
INTENZJONIJIET TAJBA U SINĊERITÀ TAL-QALB
It-Torċa, 28.07.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Il-ħajja umana hija mimlija sfidi u suċċessi, dlam u dwal, tlugħ u nżul, rebħiet u telfiet, kif ukoll għemejjel tajba u ħżiena. Kif jgħidu li, għal kull azzjoni hemm reazzjoni ugwali u opposta; jew kull azzjoni għandha l-konsegwenzi tagħha. Bl-istess mod, meta l-bniedem jagħmel xi ħaġa hemm żgur ħsieb warajha.
Il-moħħ u l-qalb tal-bniedem jippjanaw l-affarijiet, huma jfasslu l-pjan tal-bniedem u l-partijiet l-oħra tal-ġisem iwettqu u jimplimentaw dawk il-pjanijiet. Għalhekk, ħafna drabi nisimgħu din il-frażi li ‘l-moħħ wara ċertu pjan’, dan ifisser ukoll li hemm dejjem xi ħsieb u motiv wara kull għemil tal-bnedmin.
Dak il-ħsieb, l-iskop u r-raġuni huwa wkoll importanti, anzi, huwa ferm iktar importanti minn dak l-għemil innifsu, għax, dak l-għan, ir-raġuni u r-rationale jiddeskrivi t-tifsira u l-filosofija vera ta’ dak l-azzjoni u għemil.
Intenzjonijiet u għemejjel
Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, jispjega li l-azzjonijiet jiġu ppremjati skont il-motivi warajhom. Huwa qal: “Tassew l-għemejjel huma ġġudikati bl-intenzjonijiet u għal kulħadd huwa premju, skont l-intenzjoni tiegħu.”
Dan il-kliem preċiż u profond jitfa’ dawl bażiku fuq il-filosofija tal-atti umani. Huwa minnu li għalkemm ħafna drabi anke l-qrati ma jiddeċidux fuq ir-reati li seħħew, imma, huma jidħlu fid-dettall biex isibu x’kien l-iskop u l-ħsieb wara dawk ir-reati, sabiex jiddeterminaw il-verità kollha.
Alla li Jaf kollox anke dak li hemm fil-moħħ u fil-qalb tal-bniedem jiġġudika l-għemejjel tagħna bl-intenzjonijiet warajhom.
L-atti tajbin huma taʼ ħafna tipi
Jekk nitkellmu dwar l-għemejjel tajba, huwa evidenti li l-atti li jidhru tajbin huma taʼ ħafna tipi. Xi atti jsiru bil-qawwa tad-drawwa għax il-bniedem baqa’ jagħmilhom għal tul ta’ snin, xi wħud imitazzjoni ta’ nies oħra għax il-bniedem jitgħallem u jikkopja n-nies ta’ madwaru, u madankollu xi wħud għall-wiri u r-reklami għax xi drabi l-bniedem jixtieq li juri lill-oħrajn dak li jagħmel.
Iżda, skont il-kliem t’hawn fuq tal-Qaddis Profeta Muħammad, dawn l-għemejjel kollha huma bla riżultat u ma għandhom l-ebda piż fil-bilanċ ta’ Alla; u li l-għemejjel korretti u tajba huma dawk li jsiru b’intenzjoni vera u b’moħħ sinċier. Għemil bħal dan huwa dak li jistħoqqlu premju veru mingħand Alla.
Il-verità hija li, sakemm il-qalb tal-bniedem u lsienu u riġlejh, jiġifieri, idejn, saqajn u partijiet oħra, ma jkunux qed jaħdmu f’armonija fit-twettiq ta’ att partikolari, att bħal dan m’għandux valur.
Motiv veru f’moħħu, xhieda bil-fomm ta’ din is-safa tal-motiv, u jdejn u saqajn li jagħtu xhieda prattika ta’ din l-onestà ta’ skop, jagħmlu att li jistħoqqlu li jiġi aċċettat.

Ipokrisija, verità u sinċerità
Jekk persuna tkun nieqsa mill-verità u s-sinċerità tal-iskop u r-raġuni, hija mhi xejn ħlief ipokrita. Jekk ilsienha ma juri l-ebda xhieda tas-sentiment ta’ ġewwa tagħha, hija tkun kodarda. U jekk idejha u saqajha ma jaġixxux f’armonija mal-iskop iddikjarat tagħha, hija ma tistax tagħmel xogħolha kif suppost. Għemil veru, għalhekk, huwa wieħed li huwa mmexxi minn motiv u objettiv veru.
Bl-onestà tal-iskop, bniedem jista’ jagħmel l-għemejjel tiegħu li jistgħu jidhru għad-dinja bħala virtujiet superjuri ta’ karattru reliġjuż, ta’ valuri għolja u bla prezz.
Tpoġġi l-ikel f’fomm il-mara
Eżempju eċċellenti ta’ dan huwa kif il-Qaddis Profeta Muħammad jgħid f’dan ir-rigward li, jekk raġel ipoġġi biċċa ikel f’fomm martu għax hija r-rieda ta’ Alla li jipprovdi l-għajxien lil martu u jara l-faraġ tagħha, dan l-att tiegħu għalhekk żgur ikun ittrattat, fil-preżenza ta’ Alla, bħala att ta’ tjubija kbira, bħala għemil mill-aqwa.
X’kien dak, li għamel differenza kbira? X’inhu l-messaġġ moħbi li nistgħu nitgħallmu minnu? Il-messaġġ bażiku huwa li, “l-intenzjonijiet tagħna” jagħmlu differenza kbira f’kwalunkwe xogħol li nagħmlu.
Barra minn hekk, dan ifisser li jekk il-bniedem jagħmel xi ħaġa tajba, iżda, b’intenzjoni ħażina, dak ma jiswa xejn quddiem il-Mulej. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, anke t-talb b’intenzjoni mhux tajba m’għandu l-ebda valur. Huwa jgħid: Allura l-mewt tkun fuq dawk ukoll li jippretendu li jitolbu. Dawk li ma jagħtux kas it-talb tagħhom. Dawk li jitolbu biss biex jidhru man-nies; u jagħmlu kollox għal għajnejn in-nies u għat-tifħir min-nies. (107:5-7)
Ġisem bla ruħ, qoxra bla sustanza
It-talb jirrappreżenta d-dmirijiet u l-obbligi li għandna lejn Alla. Il-versi jipprovaw jgħidu li t-talb b’mod ipokritu ta’ dawk li jagħmlu biss biex jidhru ġusti f’għajnejn in-nies, u li ma jaqdux l-obbligi li għandhom lejn il-ħlejjaq ta’ Alla huwa ġisem bla ruħ, qoxra bla sustanza. L-azzjonijiet kollha tagħhom huma ipokriti li, flok jagħmlulhom xi ġid, iżidu l-ipokresija u l-insinċerità tagħhom.
Dawn il-versi t’hawn fuq jħallu l-bniedem bla kliem. Kemm huwa importanti, anzi importantissimu, li dak li nagħmlu, nagħmluh b’qalb tajba u b’intenzjoni safja u pura, u bl-akbar sinċerità.
Lupu u serp
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya jispjega dan iktar u jgħid li: “Kunu ġenerużi u qalbkom tajba mal-umanità kollha. Kunu umli fl-ispirtu, kunu ġenerużi u ġentili, u aħfru, uru simpatija lejn kulħadd u awguraw lil kulħadd, ħalli tkunu aċċettati.
Hemm ħafna li jippretendu li huma qalbhom tajba, ġentili u li jaħfru lil għajrhom, iżda minn ġewwa huma lpup; hemm ħafna li minn barra jidhru safja, imma f’qalbhom huma sriep. Ma tistgħux tiġu aċċettati fil-preżenza tal-Mulej jekk m’intomx safja, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.”