Find me amongst the weak and poor

Fittxuni qalb id-dgħajfin tagħkom

In-Nazzjon, 07.08.2024 |IMAM Laiq Ahmed Atif , President Ahmadiyya Malta

Kulħadd jixtieq li jgħix ħajja sana, soda, ferħana u bis-sbuħija kollha. Hija xewqa naturali li nsibu kullimkien anke fl-annimali li wkoll jagħmlu l-almu kollha tagħhom biex ħajjithom u dik ta’ wliedhom tkun l-aqwa kemm jista’ jkun.

L-għasafar iħallu l-bejtiet tagħhom kuljum kmieni filgħodu biex isibu l-għajxien għalihom u għall-frieħ tagħhom li jkunu jistennewhom fil-bejtiet.

Mingħajr l-iċken dubju, huwa att nobbli ħafna li wieħed jaħdem għall-għajxien tiegħu u għal familtu. Iżda dan isir att mill-isbaħ meta l-bniedem jagħti kas anke lill-proxxmu u sezzjoni dgħajfa tas-soċjetà.

Kemm ikun aħjar li wieħed mhux jgħix għalih innifsu biss, iżda, anke għal ħaddieħor. Kemm ikun għemil meraviljuż meta wieħed jgħin lill-fqir, lid-dgħajjef u liż-żgħir fostna.

Uru kompassjoni ħalli fis-sema tintwera kompassjoni magħkom ukoll

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan is-suġġett b’mod tajjeb ħafna, bi kliem tad-deheb, u jgħid: “Uru ħniena ma’ dawk li jkunu taħtkom; kunu ġenerużi mal-partners tagħkom u ma’ ħutkom li huma fqar, ħalli fis-smewwiet intom ukoll tintlaqgħu bis-sewwa. Intom tassew issiru Tiegħu, u b’hekk Alla jsir tagħkom ukoll.”

Fil-qosor, jekk nixtiequ li nsibu lil Alla, il-Ħanin, nistgħu nfittxu u nsibuh qalb id-dgħajfin, il-foqra, iż-żgħar, u dawk li jistgħu jkunu qed ibatu jew għaddejjin minn xi fażi diffiċli f’ħajjithom, jew dawk li għandhom bżonnijiet speċjali.

Wieħed minn dawk in-nies li jagħmlu minn kollox possibbli għall-proxxmu hu l-ħabib tiegħi ta’ ħafna snin, l-Onorevoli Ivan Bartolo. Nixtieq nirringrazzjah u nawguralu kull suċċess f’din il-missjoni nobbli favur il-bniedem.

Aħna nafu lil xulxin għal ħafna snin u ħdimna flimkien fil-qasam soċjali; u dejjem nippruvaw li jekk nistgħu nġibu xi bidla pożittiva fil-ħajja ta’ ħutna Maltin u Għawdxin li huma fil-bżonn.

Il-Premju Formidabli

Naf lil Ivan ħafna qabel ma fil-fatt daħal fil-politika u naf li d-dħul tiegħu fil-politika ma kienx għal xi gwadann personali, anzi, il-motiv kien li jsir vuċi għal min ma jisimgħuhx, u id ta’ għajnuna għal min ma jiflaħx b’idejh jew ma jafux liema bieb għandhom iħabbtu għal xi għajnuna.

Waħda mill-inizjattivi huwa ‘l-Premju Formidabbli’ li beda hu biex jonora lil dawk in-nies ta’ bżonnijiet speċjali li, minkejja ħafna sfidi, baqgħu attivi u komplew jaħdmu għas-soċjetà. Anke f’din l-inizjattiva ta’ din is-sena, il-Komunità Ahmadiyya Musulmana pparteċipat u kkontribwiet kemm setgħet.

Gratitudni u rikonoxximent

Fi kliemu, ‘l-iskop hu l-gratitudni, li hi rigal tal-qalb, dik li tgħaqqad lill-bnedmin flimkien. Il-gratitudni tressaq lill-bnedmin ħdejn xulxin. Kulħadd hu importanti u ħadd m’għandu jkun imwarrab. Imma donnu f’dinja mgħaġġla, ftit huma dawk li jaqraw l-imħuħ’.

Il-Premju Formidabbli huwa premju ta’ ‘gratitudni u rikonoxximent’ għal dawk iċ-‘Champions’, kif hu stess isejħilhom, li jagħmlu ħilithom biex jibnu soċjetà aħjar; u biex iġibu bidla pożittiva fil-ħajja ta’ ħaddieħor.

B’determinazzjoni u kuraġġ urew li huma kapaċi li jagħtu sehemhom lis-soċjetà; ‘where there is a will, there is a way’, huma eżempji eċċellenti. Ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħhom tawna tagħlima sabiħa tal-ħajja li ‘qatt ma għandna nissottovalutaw il-kapaċitajiet tagħna’, pjuttost għandna ‘nħollu l-potenzjal tagħna’.

Mill-għonja lill-foqra

Għalhekk, huwa dmirna li nuru l-gratitudni u l-apprezzament għax-xogħol siewi li huma jagħmlu minkejja l-impediment fil-ħajja tagħhom. Jistħoqqilhom l-apprezzament tagħna, iżda, dan biss mhux biżżejjed, irridu naqduhom u ngħinuhom fil-ħidma tagħhom.

Il-Qaddis Profeta Muħammad kien dejjem jenfasizza fuq il-karità li tittieħed mill-għonja u tingħata lill-foqra. U kien jgħid li, ħu ħsieb is-sejħa ta’ dak li bata l-inġustizzja, għaliex ma hemm xejn xi jżomm bejn dik is-sejħa u Alla, għax huma qrib Alla u Alla jismagħhom.

Għandkom taqdu lill-foqra

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana enfasizza ħafna fuq dan is-suġġett li nibqgħu dejjem qrib iż-żgħir u noffrulhom spalla ta’ għajnuna. Huwa għallimna t-triq li tista’ twassalna għand Alla.

Qal li kif it-turija tal-imħabba lejn l-għeżież jew it-tfal ta’ xi ħadd tirbaħ l-attenzjoni tagħhom, bl-istess mod, meta nuru simpatija lejn il-ħolqien ta’ Alla, nirbħu l-pjaċir Tiegħu. Huwa kompla jgħid:

“Jekk inti kbir, uri ħniena ma’ min hu żgħir — mhux stmerrija; jekk inti bravu u tal-iskola għen lil min ma jafx bi kliem għaqli; qatt tipprova tkażbar l-injoranza tagħhom billi turi kemm taf int. Jekk inti għani, minflok tittrattahom b’sens ta’ kburija disprezzabbli, inti għandek isservi lill-foqra.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.