
L-GĦALLIEMA, L-ISTUDENTI U T-TAGĦLIM
It-Torċa, 13.10.2024|IMAM Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat
Settembru huwa x-xahar meta tibda s-sena skolastika Maltija u l-iskejjel jiftħu l-bibien għall-istudenti u jilqgħu eluf minnhom. Settembru huwa magħruf ukoll minħabba l-litteriżmu; u kull sena, it-8 ta’ Settembru huwa ċċelebrat bħala l-Jum Internazzjonali tal-Litteriżmu biex ifakkarna dwar l-importanza tal-litteriżmu għal individwi, komunitajiet u soċjetajiet. Barra minn hekk, dan il-jum jiġi ċċelebrat biex iqajjem il-kuxjenza dwar il-ħtieġa għal sforzi kontinwi sabiex is-soċjetajiet tagħna jsiru aktar litterati.
Jien personalment, kull meta u kull fejn insib xi opportunità, nenfasizza ħafna dwar l-akkwist ta’ għarfien u edukazzjoni, kemm spiritwali kif ukoll sekulari. Jien promutur u avukat kbir tal-edukazzjoni u nemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni u l-għarfien huma ċ-ċavetta tas-suċċess f’kull qasam tal-ħajja, kemm reliġjużi kif ukoll sekulari.
L-għarfien huwa l-barka
Nemmen bis-sħiħ li l-għarfien, l-edukazzjoni u t-taħriġ neċessarju huwa barka mill-aqwa tal-Mulej. Kull wieħed u waħda minna jista’ jifhem l-importanza tat-tagħlim b’riċerka żgħira li tagħmel tas-soċjetà u tan-nies ta’ madwarna; u nistgħu nifhmu b’mod tajjeb kemm it-tagħlim jagħmel differenza.
Meta naħsbu u nevalwaw l-affarijiet b’mod tajjeb ħafna, insibu li l-akkwist tal-għarfien huwa wieħed mill-affarijiet ta’ valur kbir u importanza kbira fil-ħajja tal-bniedem. Wieħed jista’ jifhem l-importanza tal-għarfien u l-edukazzjoni minn dan il-punt li wieħed mill-attributi ta’ Alla msemmija fil-Koran Imqaddes huwa dak li Huwa l-Għaref, Jaf Kollox.
Dan juri li Alla jrid minna li aħna wkoll niksbu l-għarfien u edukazzjoni mill-aqwa u nkunu għaqlin u edukati kemm nifilħu, u biex dejjem insegwu dak li għandna għarfien tiegħu. Huwa wkoll importanti li nirċievu edukazzjoni tajba u vera sabiex inkunu ġentili u umli. Alla l-Għaref jgħid fil-Koran Imqaddes:
“U ssegwux dak li intom m’għandkomx għarfien tiegħu. Tassew, il-widna u l-għajn u l-qalb — dawn kollha se jiġu mgħajta biex jagħtu rendikont. U timxux fid-dinja b’arroganza, għaliex intom ma tistgħux taqsmu d-dinja, u lanqas ma tistgħu tilħqu l-għoli tal-muntanji. Il-ħażen ta’ dan kollu huwa mistkerrah mill-Mulej tagħkom.” (17:37-39)
Huwa wkoll fatt li Alla bagħat ħafna Profeti u Messaġġiera fid-dinja li ġew bit-tagħlim mingħand Alla sabiex jedukaw in-nies tagħhom b’dak it-tagħlim divin. Wieħed jista’ jifhem l-importanza ta’ dan is-suġġett mill-fatt li l-ewwel kelma rivelata lill-Qaddis Profeta Muħammad kienet ‘Iqra’ li tfisser ‘Aqra’. Għalhekk, l-Iżlam u l-Fundatur tal-Iżlam, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizzaw ħafna fuq it-tiftix tal-għarfien.
Il-Qaddis Profeta Muħammad qal li: “Żewġ persuni biss huma denji li ngħiru għalihom; persuna li Alla jagħniha bir-rikkezzi u jagħtiha s-setgħa li tonfoq ġidha għal kawżi ġusti; u persuna li Alla jimlieha bl-għerf biex din tkun tista’ tiġġudika u tgħallem.”
Ara u aħseb kemm hi importanti l-edukazzjoni; u kemm hu importanti dak il-bniedem quddiem Alla li jikseb it-tagħlim u mbagħad jgħallem lill-oħrajn. Jiġifieri, l-għalliema huma persuni importanti ħafna fis-soċjetà u jixirqilhom l-aqwa rispett u dinjità.
Ir-rispett lejn l-għalliema
L-ewwel u qabel kollox, il-ġenituri għandhom dejjem jirrispettaw lill-għalliema u anke jgħallmu lil uliedhom biex dejjem jirrispettaw lill-għalliema tagħhom, jobduhom bl-aqwa mod u dejjem jimxu skont il-pariri tagħhom. Għax ir-rispett u l-ubbidjenza huma l-prinċipji bażiċi biex il-ġenituri u wliedhom jibnu relazzjoni tajba mal-għalliema.
Fl-Iżlam, l-għalliema għandhom pożizzjoni għolja ħafna; il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien qal: “Il-post ta’ għalliem huwa ugwali għal ta’ missier spiritwali.”
Nistgħu nifhmu l-istima għolja li għandhom l-għalliema minn kwotazzjoni ta’ Ħażrat Ali, ir-raba’ Kalif wara l-Qaddis Profeta Muħammad, fejn stqarr: “Jekk persunatgħallimni kelma waħda biss, dan ikun għamilni l-qaddej tiegħu għal għomru.”
Kemm hu sabiħ li meta titgħallem kelma mill-għalliem tiegħek din għandha tkun biżżejjed għalik biex dejjem tibqa’ rispettuż lejh. Jekk kelma mill-għalliem tiżen daqshekk, aħseb u ara kemm għandek tirrispetta l-għalliema tiegħek meta għandek titgħallem is-sena kollha mill-istess għalliema.
L-għalliema jagħtu lezzjoni, jaqsmu l-għarfien, jgħallmu dak kollu li l-istudenti għandhom bżonn, jissagrifikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jiżguraw li l-istudenti tagħhom jifhmu l-lezzjoni u jespandu l-għarfien tagħhom.
Jien personalment naf ħafna għalliema li ma jagħmlux biss dak li hu mixtieq minnhom, iżda, jagħtu ħafna u ħafna iktar minn dak. Huma jgħallmu lill-istudenti tagħhom b’dedikazzjoni, imħabba u passjoni sħiħa, bħala missjoni. Għalhekk, jistħoqqilhom rispett u dinjità mill-aqwa. Niġbed l-attenzjoni tal-istudenti kollha biex juru rispett kbir u jkunu obbidjenti lejn l-għalliema tagħhom.
It-tagħlim u t-taħriġ l-ewwel
Hawnhekk, niġbed l-attenzjoni tal-istudenti lejn il-fatt li għandhom dejjem iżommu f’moħħhom li għalihom it-tagħlim u t-taħriġ jiġu l-ewwel u qabel kollox. Għandhom jagħmlu minn kollox biex jiksbu l-aħjar tagħlim u taħriġ u m’għandhomx jaħlu l-ħin prezzjuż tagħhom.
Dejjem kun konxju lejn l-istudji u t-taħriġ tiegħek, għax qatt mhu se jerġa’ jkollok din l-opportunità f’ħajtek. Din hija opportunità ta’ darba, meta ma jkollokx responsabbiltajiet oħra tal-ħajja ħlief li takkwista edukazzjoni u tipprepara lilek innifsek għall-isfidi tal-ħajja.
Allura, taħlix din l-opportunità, anzi, aħdem aktar skont l-aħjar abbiltajiet u kapaċitajiet tiegħek; u agħti lilek innifsek l-ogħla standard ta’ tagħlim u taħriġ.
Nixtieq nenfasizza wkoll li t-tagħlim tal-bniet huwa l-istess importanti bħal tas-subien. Għax it-tnejn huma pilastri ewlenija tal-familja, is-soċjetà u l-pajjiż. Skont l-Iżlam hija qiegħda fuq l-istess livell ta’ importanza, u l-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, ‘huwa l-obbligu ta’ kull raġel u ta’ kull mara li jiksbu l-għarfien’. Jiġifieri, it-tagħlim għandu l-istess importanza għat-tnejn — subien u bniet.
L-istudenti għandhom dejjem jitolbu lill-Mulej biex jagħtihom għarfien mill-aqwa. Il-Koran Imqaddes (20:115) jgħallimna talba li għandna biex nitolbu ta’ spiss sabiex nikbru fit-tagħlim, fl-edukazzjoni u fl-għarfien, li hija: “O Sidi, kabbarni fl-għarfien.” Amen.