
L-GĦERQ TAL-VIRTUJIET KOLLHA
Il-Leħen, 29.09.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — T: +35679655255
It-tiġdid u l-kontemplazzjoni huma importanti sabiex il-bniedem jista’ jirrifletti u jirriforma ruħu. Iż-żmien għar-riflessjoni huwa ferm importanti f’kull perjodu tal-ħajja, iżda jsir iktar importanti meta niġu għar-reliġjon u l-ispiritwalità.
Għal dan il-għan, il-Komunità Ahmadiyya Musulmana torganizza l-konvenzjonijiet annwali tagħha f’ħafna pajjiżi matul is-sena, partikolarment fil-vaganzi tas-sajf. Il-Komunità torganizza il-konvenzjoni ewlenija tagħha fir-Renji Unit għax il-mexxej tal-Komunità jgħix hemmhekk.
Fid-diskors tiegħu ta’ din is-sena, il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej Spiritwali tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, elabora dwar kif il-konvenzjoni hija mfassla biex isservi bħala rtir spiritwali fejn il-parteċipanti jsaħħu l-fidi tagħhom, isaħħu l-purità u s-safa personali, u jrawmu spirtu ta’ fratellanza universali.
Huwa enfasizza li, iżda, l-għerq tat-tjubija, is-safa, il-pjetà, it-tkabbir spiritwali, u tal-virtujiet kollha huwa t-taqwa—il-biża’ u l-imħabba ġenwina ta’ Alla.
X’inhi t-taqwa?
It-taqwa tfisser li wieħed josserva l-kmandamenti ta’ Alla u jagħti kas li jqimu bl-aqwa mod; jipproteġi lilu nnifsu mill-vizzji ħżiena kollha; isir umli; iwarrab l-arroganza, il-ġlied, it-tilwim, u l-falzità minn ħajtu; jikkultiva l-pjetà fih innifsu; u dejjem jipprova jagħmel għemejjel ġusti minħabba l-biża’ u l-imħabba vera ta’ Alla.
Fil-qosor, il-bniedem irid jevita kull ħażen minħabba l-biża’ ta’ Alla, u jagħmel l-għemejjel ġusti u tajba minħabba l-imħabba Tiegħu.
It-taqwa tinvolvi aktar minn biża’ ta’ Alla; hija tfittxija attiva tat-tieba u s-sewwa li għandhom jinxterdu f’kull aspett tal-ħajja ta’ min jemmen f’Alla. Dan iwassal għal konnessjoni aktar profonda u b’saħħitha ma’ Alla, il-Ħanin, li tiggwida lil wieħed għal diversi stadji ta’ żvilupp spiritwali.
Il-fidili huma mitluba biex dejjem jevalwaw l-istat spiritwali tagħhom stess u jistinkaw għal titjib kontinwu, billi jfittxu li jinkorporaw l-ogħla standards tat-taqwa (is-sewwa) fil-ħsibijiet, l-azzjonijiet, u l-interazzjonijiet tagħhom.
‘Taqwa’: l-għerq ta’ kull għemil tajjeb
Il-Qdusija Tiegħu jidentifika t-taqwa jew it-tieba bħala l-pedament tal-virtujiet morali u spiritwali kollha; huwa spjega li l-għerq ta’ kull ġid huwa s-sewwa u t-tieba.
Alla jagħtina l-kapaċitajiet sabiex inkunu nistgħu nilħqu li dejjem infittxu t-tjubija vera u nistinkaw biex niksbuha. Din it-tjubija hija karatteristika tal-fidi vera, miksuba permezz ta’ devozzjoni pura fit-talb u l-qima, ikkaratterizzata minn sinċerità u emozzjoni profonda.
Wara l-pjetà, għandna biex navvanzaw fil-kompassjoni tagħna għall-foqra, l-orfni u dawk bla saħħa. Biex niksbu dan kollu, Alla jikkmandana nikbru fil-fidi tagħna f’Alla li Jista’ Kollox.
It-taqwa — relazzjoni ġenwina ma’ Alla hija l-għerq tal-virtujiet kollha — il-virtù fejn m’hemm l-ebda interess personali, immexxija minn passjoni ġenwina għat-twettiq tad-drittijiet tal-oħrajn u l-kultivazzjoni tal-kompassjoni, il-ħniena u l-qalb tajba.
Il-libsa tas-sewwa
Għalhekk, Alla jiggwidana fil-Koran Imqaddes (7:27) li, Alla ta l-ilbies lill-bniedem biex jostor l-għera tiegħu u jkun mezz ta’ sbuħija, iżda, l-ilbies tat-taqwa huwa l-aħjar. Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jgħid:
“Libasu-Taqwa — il-libsa tas-sewwa hi terminu tal-Koran Imqaddes. Din turi li s-sbuħija spiritwali u t-tiżjin spiritwali tistgħu takkwistawhom biss bis-sewwa.
Is-sewwa tfisser li bniedem għandu, bl-akbar ħila tiegħu, jaqdi r-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mal-kapaċitajiet u l-patt ta’ fidi ma’ Alla bħala fiduċja sagra. Għandu wkoll iqis sew x’obbligazzjonijiet għandu ma’ sħabu l-bnedmin u ma’ dak kollu maħluq minn Alla bħala fiduċja imposta fuqu. Hu għandu jimxi fit-triq tas-sewwa sal-inqas dettall skont l-akbar ħila tiegħu.”