
Fidi u għemejjel ġusti u tajba!
Il-Leħen, 27.10.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Fid-dinja tal-lum ħafna drabi ż-żgħażagħ jistaqsu għaliex hemm bżonn tal-fidi u l-għemejjel tajba, meta għandna biex naħdmu għall-għajxien tagħna. X’tagħtina l-fidi? Il-fidi tagħmel sens fid-dinja moderna tal-lum?
Dawn huma ftit mill-ħafna mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu. Huma kollha mistoqsijiet validi u nixtieq li nippreżenta xi ideat u ħsibijiet lill-qarrejja tagħna.
Il-punt tat-tlugħ
Meta l-bniedem jiddeċiedi li jagħmel xi ħaġa, imbagħad biss jista’ jipprova jagħmilha. Meta l-moħħ tal-bniedem jiddeċiedi u l-qalb tagħti permess li dan jista’ jseħħ, imbagħad ir-riġlejn u l-partijiet kollha tal-ġisem jobdu dak il-kmand biex jagħmlu skont il-kmand jew id-deċiżjoni.
Bl-istess mod il-fidi, il-konvinzjoni u d-determinazzjoni huma l-punt tat-tlugħ lejn ix-xogħlijiet tajbin u l-għemejjel ġusti.
Għaliex għandna l-fidi?
Għaliex għandna l-fidi? Għax fid-dinja hemm wisq negattività, meta l-mard huwa kbir, għandna bżonn ta’ sforzi akbar u mediċina ifjen għall-fejqan. Issa meta d-dinja saret wisq okkupata bil-materjaliżmu, hemm bżonn ta’ fidi b’saħħitha biex inżommu l-bilanċ bejn il-ħajja fiżika u l-ħajja spiritwali. Għax l-ebda estrem mhuwa tajjeb, u l-moderazzjoni hija ħafna aħjar għal ħajja sana.
It-tieni, il-bniedem jiġi f’din id-dinja għal xi għexieren ta’ snin biss; din il-ħajja hija temporanja u l-ħajja l-oħra hija permanenti u huwa ferm importanti li kif naħdmu biex nagħmlu din il-ħajja sabiħa, huwa wkoll importanti li naħdmu għall-ħajja l-oħra.
Il-kreditu bankarju spiritwali
Peress li għandna kreditu bankarju b’ġid materjali u flus, irridu naħdmu wkoll biex ikollna biżżejjed kreditu bankarju spiritwali għall-ħajja li jmiss tagħna.
Għalhekk, biex ikollna biżżejjed kreditu bankarju spiritwali, huwa importanti ħafna li jkollna fidi soda u li nagħmlu għemejjel tajbin tul ħajjitna kollha biex il-kont tagħna jkun sod u b’saħħtu biżżejjed. Sabiex ikollna ħajja sabiħa hemmhekk.
L-għamajjar tal-Ġenna
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li, “Dawk li jemmnu u jagħmlu għemejjel tajba, se ndaħħluhom fil-Ġonna bix-xmajjar jiġru taħthom, u fihom jgħixu għal dejjem. Hija l-wegħda ta’ Alla tabilħaqq. U min jista’ jkollu kelma aktar sewwa u vera minn Alla?” (4:123)
“Ma humiex il-ġid tagħkom u lanqas uliedkom li jqarrbukom lejna. Ma jersqux lejna ħlief dawk li jemmnu u jagħmlu l-għemejjel tajbin. Dawk għandhom ħlas doppju ta’ dak li għamlu, u jinsabu mħarsin (minn kull ħsara) fl-għamajjar tal-Ġenna.” (34:38)
Il-vers ineħħi l-ħsieb ta’ dawk li ma jemmnux ta’ superjorità falza bbażata fuq il-ġid, is-setgħa u l-pożizzjoni, u jgħid li dawn l-affarijiet mhumiex il-mezzi biex tinkiseb il-qrubija ta’ Alla. Huwa t-twemmin ġust u l-azzjonijiet tajbin li huma l-ġid reali tal-bniedem u li jistgħu jġibulu s-salvazzjoni u l-pjaċir ta’ Alla.
Dar eċċellenti fil-Ġenna
Dawn il-versi ta’ fuq juru biċ-ċar għaliex għandna bżonn il-fidi u l-għemejjel tajba, għax dawn huma l-mezzi li jtejbu l-ħajja l-oħra tagħna. Barra minn hekk, dan huwa l-kreditu li jimla l-kont bankarju spiritwali tagħna.
Bix-xogħol tad-dinja naqilgħu l-flus li bihom nistgħu ngħixu ħajja tajba u sana, u bil-fidi u l-għemejjel ġusti niksbu l-ġid li bih nistgħu ntejbu l-ħajja eterna tagħna fejn ikollna dar mill-isbaħ mimlija bil-bżonnijiet kollha, kif Alla jgħid fil-Koran Imqaddes (13:30) li: “Dawk li jemmnu u jaġixxu b’mod ġust, se jkollhom hena, kuntentizza u dar eċċellenti fil-Ġenna.”
Il-kuntentizza eterna u l-qrubija lejn Alla
F’vers ieħor Alla għamilha aktar ċara li, il-ħtieġa ta’ fidi qawwija f’Alla u li dejjem nagħmlu t-tajjeb huma biex il-ħajja ta’ dejjem tkun pjaċevoli u biex tinkiseb il-qrubija lejn Alla.
Alla jgħid li, il-ħlas tat-tieba tiegħek, Hu jagħtik ferħ, sodisfazzjon u paċi ta’ dejjem. “Tabilħaqq, Alla xtara mill-fidili ħajjithom u ġidhom, biex ikollhom il-Ġenna.” (9:111)
Għalhekk, min ma jridx li jkollu d-dar eterna fil-Ġenna, mimlija paċi, sodisfazzjon, kuntentizza, u mħabba tal-Mulej?