Photo: Sasirin Pamai | Shutterestock
Il-Ġnus Magħquda u l-futur għall-umanità
In-Nazzjon, 24.10.2024| IMAM Laiq Ahmed Atif —amjmalta@gmail.com
F’Settembru ta’ din is-sena, il-Ġnus Magħquda adottat ‘Patt għall-Futur’, li jwiegħed li jibni ‘futur isbaħ’ għall-umanità. Dan il-patt hu mmirat li jindirizza l-isfidi tas-seklu 21 li jvarjaw minn kunflitti għal tibdil fil-klima u drittijiet tal-bniedem.
Is-Segretarju Ġenerali Antonio Guterres iddikjarah bħala “opportunità ta’ darba f’ġenerazzjoni” biex titfassal mill-ġdid l-istorja tal-bniedem billi terġa’ tqajjem il-kooperazzjoni internazzjonali; u l-mexxejja wiegħdu li jipproteġu l-ħtiġijiet u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri. Dan il-patt huwa dettaljat ħafna u jwiegħed ħafna progress u jgħid li: “Aħna nemmnu li hemm triq għal futur isbaħ għall-umanità kollha.”
Bla dubju ta’ xejn, meta wieħed jaqra dan id-dokument isib li fih ħafna tħaġġiġ u inkoraġġiment. Iżda, il-mistoqsija hi, kif nistgħu naslu fejn nixtiequ? Il-Ġnus Magħquda tista’ tapplika dik li twiegħed f’dan id-dokument?
Flimkien kollox hu possibbli
Jien persuna ottimista ħafna u dejjem nixtieq u nemmen li flimkien kollox hu possibbli. Meta hemm rieda soda, determinazzjoni qawwja, u konvinzjoni b’saħħitha, nistgħu nagħmlu kollox; kollox isir possibbli u nistgħu niksbu r-riżultati mixtieqa.
Wara rieda politika tajba, it-tieni punt, li huwa wkoll importantissimu, huwa l-ugwaljanza, l-ekwità u l-ġustizzja bejn il-ġnus u l-popli kollha, mingħajr ebda favur jew diskriminazzjoni.
Is-salvagwardja tad-drittijiet taż-żgħar
Nemmen bis-sħiħ li, jekk ma jkunx hemm ġustizzja, ma jkunx hemm paċi; jekk ma jkunx hemm ugwaljanza, ma jkunx hemm futur; u jekk ma jkunx hemm ekwità, ma nistgħux nagħmlu din il-ħolma realtà. Għalhekk, il-Ġnus Magħquda għandha timplimenta ġustizzja assoluta, ugwaljanza u ekwità bit-trattament tagħha man-nazzjonijiet kollha. U qatt m’għandha tinsa li, il-pedament tagħha ma kienx stabbilit biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-kbar, iżda taż-żgħar.
Għalhekk, huwa ferm importanti għall-Ġnus Magħquda li qabel tibda tapplika din l-istrateġija, għandha teżamina l-pożizzjoni tagħha li hi dejjem favur iż-żgħir u mhux bil-kontra, u l-funzjonijiet tagħha huma bbażati fuq implimentazzjoni stretta tal-ekwità u l-ġustizzja. Il-paċi ma tistax tinħoloq mingħajr il-ġustizzja.
Il-poter tal-veto
Il-Ġnus Magħquda għandha mill-ewwel tneħħi l-użu tal-veto; u għandha tagħmel ċert li ħadd ma għandu l-poter tal-veto — fejn ftit nazzjonijiet għandhom dominanza li jistgħu faċilment jegħlbu l-fehmiet tal-maġġoranza. Imma kull kwistjoni għandha tiġi deċiża fuq il-bażi tal-fatti u l-merti tagħha.
Nemmen bis-sħiħ li, sakemm ma nagħtux il-prijorità lill-ġustizzja, id-drittijiet tal-bniedem ma jistgħux jiġu salvagwardjati, u l-paċi fid-dinja ma tistax tiġi stabbilita.
Huwa wkoll minnu li, minflok ma nimxu fid-direzzjoni ta’ ġustizzja, rajna kemm-il darba li l-pajjiżi kbar fid-dinja moħħhom biss biex jissodisfaw l-interessi tagħhom, u xejn iżjed. Xi drabi nisimgħu xi għajtiet favur il-ġustizzja minn mexxejja diversi, imma dawn is-sejħiet ma jiġux implimentati.
Meta xi pajjiż żgħir jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi internazzjonali jew kontra l-ftehim mal-Ġnus Magħquda, il-pajjiżi kollha jqumu kontra tiegħu, iżda jekk xi pajjiż li għandu qawwa u influwenza jagħmel x’jagħmel ħadd ma jagħti kas. L-eżempju ta’ dan quddiemna huwa tal-Iżrael, li qatel eluf ta’ nies innoċenti f’Gaża. In-nies ta’ Gaża qed isofru ħafna, it-tfal u n-nisa qed jibku minħabba l-ġuħ u l-mard, iżda ħadd ma qed jisma’ l-biki u l-uġigħ tagħhom.
Iċ-ċirasa fid-deżert
Kulħadd qed jistaqsi fejn hi l-Ġnus Magħquda, fejn huma l-pajjiżi kbar li dejjem jitkellmu dwar il-ġustizzja u l-ugwaljanza meta jaqblilhom. Jekk il-Ġnus Magħquda ma taħdimx bil-prinċipju tal-ġustizzja, ma tistax tasal fejn trid u lanqas tapplika dan il-ftehim ġdid fid-dinja.
Tista’ tibni kastell fuq ir-ramel? Tista’ tikber iċ-ċirasa fid-deżert? Tista’ tibni bini b’saħħtu fuq pedament fraġli u dgħajjef?
Assolutament le.
Imbagħad kif tista’ l-Ġnus Magħquda tippretendi li timplimenta l-pjanijiet tagħha mingħajr l-implimentazzjoni tal-ġustizzja?
Il-ġustizzja hija l-bażi tal-paċi fid-dinja. Il-paċi titwieled bl-implimentazzjoni tal-ġustizzja, l-ekwità u l-ugwaljanza.
Implimentazzjoni stretta tal-ġustizzja
Il-Kalif u l-mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, li għandu l-kawża tal-paċi għal qalbu ħafna, tkellem ċar u tond fuq dan is-suġġett u jgħid li, il-kundizzjoni meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan fundamentali tal-paċi u d-drittijiet tal-bniedem hija l-ġustizzja sħiħa u l-ħaqq fiċ-ċirkostanzi kollha.
Il-Koran Imqaddes, f’Kapitlu 4, Vers 136, jagħtina prinċipju li jiswa mitqlu deheb u lezzjoni li tiggwidana f’dan. Din tgħid li biex nilħqu livell għoli ta’ ġustizzja, jekk jinqala’ l-każ li jkollna nixhdu kontra tagħna nfusna, kontra l-ġenituri, kontra l-egħżeż qraba u ħbieb, mela dan irridu nwettquh. Din hi l-veru ġustizzja fejn l-interessi personali jiġu mwarrba fil-ġenb għall-ġid komuni.
Jekk naħsbu dwar dan il-prinċipju fuq livell kollettiv, għandna nintebħu li manuvri inġusti msejsa fuq l-għana u l-poter għandhom jiġu skartati. Minflok, ir-rappreżentanti u l-ambaxxaturi ta’ kull nazzjon għandhom jaġixxu b’sinċerità u b’determinazzjoni li jissapportjaw il-prinċipji tal-ġustizzja u tal-ugwaljanza. Irridu neqirdu kull xorta ta’ preġudizzju u diskriminazzjoni l-għaliex dan huwa l-uniku mezz biex nistabbilixxu l-paċi.
Insalvaw id-dinja mid-distruzzjoni
Għalhekk, f’dan il-kuntest, hija t-talba tiegħi li kull wieħed u waħda minna jagħmel il-parti tiegħu biex isalva d-dinja mid-distruzzjoni li tinsab quddiemna. Irrispettivament min-nazzjonalità, reliġjon, twemmin jew kredu, għandna nħabirku kemm nistgħu biex insalvaw l-umanità.
Ejjew naħdmu flimkien, id f’id, biex nistabbilixxu l-paċi vera u dejjiema, u d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha.
Il-Ġnus Magħquda għandha taħseb u tevalwa għaliex ma rnexxilhiex tistabbilixxi l-paċi fit-tul u tkun ta’ salvagwardja tad-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem!