KUN L-AQWA FIL-VIRTUJIET, MORALI U MANJIERI
Virtù għolja hija li, tkun xi tkun tgħid, għandha tkun mill-qalb; u s-safa tal-qalb hija meħtieġa. Il-bniedem huwa ta’ użu biss jekk ikollu virtujiet morali għoljin. Il-morali għolja tagħkom se juru lilhom infushom meta tqisu lilkom infuskom bħala l-qaddejja tan-nazzjon u meta taqdu lill-pubbliku bil-kapaċitajiet u l-abbiltajiet kollha tagħkom. Barra minn hekk, jekk tixtieq issir taf jekk qed tagħmel xi ħaġa tajba jew ħażina, għandek iddur lejn il-ġirien tiegħek u tara x’opinjoni għandhom dwarek.
It-Torċa, 03.11.2024|IMAM Laiq Ahmed Atif —amjmalta@gmail.com
Mingħajr l-iċken dubju, nista’ ngħid li, il-moralità hija teżor eċċellenti. Min jista’ jiċħad l-importanza tagħha? Kull persuna sensibbli u għaqlija temmen fl-importanza u s-sinifikat tal-valuri morali u l-virtujiet tajba.
Iżda, il-punt hu, nagħtu attenzjoni biżżejjed għal dan is-suġġett tant meħtieġ? Sfortunatament le. Dan is-suġġett ma jingħatax l-importanza li jixraqlu. Anke l-ġenituri u n-nanniet jinstabu jitkellmu dwar il-fatt li l-morali umani qed jisparixxu malajr mis-soċjetajiet tagħna.
Il-ġenituri jidhru mħassba dwar il-valuri morali ta’ wliedhom u jsemmu wkoll li fil-passat kien hemm wisq enfasi fuq il-valuri morali u l-virtujiet, iżda llum il-ġurnata t-tfal u ż-żgħażagħ ma jagħtux kas lill-moralità u l-ispiritwalità tagħhom.
Kif inkun naf jekk qed nagħmel tajjeb jew le?
Ħafna drabi naħsbu li qed nagħmlu kollox tajjeb u għandna morali għolja. Iżda kif nistgħu nkunu nafu jekk qegħdin nagħmlu tajjeb jew ħażin? Darba xi ħadd staqsa lill-Profeta Muħammad kif hu jista’ jkun jaf jekk huwiex moralment tajjeb.
Huwa qal, “Jekk tixtieq issir taf jekk qed tagħmel xi ħaġa tajba jew ħażina, għandek iddur lejn il-ġirien tiegħek u tara x’opinjoni għandhom dwarek.”
Wara dan, il-Profeta Qaddis qal lill-mexxejja, “Il-morali għolja tagħkom se juru lilhom infushom meta tqisu lilkom infuskom bħala l-qaddejja tan-nazzjon u meta taqdu lill-pubbliku bil-kapaċitajiet u l-abbiltajiet kollha tagħkom.”
L-att naturali jew il-morali?
Kif nafu li dak li nagħmlu huwa att naturali tal-bniedem jew huwa l-morali? Kull forma ta’ eċċellenza morali, bħall-ġenerożità, il-kuraġġ, il-ġustizzja, il-ħniena, il-benevolenza, il-verità u t-tolleranza eċċ., dawn il-kwalitajiet morali kollha huma fil-fatt kundizzjonijiet naturali u sentimenti ta’ persuna. Dawn jistgħu jissejħu biss bħala kwalitajiet morali meta jiġu manifestati u murija fl-okkażjoni xierqa u tajba tagħhom u skont l-intenzjoni ta’ persuna.
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan is-suġġett b’mod tajjeb ħafna u jgħid li, il-morali għolja jistgħu jitkejlu taħt żewġ ċirkostanzi; fi żminijiet ta’ tbatijiet u sofferenzi u fi żminijiet ta’ suċċess u prosperità.
Persuna, li turi paċenzja u tagħmel ħilitha biex tikseb il-pjaċir ta’ Alla l-Ħanin fi żminijiet ta’ tbatijiet u sofferenzi, għandha kwalitajiet morali għoljin.
Barra minn hekk, bniedem li juri umiltà u jistabbilixxi ġustizzja fi żminijiet ta’ suċċess u governanza jista’ wkoll jitqies bħala wieħed li għandu kwalitajiet morali għolja.
Il-qbil tal-qalb u l-moħħ
Barra minn hekk, għandna wkoll naraw jekk il-qalb u l-moħħ jaqblu ma’ dak li ngħidu jew nagħmlu jew le. F’kumment dwar l-ammirazzjoni mhux sinċiera u qarrieqa waqt li l-qlub huma mimlija riżentiment, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana enfasizza li, f’sitwazzjoni bħal din għandna nifhmu li dawn mhumiex il-virtujiet veri.
Minflok, virtù għolja hija li, tkun xi tkun tgħid, għandha tkun mill-qalb. Jekk qed turi mogħdrija, din għandha tiġi minn qalbek. Jekk qed turi xi emozzjoni oħra, din għandha tiġi wkoll minn qalbek.
Għalhekk, is-safa tal-qalb hija meħtieġa. Il-bniedem huwa ta’ użu biss jekk ikollu virtujiet morali għoljin. Għalhekk, aħna mitluba li nsegwu t-triq tal-kmandamenti u l-pjaċir ta’ Alla, u nżejnu lilna nfusna bil-valuri u virtujiet mill-aqwa.
Min huma tal-valuri għolja?
Għalhekk, meta xi ħadd irid ikun jaf jekk għandux valuri morali tajba jew le, irid jevalwa lilu nnifsu u jara kif jirrispondi fi żminijiet ta’ tbatija u fi żminijiet ta’ prosperità. Jiġifieri, jekk wieħed jixtieq li jkun jaf jekk hux ġeneruż jew le, għandu jagħti lil dak li hu fil-bżonn anke meta hu stess għandu bżonn.
Alla jiddeskrivi dan b’mod ġenwin fil-Koran Imqaddes u jgħid li dawk li huma ġusti u għandhom l-ogħla standard tal-moralità huma dawk li:
“Jitimgħu l-ikel lill-fqir, lill-iltim u lill-ilsir għall-imħabba ta’ Alla, filwaqt li jassigurawhom li, ‘aħna nitimgħukom għall-pjaċir ta’ Alla biss. Aħna ma nixtiequ l-ebda premju u lanqas grazzi mingħandkom’” (76:9-10).
Tifsira oħra ta’ dawn il-versi hija li jitimgħu lill-foqra filwaqt li huma stess għandhom bżonn il-flus biex jonfqu fuq ħaddieħor; jiġifieri, meta huma stess fil-bżonn jagħtu lil ħaddieħor għax iħobbuhom u dejjem jagħtu l-prijorità lill-oħrajn fuqhom infushom u fuq il-bżonnijiet tagħhom stess.
Din hija l-filosofija u t-tifsira vera u profonda tal-virtujiet, manjieri u valuri morali.
Fejn ninsab jien?
Għalhekk, irridu nagħmlu l-almu tagħna biex infittxu standards daqshekk għoljin ta’ virtujiet u moralità. Il-mistoqsija hi li: Fejn ninsab jien? Nipprattika standards daqshekk għoljin ta’ virtujiet u valuri fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum jew le?