
BEAUTY SALONS U L-MEZZI TA’ SBUĦIJA SPIRITWALI
It-Torċa, 21.07.2024 |Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
F’pajjiżna u anke madwar id-dinja kollha nsibu ħafna ħwienet li jissejħu ‘Beauty Salons’. Qatt ma dħalt f’xi salon ta’ sbuħija f’ħajti kollha, iżda, nifhem li huma ħwienet fejn jipprovdu ħafna servizzi biex persuna tidher eleganti u preżentabbli.
Illum nixtieq nieħu lill-qarrejja tiegħi lejn tip ieħor ta’ ‘Beauty Salons’ jew ‘ċentri ta’ sbuħija’, li wkoll jemmnu fis-sbuħija ta’ barra ta’ persuna, iżda aktar importanti jipprovdu servizzi għall-ġewwieni, għas-sbuħija ta’ ġewwa ta’ persuna.
Alla huwa ġmiel
Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-qarrejja tiegħi lejn id-Djar ta’ Alla l-Ħanin—il-postijiet tat-Talb u l-Qima, u lejn ir-reliġjon—il-Kelma ta’ Alla li Jaf Kollox, fejn prodotti u mezzi oħra ta’ sbuħija spiritwali huma disponibbli għal kulħadd; fejn jissemma Alla u jinstabu l-materjali kollha ta’ tindif ta’ ġewwa u sbuħija spiritwali.
L-ewwel u qabel kollox nixtieq nispjega li m’hemm xejn ħażin filli l-bniedem jipprova jkun sabiħ minn barra, anzi, huwa importanti, għalhekk, m’għandix ninftiehem ħażin. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Alla huwa ġmiel u jħobb is-sbuħija.”
L-indafa fiżika taffettwa t-tindif ta’ ġewwa
Barra minn hekk, l-Iżlam bħala reliġjon jenfasizza ħafna fuq l-indafa u s-sbuħija li l-bniedem għandhom dejjem iżommuh nadif u diċenti. Skont it-twemmin Iżlamiku, il-kundizzjoni tal-ġisem taffettwa l-moħħ, u l-indafa fiżika hija essenzjali għall-benesseri spiritwali. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes biex naħslu ġisimna u nieħdu ħsieb tal-indafa tagħna u jgħid li dan mhuwiex kontra l-bniedem imma għall-ġid tagħna stess.
“Alla ma jridx idejjaqkom, iżda jrid isaffikom u jippurifikakom u jġib il-milja tal-grazzja Tiegħu fuqkom biex forsi tiżżu ħajr.” (5:7)
“Tabilħaqq, Alla jħobb lil dawk li jduru Lejh [bi ndiema] u jħobb lil dawk li jżommu lilhom infushom indaf u safja.” (2:223)
Is-salvazzjoni u l-purifikazzjoni ta’ ġewwa
It-tħassib hawnhekk huwa għall-purifikazzjoni tal-moħħ u r-ruħ, u l-Iżlam jenfasizza li l-purità esterna twassal għal purità interna, bħalma l-impurità esterna twassal għal impurità interna.
Il-purifikazzjoni tar-ruħ u l-moħħ tiddependi fuq il-purifikazzjoni tal-ġisem. Jekk il-bniedem mhuwiex nadif minn barra allura ma jistax ikun nadif minn ġewwa.
Is-salvazzjoni u l-purifikazzjoni ta’ ġewwa hija marbuta mal-purifikazzjoni ta’ barra u viċiversa; jekk barra mhux safi u pur allura ma jistax ikollu ruħu u qalbu nodfa, u jekk ruħu mhijiex safja allura ma jistax jikseb is-salvazzjoni vera.
Fil-qosor, kemm in-naħa ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra ta’ persuna huma marbuta ma’ xulxin u ma jistgħux jiġu separati minn xulxin.
Il-pudur u l-imġiba tajba
Għalhekk, jekk iżżomm l-indafa ta’ barra, tkun qed tipprepara lilek innifsek għall-purifikazzjoni ta’ ġewwa. Moħħ pur f’ġisem pur huwa l-għan ta’ fidil.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “L-indeċenza tagħmel lil min iwettaqha diżastruż u mhux attraenti; u l-pudur u l-imġiba tajba tagħti lil persuna modesta, sbuħija minn ġewwa u minn barra, u tagħmilha sabiħa.”
L-ilbies tat-tieba u l-ġustizzja
Alla li Jista’ Kollox fil-Koran Imqaddes identifika t-tieba bħala lbies. Din hija indikazzjoni li s-sbuħija spiritwali u l-ornament spiritwali jinkisbu permezz tat-tieba. Dan ifisser li wieħed irid joqgħod attent anke fl-iżgħar dettalji tat-tagħlim u l-kmandamenti dwar Alla kif ukoll dwar l-umanità, sa fejn ikun possibbli.
Għalhekk, Alla l-Ħanin jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn is-sbuħija ta’ ġewwa. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Ja wlied Adam! Tabilħaqq niżżilnielkom ilbies jostor l-għera tagħkom, u biex ikunu l-ilbies sbieħ (mezzi ta’ sbuħija u eleganza). Iżda l-ilbies tal-ġustizzja, is-safa u l-imħabba ta’ Alla — dak huwa l-aħjar.” (7:27)
Għera morali u spiritwali
Il-kliem, l-ilbies tat-tieba, jispjega s-sinifikat reali tal-kliem ‘libsa eleganti’. Jiġifieri, l-ilbies tal- pjetà huwa, fil-fatt, l-ilbies tassew fin għall-bniedem. Ilbies ordinarju jkopri l-għera fiżika tagħna, filwaqt li l-ilbies tal-pjetà u s-safa jkopri l-għera spiritwali u morali tagħna.
Il-vers ifakkarna b’mod sabiħ li meta nqisu li hu tant meħtieġ li jkollna l-ilbies tajjeb biex jgħatti l-għera fiżika tagħna u nużaw libsa eleganti biex nidhru grazzjużi, għandna iktar u iktar inkunu anzjużi li nkopru l-għera morali u spiritwali tagħna, li tista’ ssir biss bit-talb u billi nitolbu l-maħfra u l-ħniena ta’ Alla.
Nimxu fit-toroq kollha tal-pjetà u s-safa
Id-dmir spiritwali tal-bniedem hu li jimxi fit-toroq kollha tal-ġustizzja, il-pjetà u s-safa. Huma l-karatteristiċi attraenti tas-sbuħija spiritwali.
Huwa ovvju li wieħed dejjem iżomm frisk u ħaj f’moħħu l-fidi u l-imħabba ta’ Alla li Jista’ Kollox, u jwettaq il-kmandamenti kollha tal-fidi, u jħaddem il-fakultajiet u r-riġlejn kollha kemm dawk li jidhru, bħall-għajnejn, il-widnejn, l-idejn, is-saqajn u oħrajn bħalhom, u dawk li huma inviżibbli, bħall-moħħ u l-qalb u fakultajiet u kwalitajiet oħra, fl-okkażjonijiet xierqa tagħhom u li jżommuhom milli jidħlu fl-azzjoni f’okkażjonijiet mhux xierqa, u li jkunu mwissija kontra l-attakki ħorox tal-ħażen u li jkunu konxji tad-drittijiet ta’ bnedmin oħra huwa l-mod kif wieħed jipperfezzjona s-sbuħija spiritwali tiegħu.