċessi. Is-suċċess jiddependi fuq id-deċiżjoni tal-bniedem li ‘iva, nista’ nagħmel’, u l-vjaġġ jibda meta l-bniedem jiddeċiedi li jixtieq jasal xi mkien. Jiġifieri, is-sigriet tas-suċċess huwa li tibda, għax, kollox jibda b’deċiżjoni soda. Nemmen bis-sħiħ li, jekk temmen, tista’ tikseb.
Bi pjaċir kelli l-opportunità li nattendi ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ 9 residenti li lestew b’suċċess il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, organizzata minn Caritas Malta, bit-tema ‘Sfidi u Suċċess’.
Xejn ħlief dlam ċappa
Matul din iċ-ċerimonja smajna xi stejjer ta’ nies li ffaċċjaw dawn l-isfidi b’kuraġġ u determinazzjoni u ħarġu minnhom b’suċċess. Uħud mill-aktar messaġġi b’saħħithom li kulħadd enfasizza kienu li, jekk nista’ jien, tista’ wkoll tirbaħ din l-isfida; kulħadd kapaċi li jagħmilha; diffiċli, imma mhux impossibbli.
Bla dubju ta’ xejn ‘where there is a will, there is a way’.
Huma appellaw ripetutament li, id-drogi jagħmlu ħsara u ħsara biss. Il-ħajja tal-vizzji mhi xejn ħlief dlam, u dlam ċappa. Għalhekk ibqgħu ħafna ’l bogħod minnhom u dejjem għożżu l-ħajja.
Dawk l-istejjer huma wkoll lezzjoni għal dawk kollha li b’mod jew ieħor qed jaffaċċjaw xi sfidi f’ħajjithom li meta wieħed jagħmel l-isforz kollu biex isib xi soluzzjoni, minflok li jibża’ mill-isfidi, żgur isib it-triq.
L-aqwa kwalitajiet
Determinazzjoni, kuraġġ u rieda qawwija huma karatteristiċi bżonjużi u importanti meta wieħed jixtieq jirbaħ xi sfida f’ħajtu. Il-Koran Imqaddes ukoll jitkellem b’mod tajjeb dwarhom u jgħid: “Intom li temmnu, fittxu l-għajnuna ta’ Alla fis-sabar u fit-Talb; żgur li Alla jżomm ma’ dawk li huma sodi.” (2.154)
“Tassew li se nittestjawkom b’xi biża’, u b’ġuħ, u b’nuqqas ta’ ġid, ħajjiet u frott. Agħti l-bxara t-tajba lil dawk li huma sodi u jistabru.” (2.156)
Il-Profeta Luqman li kien bniedem ta’ għerf għallem ukoll lil ibnu dwar dawn il-kwalitajiet u l-karatteristiċi u qal, “Ibni l-għażiż! Osserva t-Talb, amar it-tajjeb, ipprojbixxi l-ħażin, u ssaporti bis-sabar dak kollu li jiġrilek. Tabilħaqq li dawn (l-għemejjel) huma mill-aqwa kwalitajiet.” (31:18)
It-titjib tas-soċjetà
Smajna wkoll xi diskorsi importanti u ħarġu ħafna punti importanti li aħna bħala soċjetà għandna neżaminaw dawn is-sitwazzjonijiet u nippruvaw nieħdu passi neċessarji għat-titjib tas-soċjetà, sabiex is-soċjetà tagħna u l-pajjiż maħbub tagħna jkunu ħielsa mill-pjaga tad-droga.
Sfortunatament is-sitwazzjoni tal-vizzji hija realtà tal-biki, u naraw li din il-kultura tal-ħaxixa jew drogi oħra qed tiżdied. Hemm xi drogi li huma legali f’pajjiżna bħall-kannabis li n-nies jużawhom u jgħidu li ma jagħmlu xejn illegali.
Għandna biex nifhmu li, affarjiet permissibbli mhumiex obbligatorji. Jekk il-kannabis hija legali dan ma jfissirx li kull ċittadin għandu l-obbligu li jieħu l-kannabis. Għalhekk, għall-ġid tagħna, tal-familji tagħna u tan-nazzjon kollu huwa ferm aħjar li nżommu ħafna ’l bogħod minn kull tip ta’ drogi inkluż il-kannabis. Huwa ferm għaqli li l-bniedem jissagrifika xi ħaġa żgħira għall-ġid komuni.
Permissibbli, iżda, mhux obbligatorju
Fl-aħħar seklu fl-Indja l-baqra kienet il-kawża tal-kunflitt bejn il-Ħindu u l-Musulmani. Il-Ħindu jqisu l-baqra bħala sagra u jżommuha fi stima kbira, huma ma jiklux il-laħam tal-baqra, u l-qatla tal-baqra hija meqjusa bħala insult u dnub. Iżda l-laħam tal-baqra hija permissibbli għall-Musulmani. Meta l-Musulmani kienu joqtlu l-baqra għal-laħam, bi tweġiba, il-Ħindu kienu jużaw kliem malafamanti kontra l-Iżlam u l-Fundatur tal-Iżlam. Minħabba dan kien hemm tensjoni bejn il-Musulmani u l-Ħindu, li kienet qed teqred il-paċi tas-soċjetà.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana stieden lill-Musulmani u l-Ħindu biex jistabbilixxu l-paċi, u ssuġġerixxa li l-Musulmani jastjenu mil-laħam tal-baqra minħabba konsiderazzjoni għas-sentimenti reliġjużi tal-Ħindu (billi mhux kull mhu permissibbli huwa obbligatorju), u waqt li jżommu f’moħħhom is-sentimenti reliġjużi tal-Musulmani, il-Ħindu għandhom iwaqqfu t-taħdit infjammatorju kontra l-Iżlam.
F’ġieħ nazzjonali u għall-ġid komuni
Huwa enfasizza fuq il-fatt li, għalkemm, il-laħam tal-baqra huwa permissibbli fl-Iżlam, iżda f’ġieħ kawża akbar —il-paċi nazzjonali— aħna l-Musulmani nistgħu nieqfu noqtlu l-baqra, għax, huwa permissibbli, iżda mhux obbligatorju.
Nemmen li dan l-eżempju brillanti għandu jkun biżżejjed għal min juża ċertu drogi u jippreżenta l-argument li, ‘huwa permissibbli u huma mhuma jagħmlu xejn illegali’.
F’ġieħ nazzjonali u għall-ġid komuni u b’għaqal u razzjonalità, ejjew inwarrbu kull droga mis-soċjetajiet tagħna li tista’ tagħmel xi ħsara u tista’ tkisser ħajjet il-bniedem u l-familji tagħna.
X’prezz tixtieq tħallas?
Għax dan mhux prezz kbir meta mqabbel mal-prezz li wieħed irid iħallas meta s-saħħa tagħhom tiddgħajjef jew il-ħajja tal-familja tagħhom tinqered u djarhom isiru vojt mill-paċi u s-serenità; jew il-familji tagħhom jitkissru, u meta t-tfal tagħhom ma jibqgħux igawdu l-imħabba u l-preżenza ta’ żewġ ġenituri.