Il-libsa hija barka kbira ta’ Alla l-Ħanin u hija waħda mill-barkiet li Alla li Jista’ Kollox ta lill-qaddejja Tiegħu u semmieha b’isimha fil-Koran Imqaddes. Il-libsa tingħata bħala premju għat-tfal ta’ Adam . Dan l-unur li jingħata huwa disponibbli biss għall-bniedem, l-ebda ħlejqa oħra fid-dinja ma ġiet onorata b’din il-barka. Alla li Jista’ Kollox indirizza lit-tfal kollha ta’ Adam u qal:
“Ja wlied Adam! Tabilħaqq niżżilnielkom ilbies jostor l-għera tagħkom, u biex ikunu l-ilbies sbieħ (mezzi ta’ sbuħija u eleganza). Iżda l-ilbies tal-ġustizzja, is-safa u l-imħabba ta’ Alla — dak huwa l-aħjar.” (7:27)
Il-kliem, l-ilbies tat-ġustizzja, jispjega s-sinifikat reali tal-kliem ‘libsa eleganti’. Jiġifieri, l-ilbies tal-pjetà huwa, fil-fatt, l-ilbies tassew fin għall-bniedem. Ilbies ordinarju jkopri l-għera fiżika tagħna, filwaqt li l-ilbies tal-pjetà u s-safa jkopri l-għera spiritwali u morali tagħna.
Il-vers ifakkarna b’mod sabiħ li meta nqisu li hu tant meħtieġ li jkollna l-ilbies tajjeb biex jgħatti l-għera fiżika tagħna u nużaw libsa eleganti biex nidhru grazzjużi, għandna iktar u iktar inkunu anzjużi li nkopru l-għera morali u spiritwali tagħna, li tista’ ssir biss bit-talb u billi nitolbu l-maħfra u l-ħniena ta’ Alla.
Kemm hi importanti l-libsa, kemm fiżikament kif ukoll spiritwalment. Għalhekk, meta ngħixu fis-soċjetà hemm kodiċi tal-ilbies li trid tiġi segwita waqt li wieħed ikun fl-isfera pubblika, meta wieħed jimxi fit-toroq, imur fis-swieq, ħwienet u postijiet pubbliċi oħra.
Iżda sfortunatament, mhux kulħadd jieħu ħsieb il-kodiċi tal-ilbies meta jkun fil-pubbliku. Madankollu, kull wieħed u waħda minna għandu jkollna l-istandard għoli tagħna stess tal-kodiċi tal-ilbies, irridu nżommu lilna nfusna u lill-familji tagħna dejjem pronti biex inżommu d-diċenza u l-pudur fil-kodiċi tal-ilbies tagħna.
Irridu dejjem niċċekkjaw lilna nfusna u nsaqsu: il-libsa li qed nilbes hija denja li tintlibes fil-pubbliku? Nemmen tassew li din hija kwistjoni ta’ diċenza personali, imsejsa fuq il-valuri morali, li dejjem nilbsu kif suppost fi djarna u aktar importanti meta nkunu fl-isferi pubbliċi.
Huwa wkoll fatt li hemm ċerti kodiċijiet tal-ilbies stabbiliti meta nkunu f’postijiet partikolari. Jista’ xi ħadd imur il-qorti b’sidru mikxuf? Tista’ persuna tidħol fil-Parlament bi lbies indiċenti?
Bl-istess mod, hemm ċerti kodiċijiet tal-ilbies għall-postijiet ta’ qima u attivitajiet formali u laqgħat. Ħafna drabi nirċievu xi stedina għal kwalunkwe attività jew laqgħa u nsibu xi linji gwida dwar il-kodiċi tal-ilbies, bħal dress code: “deċenti u formali”.
Huwa importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għandhom jiġu mgħallma dwar dawn il-valuri mill-ġenituri stess; u l-ġenituri għandhom irwol vera importanti li jikkultivaw il-manjieri u l-valuri tajba fit-tfal tagħhom, minn età żgħira, sabiex meta jikbru jkunu jafu l-limiti tagħhom, il-valuri tagħhom, ir-rispett u d-dinjità tagħhom.
Barra minn hekk, irridu nżommu f’moħħna li l-libsa tagħna hija wkoll mera u riflessjoni tal-karattru u l-personalità personali tagħna; u l-karattru tagħna jirrifletti dak tal-edukazzjoni u t-taħriġ fid-dar. Il-karattru u l-libsa tagħna jirriflettu min aħna. Allura għaliex ma nilbsux b’mod diċenti u xieraq meta nkunu fil-postijiet pubbliċi?
