
L-AQWA INFLUENCERS
It-Torċa, 04.08.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Malta
Fid-dinja kummerċjalizzata li dejjem tikber fil-materjaliżmu u l-konsumiżmu nsibu ħafna modi ta’ reklami fosthom hemm ħafna influencers li xogħolhom huwa li jinfluwenzaw lin-nies biex jixtru ċerti prodotti.
Hemm influencers li jitkellmu fuq ċerti suġġetti biex jinfluwenzaw in-nies dwar dawk is-suġġetti. Ħafna minnhom huma ċelebritajiet u nies famużi.
Hemm ukoll nies li jitkellmu kontra r-reliġjon u l-ispiritwalità; hemm dawk li jippromwovu l-ateiżmu u l-umaniżmu. Illum il-ġurnata d-dinja saret villaġġ globali u, meta ngħixu f’dinja moderna u inklużiva, ma’ nies ta’ ħsibijiet u fehmiet differenti, niġu influwenzati minnhom.
Dawn l-influwenzi soċjali jinkludu l-influwenza tal-ħbieb u relazzjonijiet oħra, sħabi tal-logħob, għalliema, istituzzjonijiet soċjali u drawwiet.
Parir mill-aqwa
Illum il-ġurnata minħabba l-midja soċjali t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jisimgħu lil dawk l-influencers u jiġu affettwati mill-parir jew kelma tagħhom.
Iżda huma jinsew li l-aqwa u l-akbar influencers jinsabu fi djarhom, il-ġenituri. Li mhux biss għandhom l-għarfien, l-esperjenza, iżda fuq kollox, l-imħabba, il-kompassjoni bla kundizzjoni u l-ħniena bla limiti.
Huma mhux biss ikbar minnhom, iżda, demmhom. Jafu s-sitwazzjoni, iċ-ċirkostanzi u l-pożizzjoni tagħhom, aħjar u aktar minn ħaddieħor, għalhekk, il-parir li jistgħu jagħtu lil uliedhom huwa l-aħjar u bla paragun.
Għalhekk, nappella liż-żgħażagħ tagħna li minflok jaraw ’l hawn u ’l hemm, minflok ifittxu parir mingħand ħaddieħor, ipoġġu mal-ġenituri tagħhom, jitkellmu magħhom fid-dettall, jiftħu qalbhom magħhom, sabiex isibu parir mill-aqwa.
L-imħabba u r-rispett reċiproku
Dawn ir-relazzjonijiet tal-imħabba u r-rispett għandhom ikunu reċiproċi; mill-ġenituri lejn it-tfal, u mit-tfal lejn il-ġenituri. Għax meta hemm l-imħabba u r-rispett miż-żewġ naħat, ir-relazzjonijiet isiru b’saħħithom u fit-tul, u anke produttivi ħafna.
Nixtieq nikteb kelmtejn dwar din ir-relazzjoni. Dwar il-mogħdrija maż-żgħażagħ u r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-anzjani, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal:
“Wieħed li m’għandux mogħdrija għaż-żgħażagħ tagħna u ma jagħrafx id-drittijiet tal-anzjani u l-kbar tagħna mhuwiex wieħed minna (jiġġifieri, mhuwiex fidil tajjeb).”
F’dan il-kliem għaqli hemm messaġġ li, sakemm soċjetà tibqa’ meqjusa, attenta, devota u riflessiva lejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, qatt ma tonqos u dejjem tirnexxi, dejjem tibqa’ fil-paċi u s-serenità, dejjem tiżdied u tibbenefika minn valuri u virtujiet morali u prosperità.

Kulħadd huwa responsabbli
Il-Profeta Muħammad ippreżenta punt ieħor, prinċipju tad-deheb, u enfasizza li kulħadd huwa responsabbli għal mod jew ieħor, għalhekk, għandna biex inwettqu d-doveri tagħna u dejjem inkunu responsabbli.
Huwa qal: “Kull wieħed minnkom huwa ħakkiem u jkun responsabbli fir-rigward tas-sudditi tiegħu.”
Il-ġenituri huma wkoll responsabbli mit-tfal tagħhom, għalhekk, għandhom dmir biex ikunu mill-aqwa influencers ta’ wliedhom.
Parir ieħor li ta huwa li l-ġenituri għandhom jgħallmu l-morali tajba lil uliedhom; u qal li, “Irrispettaw lil uliedkom u kkultivaw fihom l-aħjar morali u manjieri.”
Il-gwida fl-era diġitali
Għalhekk, huwa ferm importanti li t-tfal dejjem iqisu l-ġenituri tagħhom bħala l-aqwa influencers, u min-naħa tagħhom il-ġenituri għandhom jagħmlu minn kollox li hu possibbli biex jiggwidaw lit-tfal tagħhom f’din l-era diġitali. Għax it-tfal u ż-żgħażagħ jużaw ħafna l-apparati diġitali u l-midja soċjali.
Il-ġenituri għandhom jissalvagwardjaw lil uliedhom mill-influwenza negattiva tal-midja soċjali u influencers differenti li jinfluwenzawhom b’mod materjalistiku biss.
Għalhekk, il-ġenituri għandhom u dan huwa dmirhom li jagħtu ħin biżżejjed—ħin ta’ kwalità— u kumpanija tajba u xierqa lil uliedhom.
It-tfal m’għandhomx ikunu qed jaraw programmi li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq it-trobbija tagħhom. Il-ġenituri għandhom jimmonitorjaw il-programmi li wliedhom jaraw u jikkomunikaw limiti ċari.
Jitkellmu ma’ wliedhom regolarment fuq kull suġġett u anke dwar dak li qed jiġri fid-dinja sabiex jifformaw l-opinjoni tagħhom b’mod tajjeb ibbażat fuq informazzjoni, riċerka, għarfien u diskussjoni.
Kun ħabibhom
Il-ġenituri għandhom jispjegaw ukoll l-effetti negattivi u ħżiena li wieħed jista’ jkollu meta jiġi influwenzat mill-oħrajn u meta m’għandux l-abbiltà li jista’ jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya ta parir tajjeb ħafna lill-ġenituri f’dan ir-rigward u qal li, “Ġegħelhom jifhmu. Kun ħabibhom, u jifhmu. Imma, l-aktar importanti, itolbu biex Alla jipproteġihom mill-effetti ta’ ħsara.”
Huwa enfasizza li l-ġenituri għandhom imexxu b’eżempji pożittivi, għax, jekk ma jipprattikawx dak li jgħallmu lil uliedhom, allura ma jkollhomx impatt fuq uliedhom. Għalhekk, huwa essenzjali li tikkunsidra kif se tagħmel impatt pożittiv fuq il-ġenerazzjoni futura tiegħek.
Għandhom isiru paċenzjużi, umli u qalbhom tajba għax modi umli u ġentili jwasslu għal influwenza dejjiema.
Edukazzjoni, taħriġ u influwenzar
Il-ġenituri jistgħu jedukaw, iħarrġu u jinfluwenzaw lil uliedhom b’mod pożittiv bl-imħabba, l-affezzjoni, il-kompassjoni, l-għerf u bl-għaqal; jirrikonoxxu bil-paċenzja n-nuqqasijiet tagħhom filwaqt li juru tolleranza.
Jekk twettaq dawn id-dmirijiet kollha b’intenzjoni tajba, allura Alla l-Ħanin li Jista’ Kollox se jieħu ħsieb il-bqija, u jindirizza kwistjonijiet u bżonnijiet oħra li jinqalgħu, u jipproteġihom mill-effetti ta’ ħsara.
Mulej tagħna, ipproteġi lil uliedna minn kull effett negattiv u agħmilhom assi għall-umanità u dawk li dejjem jixtiequ l-ġid u l-benesseri tal-bnedmin kollha. Ammen.