Public Decency and Morality

ID-DIĊENZA PUBBLIKA

It-Torċa, 25.08.2024 | Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Dan l-aħħar rajna fil-midja lokali filmati dwar imġiba antisoċjali partikolarment fis-Swieqi. Kien hemm xi filmati u ritratti li juru nies ikissru l-mirja tal-karozzi, jarmu ħġieġ mkisser u żibel fit-toroq u nies jagħmlu l-ħtiġijiet naturali bħall-awrina fuq il-bankini.

Din hija mġiba kompletament inaċċettabbli. Din mhix biss diċenza pubblika, iżda hija wkoll mera tal-karattru ta’ dawk li jagħmlu dawn l-atti antisoċjali.

Kodiċi tal-ilbies

Punt ieħor li nixtieq insemmi huwa li fis-soċjetà hemm kodiċi tal-ilbies li trid tiġi segwita waqt li wieħed ikun fl-isfera pubblika, meta wieħed jimxi fit-toroq, imur fis-swieq, ħwienet u postijiet pubbliċi oħra.

Mhuwiex meħtieġ li l-Istat jagħmel xi kodiċi tal-ilbies; kull wieħed u waħda minna għandu jkollna l-istandard għoli tagħna stess tal-kodiċi tal-ilbies, irridu nżommu lilna nfusna u lill-familji tagħna dejjem pronti biex inżommu d-diċenza u l-pudur fil-kodiċi tal-ilbies tagħna.

Irridu dejjem niċċekkjaw lilna nfusna u nsaqsu: il-libsa li qed nilbes hija denja li tintlibes fil-pubbliku? Nemmen tassew li din hija kwistjoni ta’ diċenza personali, imsejsa fuq il-valuri morali, li dejjem nilbsu kif suppost fi djarna u aktar importanti meta nkunu fl-isferi pubbliċi.

Deċenti u formali

Huwa wkoll fatt li hemm ċerti kodiċijiet tal-ilbies stabbiliti meta nkunu f’postijiet partikolari. Jista’ xi ħadd imur il-qorti b’sidru mikxuf? Tista’ persuna tidħol fil-Parlament bi lbies indiċenti?

Bl-istess mod, hemm ċerti kodiċijiet tal-ilbies għall-postijiet ta’ qima u attivitajiet formali u laqgħat. Ħafna drabi nirċievu xi stedina għal kwalunkwe attività jew laqgħa u nsibu xi linji gwida dwar il-kodiċi tal-ilbies, bħal dress code: “deċenti u formali”.

Allura għaliex ma nilbsux b’mod diċenti u xieraq meta nkunu fil-postijiet pubbliċi?

Is-sempliċità hija virtù kbira

Irridu nżommu f’moħħna li l-libsa tagħna hija wkoll mera u riflessjoni tal-karattru u l-personalità personali tagħna.

Li tkun diċenti u pulit ma jfissirx li għandek tilbes ilbies għaljin u ta’ ditta partikolari; nistgħu nilbsu libsa sempliċi iżda li għandha tidher eleganti. Is-sempliċità fiha nnifisha hija tabilħaqq virtù kbira.

Il-mera u riflessjoni tal-karattru tagħna

Meta ngħixu fis-soċjetà, għandna ma ninsew qatt li dak li niktbu, nitkellmu, nilbsu u nagħmlu hija l-mera tal-karattru tagħna. Il-karattru tagħna jirrifletti dak tal-edukazzjoni u t-taħriġ fid-dar. Il-karattru tagħna huwa l-mera tal-personalità tagħna.

L-azzjonijiet, l-imġiba, id-diskors, il-mod kif nitkellmu, il-mod kif nimxu fit-toroq, il-mod kif insuqu, fil-qosor, kull għemil tagħna jirrifletti min aħna.

Allura, hemm nuqqas anke fit-tagħlim u t-taħriġ ta’ dawn iż-żgħażagħ; għalhekk il-ġenituri għandhom irwol vera importanti li jikkultivaw il-manjieri u l-valuri tajba fit-tfal tagħhom, minn età żgħira, sabiex meta jikbru jkunu jafu l-limiti tagħhom, il-valuri tagħhom, ir-rispett u d-dinjità tagħhom.

It-trobbija xierqa tat-tfal

L-Iżlam jisħaq dwar il-prinċipju kardinali li l-edukazzjoni u t-trobbija xierqa tat-tfal għandha tibda mid-dar u minn età żgħira, u huwa d-dmir tal-ġenituri li jgħallmu u jedukaw lil uliedhom bl-aħjar mod possibbli, il-għaliex l-isforzi tagħhom jilagħbu parti kbira fit-tiswir tal-imġiba tat-tfal tagħhom.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien saħaq li t-tfal għandhom jibdew jitgħallmu l-etikett mill-bidu tat-tfulija tagħhom. Huwa kien ġie rrappurtat li kien ta l-parir lin-neputi tiegħu stess, waqt li dan kien qed jiekol, dak iż-żmien kellu biss xi sentejn u nofs, u qal: “Kul b’idek tal-lemin u mill-porzjon li hemm quddiemek.”

Il-formazzjoni fit-tfulija

Fil-qosor, il-formazzjoni fit-tfulija hija importanti ħafna, il-għaliex dak li jissawwar f’dan iż-żmien jerġa’ jispikka meta wieħed isir adult. Mhux ta’ b’xejn li l-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qal:

“Kull tifel u tifla jitwieldu bin-natura tagħhom safja u pura. Huma l-ġenituri li jagħmluhom Lhud jew Insara jew atei jew Musulmani skont it-tagħlim u t-taħriġ speċifiku li jgħaddulhom, u billi jipprovdu mudell partikolari bis-saħħa tal-imġiba tagħhom stess.”

Dan ifisser li t-tfal meta jkunu żgħar ikunu taħt il-ħakma tal-ġenituri tagħhom. Huma jassorbu dak kollu li jgħidu u jagħmlu bħalma jarawhom jagħmlu. It-tfal jafu jikkupjaw kollox.

Għalhekk, it-tfal għandhom jiġu pprovduti b’tagħlim u taħriġ tal-ogħla livell skont il-mezzi tal-ġenituri. Madanakollu, taħriġ morali għandu jingħata prijorità.

Rigal prezzjuż u mill-aqwa

B’aċċenn esklussiv għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u għad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, il-Koran Imqaddes (59:19) iwiddeb: “Intom li temmnu! Ibżgħu minn Alla u ħallu lil kull ruħ tara dak kollu li tibgħat ’il quddiem għall-għada. Verament ibżgħu minn Alla; tassew Alla huwa Konxju Sew ta’ dak kollu li tagħmlu.”

Il-ġenituri għandhom ma jonqsux mir-responsabbiltà tagħhom lejn uliedhom sabiex jistgħu jħallu warajhom ġenerazzjoni sħiħa u tajba. Nagħlaq bi kliem tad-deheb tal-Profeta Muħammad li qal:

“L-ebda missier ma jista’ jagħti lit-tfal tiegħu rigal aktar prezzjuż minn trobbija tajba. Irrispettaw liż-żgħar tagħkom u għallmuhom il-manjieri t-tajba.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.