
X’inhu Jizyah jew Jizya? Għaliex dawk li mhumiex Musulmani għandhom iħallsu l-Jizyah?
Il-kunċett ta’ Jizyah jew Jizya jidher li ma ġiex aċċettat minn uħud, minkejja l-fatt li kienet biss taxxa li ġiet imposta fuq dawk iċ-ċittadini li ma kinux Musulmani, bl-intenzjoni li tittejjeb is-sistema governattiva u li kienet tintefaq direttament fuq dawk stess li kienu jħallsu t-taxxa. B’dawn il-flejjes, il-gvern kien jipproteġi d-drittijiet tagħhom, u kien jirranġa aktar il-kumdità u l-benesseri tagħhom, u kien iħejji l-armati biex iħarsu l-ħajja u l-ġid tagħhom.
Wieħed jista’ jqajjem l-allegazzjoni għala din it-taxxa kienet indirizzata speċifikament għal dawk iċ-ċittadini li ma kinux Musulmani.
It-tweġiba għal din hija li l-ewwel nett it-taxxa msemmija kienet meqjusa bħala rikompens għas-servizzi militari mogħtija mill-Musulmani, u li l-popolazzjoni mhux Musulmana kienet eżentata minnha. Fi kliem ieħor, fejn kull Musulman kien kostrett li jservi fil-militar bil-liġi, il-popolazzjoni mhux Musulmana kienet eżentata minn dan ukoll. F’dan il-każ, kien pjuttost xieraq li l-popolazzjoni mhux Musulmana ġġorr ukoll sa ċertu punt l-ispejjeż militari tal-Istat Iżlamiku. Din hija d-definizzjoni ta’ Jizyah. Barra minn dan, aktar tagħrif jixhed li fil-fatt l-Iżlam kien qasam il-kwistjoni tat-taxxa fi tliet oqsma:
Tliet oqsma tat-taxxa
L-ewwel, taxxa indirizzata speċifikament lill-Musulmani, bħal Żakat.
It-tieni, taxxa indirizzata biss għal dawk kollha li ma kinux Musulmani, bħal Jizyah.
It-tielet, taxxa ġenerali li setgħet tkun imposta fuq kulħadd skont iċ-ċirkustanzi, bħat-taxxa fuq l-art. Ir-raġuni għal dan it-tqassim u differenzi kienet li l-Istat Iżlamiku kien meħtieġ iwettaq ċerti obbligi li kienu relatati mal-bżonnijiet reliġjużi tal-Musulmani b’mod partikolari u għalhekk ma kienx ġust li dan il-piż kellu jaqa’ wkoll fuq il-popolazzjoni mhux Musulmana.
Għalhekk, b’integrità kbira, l-Iżlam ikkrea ċertu taxxi speċifiċi għall-Musulmani waqt li oħrajn saru speċifikament għal dawk li ma kinux Musulmani. Għal din ir-raġuni, il-ħtiġijiet reliġjużi u politiċi kienu jitħallsu mit-taxxa indirizzata lill-Musulmani magħrufa bħala Żakat; l-ebda bżonn ta’ natura reliġjuża ma kien imħallas mit-taxxa li kienet indirizzata lil dawk li ma kinux Musulmani magħrufa bħala Jizyah. Huwa għal din ir-raġuni li f’ħafna każijiet it-taxxa ta’ Żakat li kienet imposta b’mod speċjali fuq il-Musulmani kienet akbar mit-taxxa ta’ Jizyah, għaliex l-ispejjeż kienu ferm ikbar.
Għalhekk, jekk wieħed jirraġuna ftit, it-taxxa ta’ Jizyah li kienet imposta fuq dawk li ma kinux Musulmani hija prova tal-integrità kbira tal-Iżlam u l-Fundatur tal-Iżlam [il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih]. Madanakollu, hija sfortuna li nies boloh dawru din il-ħaġa fi kwistjoni kbira.
Il-ġbir ta’ Jizyah
Issa hemm il-kwistjoni li għandha x’taqsam mad-dettalji u l-ġbir ta’ Jizyah. F’dan ir-rigward ukoll l-Iżlam ħoloq eżempju nobbli li bħalu ma jinstab imkien. L-ewwel nett ta’ min wieħed jinnota li l-Iżlam ma ddikjara l-ebda persentaġġ għat-taxxa ta’ Jizyah; pjuttost ħallieh miftuħ għaċ-ċirkostanzi ta’ kull żmien u pajjiż.
B’hekk, l-istorja turina li l-Qaddis Profeta Muħammadsa innifsu ħoloq forom u perċentwali differenti ta’ Jizyah qalb it-tribujiet varji tal-Arabja. Pereżempju, il-Qaddis Profeta Muħammadsa ta struzzjonijiet lill-Insara ta’ Najran biex iħallsu flimkien kull sena 2,000 xall u xi ħwejjeġ oħra bżonjużi. Madanakollu, b’kuntrast ma’ dan, kien deċiż li n-nies tal-Jemen iħallsu medja ta’ dinar [dinar hija munita Għarbija magħmula mid-deheb iżda bla valur] kull persuna kull sena.
Bl-istess mod, wara l-mewt tal-Qaddis Profeta Muħammadsa, il-Kalifi tiegħu żammew l-istess prattika, jiġifieri li t-taxxa ta’ Jizyah kienet tinġabar minn kull nazzjon skont iċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, u li din it-taxxa kienet tinqasam bejn l-individwi b’tali mod li kull persuna kienet issofri minn piż finanzjarju bl-anqas mod possibbli.
Huwa assigurat mill-istorja li fl-epoka tal-Erba’ Kalifi tal-Iżlam, tmienja u erbgħin dirham [dirham hija munita Għarbija magħmula mill-fidda iżda bla valur] kienu jinġabru mingħand dawk in-nies li kienu jitqiesu għonja. Nies b’mezzi medji kienu obbligati li jħallsu erbgħa u għoxrin dirham kull sena filwaqt li dawk b’mezzi miżeri, tnax-il dirham biss kull sena.
L-eżenzjoni minn Jizyah
Aktar minn hekk, din it-taxxa minuri ma kinitx applikabbli għall-popolazzjoni kollha li ma kinitx tħaddan l-Iżlam; anzi, dawk in-nies li kienu jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin kienu eżentati minnha:
- Dawk kollha li ddedikaw ħajjithom għall-qadi tar-reliġjon;
- Kull mara, tifel u tifla;
- Kull persuna anzjana li ma setgħetx taħdem;
- Nies għomja, jew b’xi diżabilità u għalhekk ma setgħux jaħdmu;
- Dawk kollha li kienu fqar u fil-bżonn, li l-istat finanzjarju tagħhom ma kienx jiflaħ il-piż ta’ Jizyah.
Fil-ġbir ta’ Jizyah, jiġu segwiti dawn il-prinċipji:
- Il-persuna li hija obbligata li tħallas Jizyah għandha d-dritt li tagħmel dan billi tħallas fi flus jew inkella toffri ħwejjeġ li jġibu l-istess valur.
- Rigward il-ġbir ta’ Jizyah, kien hemm struzzjonijiet riġidi li ma ssir l-ebda moħqrija, u kastigi korporali kienu assolutament projbiti.
- Jekk persuna kellha tagħti ammont partikolari ta’ Jizyah, u din tinzerta tmut, dak l-ammont kien jinħafer; u l-werrieta tal-mejjet ma kinux jinżammu responsabbli biex iħallsu dak l-ammont, u lanqas ma kien jitnaqqas mill-wirt ta’ dik il-persuna.
Hemm xi pajjiż li joffri dawn il-privileġġi llum il-ġurnata? Mhux biss intużat ħafna ġenerożità fit-tħaddim ta’ Jizyah; anzi, anki wara l-obbligu tagħha, jekk l-istat finanzjarju ta’ persuna ma kienx jippermetti assolutament li din tħallas it-taxxa ta’ Jizyah, dak l-ammont dovut kien jinħafer. Għaldaqstant, dan l-episodju li ġej huwa eżempju interessanti ta’ dan l-istess fatt.
Hemm rakkont li jgħid li darba waħda Ħażrat Umarra [it-tieni Kalif tal-Iżlam] inzerta għaddej minn post fejn għadd ta’ persuni mhux Musulmani kienu qed jiġu trattati ħażin minħabba l-ġbir ta’ Jizyah. Meta Ħażrat Umarra intebaħ b’dan, huwa waqaf minnufih u staqsa b’ċerta rabja, “X’qiegħed jiġri hawn?” Intqal lilu, “Dawn in-nies ma jħallsux Jizyah u qed jgħidu li m’għandhomx mnejn iħallsu.” Ħażrat Umarra wieġeb:
“Mela m’hemm l-ebda raġuni għala għandu jintefa’ fuqhom dan il-piż jekk huma ma jifilħux iġorruh. Ħalluhom. Jiena smajt lill-Qaddis Profeta Muħammadsa jgħid, ‘Dak li jikkawża n-niket lin-nies f’din id-dinja, ikun ikkastigat minn Alla f’Jum il-Ġudizzju.’”
B’hekk, it-taxxa ta’ Jizyah inħafret.
Minħabba l-istruzzjonijiet ċari tal-Qaddis Profeta Muħammadsa, Ħażrat Umarra tant kien jinkwieta għall-popolazzjoni mhux Musulmana li kienet taqa’ taħt il-ħakma tiegħu li meta kien qed imut ħalla testment b’kitba li kienet tgħid hekk:
“Jiena nirrakkomanda lill-Kalif li jiġi warajja biex jittratta ċ-ċittadini mhux Musulmani tal-Istat Iżlamiku b’ħafna mogħdrija u ġenerożità. Onora t-trattati miftiehma magħhom u pproteġihom. Issielet mal-għedewwa tagħhom f’isimhom, u fl-ebda ċirkostanza, m’għandek titfa’ piż jew responsabbiltà fuqhom li huma ma jkunux jifilħu għalihom.” (Seal of the Prophets, Vol. 2, p.563-566)