
IL-ĠURNAL TAL-ĦAJJA TAL-UMANITÀ
It-Torċa, 01.09.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Minn żmieni l-iskola, jien dejjem kont inħobb ħafna l-poeżija, għax il-poeżija hija arti daqshekk sabiħa mogħtija minn Alla li tgħid stejjer twal u diskussjonijiet fi ftit kliem. Hija l-ħila u s-sengħa tal-poeta li jqiegħed il-kliem bħal perli midmuma f’ġiżirana.
Dan l-aħħar qrajt poeżija bil-Punjabi li fiha hemm messaġġ mill-isbaħ li nixtieq nikteb dwaru għall-qarrejja tagħna. Il-poeta enfasizza fuq il-punt li l-għarfien mill-kotba mhux biżżejjed sakemm persuna jaqra lilu nnifsu u lill-bnedmin ta’ madwaru, għax, kull persuna hija bħal ktieb, mimlija stejjer, informazzjoni u sfidi kontinwi.
Il-poeta jgħid li, int qrajt, qrajt u sirt studjuż u skular kbir, iżda, qatt taqra lilek innifsek? Tmur u tidħol fil-moskej, fil-knejjes u t-tempji, iżda, qatt dħalt f’moħħok, f’qalbek u f’ruħek? Inti tiġġieled max-xitan kuljum, qatt tiġġieled miegħek innifsek? Tixtieq taqbad dak li jtir fis-sema, iżda, dak li joqgħod id-dar u madwarek, għalfejn ma taqrahomx?
Għaliex ma taqrax il-bniedem?
Il-messaġġ huwa li, meta taqra l-gazzetta, il-ġurnal jew ktieb ippubblikat, għaliex ma taqrax il-bniedem, il-ħajja ta’ kuljum, u x’qed jiġri madwarek.
Dan il-messaġġ jagħmel ħafna u ħafna sens fid-dinja tal-lum, id-dinja moderna, id-dinja tat- teknoloġija, fejn kulħadd għandu xi apparat f’idejh u qed isiefer fid-dinja kollha, iżda jinsa lil dak li joqgħod maġenbu. Dan jiġri regolarment, f’kull qasam tal-ħajja, anke fi djarna, fil-familji tagħna.
Ħabib tiegħi rrakkontali li kien hemm xi koppja li kellhom xi argumenti bejniethom u stedinhom sabiex jgħinhom biex isibu xi soluzzjoni. Qal li baqa’ bla kliem meta hu ltaqa’ magħhom u ra li din il-koppja, minflok li jitkellmu bejniethom, kienu jitkellmu permezz tal-mowbajl tagħhom, kienu jibagħtu messaġġi lil xulxin fuq il-mowbajl.
Fejn sejra d-dinja tal-lum
Jaħasra! Fejn spiċċajna, u fejn qed immorru; fejn sejra d-dinja tal-lum. Meta ma nagħtux kas lill-membri tal-familji tagħna, aħseb u ara kemm se nagħtu kas ta’ dawk li m’għandniex relazzjoni tad-demm magħhom, jiġifieri, in-nies li jgħixu madwarna, fit-triq tagħna, fil-ġenb tagħna, fis-soċjetà tagħna.
Għalhekk, huwa importanti, anzi kruċjali, li nagħtu kas lil dawn il-kwistjonijiet, u nsibu t-triq ’il quddiem, sabiex id-dinja ta’ djarna, tas-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna, issir aħjar.
Wiċċ ferrieħ u mġiba tajba
Il-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, ġibed l-attenzjoni tagħna biex anke naqraw il-ġurnal tal-ħajja ta’ kuljum tagħna u ta’ dawk li jgħixu madwarna, u nippruvaw li nuru l-ħniena u l-imħabba lejhom, kemm jista’ jkun. Huwa qal: “Ma tistgħux tgħinu lin-nies bil-flus tagħkom biss. Mela għinuhom b’wiċċ ferrieħ u bi mġiba tajba.”
“Wieħed li ma juri l-ebda mogħdrija u ħniena lejn l-oħrajn ma jkunx jistħoqqlu li jirċeviha mingħand Alla.”
“Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Qawmien. U min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. U min jostor xi nuqqas ta’ wieħed fidil, Alla jostru f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lill-qaddej li jgħin lil ħuh.”
Kelli bżonnek, iżda…
Hawn niftakar fi tradizzjoni tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, u kważi l-istess insibu fil-Bibbja dwar Ġesù. Hu qal li f’Jum il-Ħaqq Alla se jikkonfrontakom u jgħidilkom li:
“Kont marid u inti ma staqsejtx dwar saħħti.” Il-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, u qatt ma timrad, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Le, wieħed mill-qaddejja Tiegħi kien marid u kellek tistaqsi dwar saħħtu u kont issibni hemm.”
U wara dan se jkompli jafferma u se jgħid: “Kelli l-ġuħ u ma tajtnix ikel, kelli l-għatx u ma tajtnix ilma, ma kellix libsa u ma libbistnix.” U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddejja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak kollu.”
U kull darba Alla se jgħid: “Li kieku inti għamilt dan kollu, kont issibni hemm.”
Kont bil-ġuħ u tmajtni
U fi tradizzjoni oħra huwa qal li Alla se jgħidilhom, “Jien kont bil-ġuħ u tmajtni, jien kont bil-għatx u tajtni l-ilma, u kont għarwien u tajtni libsa.” U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddejja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak kollu.”
U kull darba Alla se jgħid: “Meta tajtuh l-ikel, l-ilma u libsa dak bħallikieku li tajtu lili għax Jien kont hemm.”
Il-ġurnal tal-ħajja ta’ kuljum
Dawn ir-rakkonti juru biċ-ċar li, jekk nixtiequ li Alla jsir jaf minn xiex qed ngħaddu aħna u biex Alla juri l-ħniena lejna u jagħmel l-affarijiet faċli għalina, huwa importanti li nsiru nafu lill-qaddejja Tiegħu, naqraw il-ġurnal tal-ħajja ta’ kuljum tal-umanità Tiegħu.
Għandna biex nuru ħniena ma’ ħutna li huma fqar u fil-bżonn u ma’ dawk li jkunu taħtna; inkunu ġenerużi u nuru r-rispett lejn il-partners tagħna u nixtiequ ġid u paċi għall-umanità kollha.
Ejjew naqraw il-ġurnal tal-ħajja ta’ kuljum tal-umanità kollha sabiex insiru nafu aħjar lil xulxin u nikbru fl-imħabba u r-rispett bejnietna. Ejjew inkunu ta’ qalb tajba u nuru ħniena ġenwina lejn dawk fuq l-art, sabiex tintwera l-ħniena lejna fis-sema.