
Jekk il-qalb hija tajba u b’saħħitha…
Alla jinżel f’qalbek biss meta tkun moralment, soċjalment u spiritwalment devot; meta qalbek tkun sewwa, solida, dritta, soda u b’saħħitha; meta qalbek tkun safja, nadifa u sinċiera; meta tkun mimlija fedeltà, tieba, pjetà, umiltà, devozzjoni u qdusija.
It-Torċa, 15.09.2024|IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Madwar 1500 sena ilu, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal xi ħaġa ferm għaqlija u profonda li ġiet ippruvata mix-xjenza medika aktar tard fl-istorja tal-umanità kemm kienet veru. Kien tkellem dwar il-qalb li hija ċ-ċentru tal-ġisem u spjega li jekk il-qalb hi tajba, ir-riġlejn ukoll imorru tajjeb.
Huwa qal: “Isimgħu! Fil-ġisem hemm biċċa laħam, meta tkun soda, il-ġisem kollu jkun jiflaħ, u meta ma tkunx b’saħħitha, il-ġisem kollu ma jibqax b’saħħtu. Isimgħu! Dik il-biċċa hija l-qalb.”
Ir-relazzjoni bejn il-qalb u l-ispiritwalità
Għalkemm ix-xjenza medika wriet din ir-realtà f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett fiżiku u tas-saħħa, madankollu, il-Profeta Muħammad spjega xi ħaġa ferm importanti u ferm akbar f’dan il-kliem, li, jekk il-qalb ta’ persuna tkun moralment u spiritwalment soda u b’saħħitha allura hemmhekk biss il-persuna tista’ jiġi ddikjarata bħala persuna spiritwali u qaddisa.
Barra minn hekk, il-partijiet l-oħra tal-ġisem jistgħu biss isegwu t-triq it-tajba, jagħmlu għemejjel tajbin, isiru spiritwalment sodi u b’saħħithom, ħlief meta l-qalb tkun spiritwalment b’saħħitha.
Messaġġ ieħor importanti hu li jekk tixtieq li Alla jsir tiegħek allura agħmel qalbek safja, nadifa u purissima. Alla jinżel f’qalbek biss meta tkun moralment, soċjalment u spiritwalment devot; meta qalbek tkun sewwa, solida, dritta, soda u b’saħħitha; meta qalbek tkun safja, nadifa u sinċiera; meta tkun mimlija fedeltà, tieba, pjetà, umiltà, devozzjoni u qdusija.
Ir-realtà tal-ħajja sana
Kemm hu sabiħ u meraviljuż li fi ftit kliem spjega r-realtà tal-ħajja sana. Nafu tajjeb wisq li l-qalb hija ċentru tal-funzjonament tal-ġisem ħaj. Il-ħajja u s-saħħa tal-bniedem tiddependi fuq is-saħħa tal-qalb, bl-istess mod il-ħajja u s-saħħa spiritwali tal-bniedem tiddependi wkoll fuq it-tjubija u s-saħħa tal-qalb.
Mingħajr l-iċken dubju, l-għemejjel tajba u safja biss jaslu għand il-Mulej.
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li meta n-nies jissagrifikaw l-annimali f’Isem Alla, it-tjubija tal-qalb biss tasal għandU. “Laħamhom ma jasalx għand Alla, lanqas id-demm tagħhom, iżda hija t-tieba tagħkom li tasal għandU.” (22:38)
X’jogħġob lil Alla?
Dan il-vers jgħallimna lezzjoni suprema u prinċipali li mhuwiex l-att ta’ barra tas-sagrifiċċju li jogħġob lil Alla imma l-ispirtu li hemm warajh u l-motiv li bih twettaq. Jiġifieri l-fedeltà, it-tjubija u s-sinċerità li jogħġbu lil Alla. Fir-realtà, Alla ma jrid u jitlob l-ebda sagrifiċċju minna fil-forma ta’ laħam u demm ta’ annimali, imma s-sagrifiċċju u t-tjubija ta’ qalbna.
Din ir-realtà ġiet spjegata iktar mill-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana. Nixtieq nippreżenta xi kwotazzjonijiet mill-kitbiet tiegħu li verament jitfgħu dawl biżżejjed fuq dan is-suġġett sabiex nifhmu sew. Huwa jgħid:
“Kull għajn impura tibqa’ mbiegħda minn Alla. Kull qalb impura tibqa’ ma tagħrfux. Bl-aktar sinċerità profonda tal-qalb, b’saħħa u mħabba soda, siru l-ħbieb ta’ Alla, biex Hu wkoll isir ħabib tagħkom. Jekk f’xi rokna ta’ qalbkom hemm il-kburija, il-pretensjoni vojta, l-ipokresija, il-vanità, l-egoiżmu, jew dispożizzjoni mnellħa, intom ma tkunu tiswew xejn quddiem il-Mulej.”
“Ibqgħu ibżgħu mis-saħta ta’ Alla, għaliex Huwa Qaddis. Wieħed li jwettaq il-ħażin ma jistax ikun qrib Tiegħu. Agħmlu l-għemejjel tajbin kollha b’mod tajjeb u xierqa li jistħoqqilhom. Kunu ċerti ħafna u ħafna li l-ebda azzjoni, tkun xi tkun, ma tista’ teħodkom għand Alla jekk tkun nieqsa mill-ġustizzja, il-pjetà u s-safa tal-qalb.”
“Wara li tkunu saffejtu lil qlubkom, u ppurifikajtu lsienkom, għajnejkom u widnejkom, ersqu lejh sabiex Hu jaċċettakom.”
Abraham kellu qalb sħiħa u safja
Fil-Koran Imqaddes Alla jgħid dwar il-Profeta Abraham li kellu qalb tassew nobbli li ‘ġie għand Sidu (il-Mulej) b’qalb sħiħa u safja.’ (37:85)
Il-qalb sħiħa u safja hawnhekk tfisser qalb soda u b’saħħitha; qalb ħielsa minn kull ħmieġ u mard spiritwali; qalb fil-paċi ma’ Alla u l-bniedem; qalb obbidjenti bis-sħiħ għar-rieda tal-Ħallieq il-Ħanin.
Fil-kapitlu 50 vers 32-34, Alla jgħid li f’Jum il-Ħaqq, il-Ġenna se titressaq lejn il-ġusti, u jingħad li: Dan (li qegħdin taraw) huwa dak li kontu mwegħdin. Huwa mħejji għal kull min dejjem idur lejn Alla, u kien għassa ta’ għemilu; min kien jibża’ minn Alla, il-Ħanin, fil-privat u fis-solitudni, u ġie Lejh b’qalb niedma, safja u purissima.
Jum il-Ġudizzju u qalb safja u sħiħa
Fil-kapitlu 26 vers 89-90, Alla l-Ħanin jagħmel ċarissimu dan is-suġġett u jgħid li f’dak il-Jum la l-ġid u lanqas l-ulied ma jiswew; iżda hu biss se jiġi salvat li jasal għand il-Mulej b’qalb soda, sottomessa, purissima u safja.
Ir-referenzi ta’ hawn fuq jagħmluha ċara ħafna li, kif il-ġisem tal-bniedem ma jistax jgħix mingħajr qalb b’saħħitha, bl-istess mod, l-ispiritwalità ma tistax tgħix mingħajr qalb pura, safja u sħiħa. Kif il-bniedem ma jistax jibqa’ ħaj mingħajr il-qalb b’saħħitha, bl-istess mod, il-ħajja u s-saħħa spiritwali tal-bniedem ma tibqax ħajja u friska mingħajr it-tjubija u s-saħħa tal-qalb.
Mingħajr l-iċken dubju, il-kliem tal-Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, huwa għaqli, veru u profond ħafna li jekk il-qalb hija tajba, il-ġisem kollu hu tajjeb, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment.