
VALURI FIL-ĦAJJA TA’ KULJUM
Meta naħsbu dwar is-soċjetà insibu li hemm rabta soda bejn l-individwu u s-soċjetà. Għalhekk, meta ntejbu lilna nfusna, intejbu s-soċjetà, u meta ntejbu s-soċjetà, intejbu lilna nfusna. L-aħjar mod għat-titjib tas-soċjetà huwa li nipprattikaw l-aqwa u l-ogħla morali u virtujiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bl-għan li nkunu qaddejja veri ta’ Alla u li nagħtu eżempju virtuż u nkattru l-ġid, il-paċi u s-sigurtà fis-soċjetà. Jalla Alla jagħmel id-dinja kenn ta’ paċi, imħabba, armonija u fratellanza universali.
It-Torċa, 29.09.2024 |IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Kważi l-ħassieba soċjoloġiċi kollha jaqblu li hemm relazzjoni mill-qrib ħafna bejn l-individwu u s-soċjetà. Għalhekk, xi wħud jgħidu li l-individwu huwa prodott tas-soċjetà u oħrajn jgħidu li s-soċjetà hija l-prodott tal-individwu. Jgħidu x’jgħidu l-ħassieba, il-fatt huwa li hemm rabta soda bejn l-individwu u s-soċjetà, u ma tistax tifred wieħed mill-oħra.
Meta l-bniedem ikun fil-fażi tat-tagħlim, is-soċjetà tinfluwenzah ħafna; iżda meta l-bniedem jasal fl-aqwa tas-saħħa kollha tiegħu u jsir matur biżżejjed, dik hija l-fażi fejn jista’ jinfluwenza iktar lis-soċjetà.
Għalhekk, meta ntejbu lilna nfusna, intejbu s-soċjetà, u meta ntejbu s-soċjetà, intejbu lilna nfusna. Bi kwalunkwe angolu naraw li ma nistgħux niċħdu r-rabta bejn it-tnejn.
It-titjib tas-soċjetà
Nemmen li meta ngħixu f’soċjetà hemm ħafna dmirijiet li jaqgħu fuqna, u meta naqdu d-dmirijiet tagħna lejn is-soċjetà nkunu nistgħu nagħmluha aħjar u mill-aqwa. Biex niksbu dan l-ogħla standard tat-titjib tas-soċjetajiet tagħna, kull wieħed u waħda minna għandu jagħti sehmu.
L-aħjar mod għat-titjib tas-soċjetà huwa li nipprattikaw l-aqwa u l-ogħla morali u virtujiet fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fuq livell personali kif ukoll fuq livell nazzjonali, fid-djar tagħna u anke barra.
Fost dawn il-valuri u l-virtujiet li għandna nipprattikaw regolarment fil-ħajja ta’ kuljum hemm l-onestà, l-umiltà, il-verità u t-twettiq onest tad-dmirijiet soċjali tagħna li għandna fuq spallejna. Għax in-nuqqas ta’ dawn il-prinċipji jħalli effetti ħżiena fuq l-ispiritwalità individwali kif ukoll fuq l-armonija ġenerali tas-soċjetà u l-komunitajiet tagħna.
L-umiltà u l-fidil ġenwin
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej Spiritwali tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, jelabora dwar dan u jgħid:
“Min jemmen għandu dejjem juri umiltà. F’sitwazzjonijiet fejn l-emozzjonijiet jitqanqlu jew fejn il-kburija toħloq kompetizzjoni, individwi umli jirtiraw b’grazzja u b’diċenza. Alla jiddikjara lil dawk li juru arroganza bħala injoranti.
Għandna nistinkaw biex nikkultivaw dan l-istandard fina nfusna, bl-għan li nkunu qaddejja veri ta’ Alla u li nagħtu eżempju virtuż fis-soċjetà. L-isforzi għandhom jiffokaw fuq ir-riforma bl-għerf, l-għaqal u l-ġentilezza, peress li l-arroganza u l-kburija biss iżidu l-kunflitti.
Bħala qaddejja ta’ Alla l-Ħanin, għandna nirriflettu l-ħniena Tiegħu fl-azzjonijiet u fl-għemejjel tagħna, u nkattru l-ġid, il-paċi u s-sigurtà fis-soċjetà.”
Huwa minnu li meta wieħed jirtira minn xi kompetizzjoni li tista’ tagħmel ħsara lis-soċjetà għall-pjaċir ta’ Alla, Alla dejjem ikun kuntent b’dan il-mod umli.
Atmosfera paċifika u koperattiva
Fis-soċjetajiet inklużivi huwa wkoll importanti li noħolqu ambjent armonjuż u ta’ mħabba; biex niksbu dan l-għan għandna nagħtu l-prijorità lill-maħfra u l-paċenzja fit-trattament ma’ xulxin, nipprattikaw it-tolleranza, insolvu l-kunflitti, u noħolqu ambjent ta’ rispett u fehim reċiproku bejnietna.
Dawn il-kwalitajiet huma bżonjużi għal atmosfera paċifika u koperattiva, li hija vitali għat-tkabbir soċjali, morali u spiritwali kollettiv tagħna.
Il-paċi u l-empatija
Ejjew flimkien nippromwovu l-paċi, l-armonija u l-fehim globali permezz tat-talb u azzjonijiet ġusti, u li nappoġġjaw nies oppressi u nuru l-empatija u s-solidarjetà magħhom. Ejjew nirriflettu fil-fond fuq il-progress spiritwali tagħna u biex nagħmlu sforzi miftiehma biex intejbu l-pjetà u d-devozzjoni tagħna.
Jalla Alla li Jista’ Kollox jgħinna nimplimentaw u naġixxu fuq dawn l-għanijiet tajba; jalla aħna, fil-veru sens, niżviluppaw riforma spiritwali vera fil-kundizzjonijiet tagħna.
Jalla nsiru eżempji għad-dinja. Jalla Alla malajr iġib paċi u saħħa lil dawk li huma persegwitati u oppressi; jalla Alla jġibilhom faċilità malajr. Jalla Alla jagħmel id-dinja kenn ta’ paċi, imħabba, armonija u fratellanza universali biex id-dinja tipprattika dan il-motto fil-veru sens, ‘Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd’.