
NAĦFER IŻDA MA NINSIEX!
Il-maħfra għandha titqies bħal li jekk xi ħadd ikollu xi ferita jew qatgħa, għalkemm wara t-trattament il-ferita u l-uġigħ jitjiebu, iżda s-sinjali u l-marki tal-ferita jibqgħu hemm fuq il-ġilda tal-persuna. Xi drabi, dawk il-marki u s-sinjali jibqgħu hemm sal-aħħar nifs. Għalhekk, huwa naturali li ma tinsiex anke wara l-maħfra. Ma tistax tħassar il-memorja u l-istorja. Il-marki tal-ferita fiżika jew minn xi ħadd jibqgħu hemm anke wara l-fejqan.
It-Torċa, 10.11.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Huwa verament diffiċli biex taħfer lil dak li għamillek id-deni, għamillek il-ħsara, kissrek, iżda diffiċli kemm hu diffiċli, mhuwiex impossibbli. Mingħajr l-iċken dubju, meta l-bniedem jieħu pass daqshekk diffiċli, att tajjeb bħal dan qatt mhu se jibqa’ bla premju mill-Mulej, anzi, il-premju jkun notevoli u kbir wisq.
Il-Koran Imqaddes jindirizza dan is-suġġett minn angolu tajjeb ħafna u jgħid: “Il-ħlas u l-kumpens ta’ għemil ħażin huwa penali bħalu. Iżda min jaħfer u l-att tiegħu jġib riforma u jsewwi l-inkwiet, il-premju tiegħu jkun f’idejn Alla. Huwa tabilħaqq ma jħobbx lill-inġusti u lil dawk li jagħmlu l-ħażin.” (42:41)
Meta l-maħfra ġġib it-tjubija u r-riforma
Kemm hu sabiħ meta l-maħfra ġġib it-tjubija u tbiddel il-persuna li wettqet il-ħażen, huwa ħafna aħjar li tiġi maħfura milli tiġi kkastigata għal għemilha. Huwa minnu li dan huwa dritt ta’ min sofra l-inġustizzja li japplika l-kastig, iżda, l-Iżlam jgħid li ġara dak li ġara u ma tistax iddawwar l-arloġġ lura, għalhekk, jekk il-maħfra hija tajba u tagħmel iktar sens allura aħjar li taħfer.
It-tagħlim tal-Iżlam fir-rigward ta’ kull min jagħmel xi ħaġa ħażina jew jagħmel ħsara lil ħaddieħor, kemm jekk b’mod żgħir jew estrem, huwa inklinat lejn ir-riforma. Il-punt ċentrali huwa r-riforma tal-ħażen.
Bir-riforma bħala l-għan ewlieni, qabel ma tiddeċiedi dwar il-piena għandu jiġi kkunsidrat jekk hux se jirriżulta fiha jew le. Jekk ir-riforma titqies li tirriżulta mill-maħfra allura dik għandha tkun l-għażla inkella l-piena għandha tiġi deċiża. L-għan reali tal-kastig huwa r-riforma u t-titjib morali.
Fil-każ li persuna taħfer lil dak li għamlilha ħsara, Alla jiggarantixxi li se tirċievi premju Divin. Il-maħfra tagħmel lil wieħed jirċievi premju Divin.
Ma tistax tħassar l-istorja
Ħafna drabi n-nies jaħfru lil dak li hu ħati, iżda, huwa diffiċli għalihom li jinsew dak li ġralhom. Huwa naturali li ma tistax tinsa jew ma tistax tħassar l-istorja, iżda, sakemm il-persuna ma jkollha l-ebda stmerrija u ma tippruvax tikseb vendetta bl-ebda mod, allura tali fenomenu naturali mhuwiex ħażin.
Għandu jitqies bħala li jekk xi ħadd ikollu xi ferita jew qatgħa, għalkemm wara t-trattament il-ferita u l-uġigħ jitjiebu, iżda s-sinjali u l-marki tal-ferita jibqgħu hemm fuq il-ġilda tal-persuna. Xi drabi, dawk il-marki u s-sinjali jibqgħu hemm sal-aħħar nifs.
Huwa fenomenu naturali. Ma nistgħux niġġieldu n-natura. Għalhekk, hekk kif il-marki tal-ferita jkomplu jfakkru lil xi ħadd f’dak l-episodju ħażin u ta’ wġigħ, bl-istess mod, kull ferita u wġigħ inflitti minn xi persuna, jistgħu wkoll ikomplu jfakkru lill-persuna f’dak l-episodju ta’ wġigħ. Għalhekk, huwa naturali. Li taħfer lil xi ħadd u mbagħad ukoll tinsa kompletament, mhux faċli, u teħtieġ kuraġġ kbir, determinazzjoni soda u rieda qawwija, li mhux kulħadd huwa kapaċi.
Mudell imbierek tal-Profeti
L-aktar eżempji eċċellenti ta’ dan jinstabu fil-mudell imbierek tal-Profeti ta’ Alla fejn mhux huma jaħfru lill-għedewwa tagħhom, iżda, jinsew kollox darba għal dejjem. Nixtieq nippreżenta xi eżempji mill-ħajja tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, f’każijiet fejn ħass li seħħet ir-riforma, ħafer anke lill-għedewwa l-iktar kattivi u krudili. Meta l-persuna ħatja wriet rimors u dispjaċir, il-Profeta Muħammad ħafer lil dawk li wettqu moħqrija kbira lejh, lill-familja tiegħu u lil sħabu.
Darba xi ħadd attakka lil bintu. Dakinhar kienet tqila u weġġgħet u b’konsegwenza ta’ dan tilfet it-tarbija u wara l-ġrieħi tagħha rriżultaw fatali. Min wettaq ir-reat ingħata l-piena tal-mewt iżda ħarab. Aktar tard, ġie għand il-Profeta u stqarr ir-reati kriminali tiegħu u talab maħfra. Il-Profeta ħafirlu.
Minħabba l-moħqrija tal-għedewwa huwa emigra lejn Medina. Ftit snin wara daħal Mekka rebbieħ u ddikjara maħfra miftuħa għal kulħadd u qal li: “Bis-setgħa ta’ Alla, illum m’għandkomx kastig u l-ebda twiddiba.”
Ħafer lill-għedewwa tiegħu kollha inkluż lil Ikrama li ġġieled kontrih u qatel lil niesu, u lil Ħinda li ċarrtet sider iz-ziju, u ħafer ukoll lil Waħshi li qatel ziju maħbub tiegħu. Ħafer lil Abu Sufjan, li kien wieħed mill-ikbar għedewwa tiegħu u mexxa tant gwerer kontrih.
Ħafer ukoll lil dawk li poġġewlu l-imsaren ta’ ġemel fuq dahru meta kien qiegħed jitlob. Ma kkastigax lanqas lill-mara Lhudija li tefgħetlu l-velenu fil-laħam biex toqtlu. Lanqas ma fittex vendetta mal-għedewwa li xejru s-sejf fuq rasu meta kien rieqed.
Il-quċċata tal-eċċellenza
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza l-maħfra u qal: “Il-quċċata tal-eċċellenza tinkiseb meta inti tipprova ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ dak li jfarrakhom u tkun qalbek tajba ma’ dak li huwa pastaż miegħek u taħfer lil dak li jabbużak.”
“Allah jagħti l-unur u jgħolli l-pożizzjoni ta’ dak li jaħfer kull azzjoni oġġezzjonabbli kontrih u li ma jittrattax lit-trasgressur b’arroganza.”
Ejja nadottaw attitudni ta’ maħfra. Ejja nibnu karattru b’saħħtu u nsiru ta’ karattru għoli, ejjew nikbru f’karattru pożittiv, ejjew naħfru għax Alla jħobb lil dawk li jaħfru u Hu jippremjahom bl-aqwa u l-ogħla premjijiet għall-maħfra tagħhom.