Marvellous signs in the creation of God

SINJALI MERAVILJUŻI FIL-ĦOLQIEN

Il-Leħen, 25.08.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Tassew meraviljuż huwa l-ħolqien ta’ Alla. Meta naqraw il-Kotba Mqaddsa nsibu li Alla jippreżenta l-ħolqien tal-univers bħala wieħed mis-sinjali tal-kobor u s-saħħa Tiegħu. “Minn fost is-sinjali Tiegħu hemm il-vapuri fil-baħar, għoljin bħall-muntanji.” (Il-Koran, 42:33)

Huwa fatt li f’pajjiżna u anke meta nsiefru barra minn Malta naraw ħafna sinjali u ġmiel tal-ħolqien ta’ Alla.

F’dawn l-aħħar snin kelli l-opportunità li nżur xi pajjiżi fosthom il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Iżvizzera. Dawn il-pajjiżi kollha għandhom is-sbuħija tagħhom, iżda l-Iżvizzera u l-belt Taljana ta’ Venezja huma l-favoriti tiegħi.

Dan l-aħħar mort biex nara Venezja għal darb’oħra. Għalkemm kont diġà żort din il-belt tal-meravilji, xorta waħda bqajt mistagħġeb u msaħħar bis-sħiħ bis-sbuħija tagħha. Kien hemm eluf ta’ nies li ġew biex jaraw din il-belt tal-għaġeb. Kull fejn mort, f’kull rokna ta’ din il-belt, bqajt naħseb fil-Ħallieq Tagħna—Alla l-Ħanin— u s-sbuħija u l-kobor Tiegħu.

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes dwar il-ħolqien u jgħid li: “Alla ħalaq seba’ smewwiet f’ordni, fuq xulxin. Ma tistax tara ebda nuqqas jew difett fil-ħolqien ta’ Alla, il-Ħanin. U erġa’ ħares! Tara xi difett jew disparità? Imbagħad erġa’ ħares għal darb’oħra! Il-ħars tiegħek se jerġa’ lura lejk umli, imħawwad u għajjien (wara li ma sab ebda nuqqasijiet fil-ħolqien).” (67:4-5)

“Huwa Alla li qiegħed il-baħar għall-qadi tagħkom biex minnu tieklu laħam frisk, u minnu toħorġu l-ornamenti li tilbsu. U taraw l-imriekeb joforqu l-mewġ tiegħu biex tivvjaġġaw u tfittxu mit-tieba u l-barkiet Tiegħu u biex forsi tiżżu ħajr u tkunu grati lejn Alla.” (16:15)

“Tabilħaqq, tajna ġieħ lil ulied Adam, ġarrejniehom fuq l-art u l-baħar, u tajniehom l-affarijiet tajbin (għall-għajxien tagħhom), kif ukoll għażilniehom fuq ħafna ħlejjaq oħra li ħlaqna.” (17:71)

Dawn il-versi juru biċ-ċar li l-ħolqien kollu, u anke l-ħolqien tal-baħar huwa mill-barkiet ta’ Alla, għax il-baħar huwa sors importanti ħafna għall-benefiċċji materjali għall-bniedem. Is-sħab jieħu l-ilma mill-baħar u jniżżlu bħala xita għalina. Il-baħar huwa wkoll mezz importanti tal-ivvjaġġar u l-kummerċ u sors tal-ikel għall-bniedem.

Ħolqien tal-għaġeb

Venezja huwa wieħed minn dawk il-postijiet li juru biċ-ċar li verament hawn ħolqien tal-għaġeb, mimlija sbuħija meraviljuża li tħallik bla kliem. Is-sbuħija inkomparabbli tagħha tgħaġġeb u tbellah lin-nies, u jidher li kull persuna tibqa’ impressjonata biha.

Meta wieħed jimxi fit-toroq, kull rokna tagħhom tgħid xi ħaġa, meta wieħed jirkeb fuq il-gondola, dgħajsa partikolari, famuża u magħrufa bħala d-dgħajsa ta’ Venezja, dan kollu jħalli impatt partikolari fuq il-memorja tal-bniedem.

Għalkemm Venezja li naraw illum fiha ħafna xogħol li sar min-nies li ġabuha f’din il-forma, imma l-bniedem ma jista’ jagħmel xejn jekk mhux mogħni bl-għerf u bl-għaqal minn Alla. Għalhekk il-ħolqien ta’ din il-belt tal-għaġeb jiġbed l-attenzjoni tagħna wkoll lejn il-fatt, kif imsemmi hawn fuq fil-versi tal-Koran Imqaddes, li nkunu grati lejn il-Mulej u l-Ħallieq tagħna, li ħalaq għotjiet bla għadd, u Hu tefa’ l-barkiet Tiegħu fuqna bħax-xita.

Li nkunu bnedmin twajba, ġentili, diċenti, umli u ta’ morali u virtujiet għolja ħafna. Dan jitlob minna li nikbru fil-karattru tagħna, insiru bnedmin ta’ ġid għall-umanità, u nsiru bnedmin ta’ Alla, dejjem inqimu quddiemu, nitolbu kollox minnu u minnu biss.

Inkunu raġuni ta’ tbissima għal ħaddieħor, inġibu ferħ fuq l-uċuħ ta’ ħutna, u nippromwovu l-paċi, il-ġid, il-ħniena u l-imħabba fis-soċjetajiet tagħna. L-aqwa ħaġa hija din, u dan huwa l-aktar messaġġ importanti, li aħna għandna narrikkixxu lilna nfusna u nistagħġbu bis-sbuħija u l-valuri umani; u li bl-iktar imħabba sinċiera nqimu lill-Ħallieq tagħna, l-aktar Nobbli, l-aktar li joffri għożża u mogħdrija, u l-aktar Ħanin, Alla.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Alla, Allah, God and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.