A pious woman is the best blessing

MARA GĦAQLIJA HIJA L-AQWA BARKA

Il-mara hija l-pilastru tad-dar u tiggarantixxi l-paċi, il-ferħ, is-serħan u l-kuntentizza tad-dar. Kif il-bini ma jistax jieqaf dritt u jkun b’saħħtu mingħajr il-pedamenti u l-pilastri b’saħħithom, bl-istess mod il-familja ma tistax tkun familja soda, kuntenta u b’saħħitha mingħajr mara soda, ġusta u bil-għaqal. Dan jiġbed l-attenzjoni tat-tnejn—tal-irġiel u n-nisa— li jifformaw ħajjithom b’mod tajjeb, dejjem jippruvaw li jkunu bnedmin sħaħ u twajba u jikkumplimentaw lil xulxin f’ħajjithom.

It-Torċa, 08.09.2024 | IMAMLaiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

“Id-dinja kollha hija proviżjon, tgawdija, ġid, barka u grazzja; u l-aqwa ġid, barka, premju u grazzja tad-dinja hija l-mara għaqlija, twajba u ġusta.”

B’dan il-kliem għaqli, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, iggwidana lejn il-prinċipju tad-deheb biex nagħmlu djarna kenn ta’ paċi. Jiġifieri, id-dinja hija proviżjon għal din il-ħajja, u m’hemm l-ebda proviżjon aħjar fid-dinja minn mara bil-għaqal.

Il-mara hija l-pilastru tad-dar

Jekk hemm mara twajba u ġusta, allura m’hemm l-ebda dispożizzjoni aħjar fid-dinja. Għax il-mara tiggarantixxi l-paċi, il-ferħ, is-serħan u s-sigurtà tad-dar.

Meta mara tkun twajba, ġentili u fidila, il-familja kollha tibbenefika u tgawdi l-ħajja bl-aħjar mod possibbli. Kif il-bini ma jistax jieqaf dritt u jkun b’saħħtu mingħajr il-pedamenti u l-pilastri b’saħħithom, bl-istess mod il-familja ma tistax tkun familja soda, kuntenta u b’saħħitha mingħajr mara soda u ġusta.

Bnedmin sħaħ u twajba

Filwaqt li dan jiġbed l-attenzjoni tal-irġiel għall-fatt li għandhom jiżżewġu nisa bil-għaqal, dan huwa wkoll parir għan-nisa u l-irġiel li jifformaw ħajjithom b’mod tajjeb, skont ir-rieda u t-tagħlim ta’ Alla, u dejjem jippruvaw li jkunu bnedmin sħaħ u twajba. Sabiex it-tnejn jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin f’ħajjithom. Inkella, ma jistax ikun possibbli li jekk mara hija twajba, iżda r-raġel huwa mingħajr valuri, dawn ma jistgħux jibqgħu flimkien.

Għalhekk, it-tnejn għandhom ikunu ġentili. Iżda, il-mara bħala l-pilastru tal-familja għandha li dejjem tippreżenta l-aħjar eżempju tagħha. Hemm messaġġ għan-nisa biex jirriflettu fuqu li għandhom jippruvaw jiffurmaw ħajjithom bil-mod li Alla jridhom.

Wieħed jiżżewweġ għal erba’ affarijiet

Barra minn hekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza li wieħed għandu jiżżewweġ mara devota u ġusta, u qal: “Wieħed jiżżewweġ mara għal erba’ affarijiet, li huma r-rikkezzi tagħha, l-istat tal-familja tagħha, il-ġmiel u s-sbuħija tagħha u r-reliġjon u l-pjetà tagħha. Għaldaqstant għandkom tiżżewġu lill-mara reliġjuża u twajba, inkella tkunu kollha telliefa.”

Jiġifieri, l-irġiel għandhom jagħtu prijorità lil dik il-mara li għandha r-reliġjon u t-tagħlim ta’ Alla għal qalbha; li hija mara ġusta, twajba, fidila u sinċiera.

Is-sbuħija tal-fidi ssaħħaħ iż-żwieġ

Ma ninsewx li, fl-aħħar mill-aħħar, l-affarijiet fiżiċi u superfiċjali li nsegwu jisparixxu maż-żmien u jsiru bla sens. F’dan il-punt, hija s-sbuħija tal-fidi li nsibu f’xulxin li żżomm ir-rabta taż-żwieġ aktar b’saħħitha maż-żmien.

Id-dar li topera fuq it-tieba u l-ġustizzja, hija d-dar vera fejn il-prijorità hija l-persuna—mara u raġel u tfal—u mhux affarijiet materjalistiċi, hija d-dar fejn il-prijorità tingħata lit-talb, il-qima lejn il-Mulej, il-virtujiet, il-valuri morali, l-għaqda u fit-tisħiħ tar-rabta taż-żwieġ u tal-familja.

Mingħajr l-iċken dubju, djar bħal dawn, fejn l-​irġiel u n-​nisa jqumu bil​lejl biex ifittxu l-​pjaċir u l-ħniena ta’ Alla, żgur li se jkunu bħall-​ġenna.

Ġisem wieħed, ruħ u qalb waħda

Għall-ħolqien tal-ambjent paċifiku u kuntentizza, il-Qaddis Profeta Muħammad qal li, “Inti ssib lil dawk li jemmnu bħala ġisem wieħed fir-​rigward tal-​istil taʼ ħajja, l-​imħabba u l-​affezzjoni komuni tagħhom. Meta xi riġel jew parti tal-ġisem ma jkunx tajjeb jew ma jiflaħx, il-bqija tal-ġisem ibati b’nuqqas ta’ rqad u deni.”

Il-fidili huma kollha bħal ġisem wieħed. Jekk xi ħadd minhhom ibati, kollha kemm huma jħossu t-tbatija tiegħu minħabba r-rabta ġenwina li għandhom bejniethom.

Iżda, ir-rabta bejn ir-raġel u l-mara hija saħansitra akbar minn rabta bħal din u hija rabta aktar b’saħħitha, fejn mhux biss huma ġisem wieħed imma anke ruħ u qalb waħda. Huma ħafna eqreb ta’ xulxin mill-bqija tal-fidili, għalhekk ir-relazzjoni tagħhom għandha tkun mill-aqwa u bla paragun.

Iż-żwieġ huwa kmandament fundamentali

Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej Spiritwali tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, elabora dwar l-għan taż-żwieġ iktar fid-dettall u jgħid li, iż-żwieġ huwa kmandament fundamentali. Mhux biss inissel il-ġenerazzjonijiet u jmexxi lis-soċjetà, iżda jipproteġi lill-individwu minn ħafna sfidi u joħloq ġenerazzjonijiet tajbin.

Il-koppji li jkunu għadhom kemm iżżewġu għandhom dejjem jiftakru li ż-żwieġ għas-sostenituri ta’ kwalunkwe reliġjon u b’mod partikolari għas-segwaċi tal-Iżlam mhux qiegħed hemm għall-pjaċir biss. Pjuttost, huwa konformi mal-kmandament ta’ Alla l-Eżaltat u jrid jitħaddem biex tinbeda ġenerazzjoni ġdida tajba mibnija fuq it-talb lejn Alla l-Ħanin.

B’dan l-għan quddiem għajnejha kull pass ta’ koppja miżżewġa friska għandu jittieħed bil-ħsieb li jkunu qed jipprattikaw il-kmandament ta’ Alla.

Ir-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-koppja

Meta l-bniedem iħares il-kmandamenti ta’ Alla l-Ħanin kull aspett tal-proċess konjittiv tiegħu jipprova jara kif se jikseb is-sodisfazzjon ta’ Alla l-Ħanin. Dan itejjeb ir-relazzjonijiet reċiproki u wieħed jibda jagħti kas tal-proxxmu tiegħu speċjalment tas-sentimenti u l-ħsus tal-individwu.

B’dan il-mod ir-rabta u l-patt reċiproku ma jibqax patt materjalistiku iżda jsir patt li bih jinkiseb is-sodisfazzjon ta’ Alla l-Eżaltat. Dan iwassal biex jitwieldu tfal bil-għaqal lill-koppja u dan għandu jkun l-għan taż-żwieġ.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Women, Women's Rights and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.