The agony of poverty and homelessness

L-UĠIGĦ TAL-FAQAR U HOMELESSNESS

Jekk kull familja sinjura tgħin familja fqira, kull xahar, kemm tista’, billi tgħin bix-xiri ta’ neċessitajiet tal-ħajja u ikel, dak ikun pass kbir ’il quddiem biex neqirdu l-faqar u n-nuqqas ta’ residenzi f’pajjiżna. Tabilħaqq, ‘is-sigriet għall-ħajja huwa li tagħti’.

It-Torċa, 17.11.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li f’Jum il-Ħaqq Alla se jgħid: “Kont bil-ġuħ, u ma tmajtunix. Kont bil-għatx, u ma tajtunix ilma. Kont marid, u ma farraġtunix.” Kif jisimgħu dan, dawk indirizzati se jsaqsu: “Ja Sidna, meta kien li inti kont bil-ġuħ u ma tmajniekx? Meta kont bil-għatx, u ma qtajnilekx l-għatx? Meta kont marid, u ma farraġniekx?”

Bi tweġiba, Alla Omnipotenti se jgħid: “Persuna batuta minn tiegħi kienet qed issofri, u intom m’urejtu l-ebda mogħdrija jew ġenerożità magħha. Li kieku wrejtu ftit imħabba lejha kontu tkunu fil-fatt qed turu l-imħabba lejja.” 

Bl-istess mod, lil komunità oħra, Alla Omnipotenti se jgħid: “Nifirħilkom għax intom urejtu għożża u kompassjoni miegħi. Meta kont bil-ġuħ, tmajtuni. Meta kont bil-għatx, tajtuni nixrob. Meta kont marid, wennistuni.”

Il-membri ta’ dik il-komunità se jsaqsu: “Ja Sidna, meta qdejniek b’dan il-mod? Aħna stess lanqas nafu b’dan.” Bi tweġiba, Alla se jgħid, “Meta wrejtu l-imħabba u l-mogħdrija lejn persuna żvantaġġata u fqira minn tiegħi, hemmhekk kontu qed turu mħabbitkom lejja.”

Qsim il-qalb

Dan id-diskors iservi bħala gwida importanti għalina lkoll kemm bħala individwi u kemm bħala soċjetà meta naqraw dwar nies li jgħixu madwarna li m’għandhomx residenza, li huma emarġinati u huma nieqsa mill-bżonnijiet neċessarji ta’ kuljum. L-artiklu riċenti fit-Times dwar nies li jgħixu barra u jorqdu taħt is-siġar, f’bini abbandunat u fuq il-bajjiet kien tabilħaqq ta’ qsim il-qalb.

Madanakollu, kien tassew inkoraġġanti r-rispons pożittiv ta’ ħafna individwi u kumpaniji li offrew l-għajnuna tagħhom lil dawk in-nies fil-bżonn. Verament dik kienet manifestazzjoni ta’ mħabba u kompassjoni lejn l-umanità u ħutna fil-proxxmu.

Għalkemm dan huwa att nobbli u ta’ min ifaħħru, dak li jista’ jħalli impatt ferm akbar huwa s-sapport u l-għajnuna fuq bażi regolari, anki jekk ikunu relattivament iżgħar fid-daqs, milli għajnuna ta’ darba. Kif jingħad, kull qatra tgħodd, u, b’għajnuna regolari, dan itaffi s-sofferenzi tal-biża’ ta’ dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Familja sinjura tgħin familja fqira

It-tieni, aktar kmieni din is-sena, fi Frar, kelli l-unur li nitkellem waqt il-konferenza dwar il-ġustizzja soċjali li saret fil-Parlament Malti. Fost għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, jiena ppreżentajt idea kontra l-faqar li, kieku kull familja li ġiet imbierka b’riżorsi biżżejjed kellha ssostni familja fqira jew żvantaġġata billi tgħin finanzjarjament jew bix-xiri ta’ neċessitajiet tal-ħajja u ikel, dak ikun pass kbir ’il quddiem biex neqirdu l-faqar u n-nuqqas ta’ residenzi f’pajjiżna.

B’mod interessanti, it-terapisti u x-xjenza jaqblu ma’ dan. Kwotazzjoni famuża tgħid: ‘Is-sigriet għall-ħajja huwa li tagħti’ li hija vera u kull min huwa involut regolarment fil-karità jgħidlek dwar is-sodisfazzjon immens li jikseb minn din l-attività.

Bl-istess mod, esperimenti ppruvaw li l-altruwiżmu huwa konness mal-moħħ: iġib sodisfazzjon kbir. Li wieħed jgħin jista’ jkun is-sigriet biex wieħed jgħix ħajja aktar kuntenta, aktar sana, aktar għanja, aktar produttiva u aktar sinifikattiva.

Premju onorabbli u ġeneruż

Aktar minn hekk, il-Koran Imqaddes isostni dan ukoll: “Dwar dawk l-irġiel li jagħtu l-karità u dawk in-nisa li jagħtu l-karità, u dawk li jsellfu somma kbira lil Alla – dan jiżdied bis-sewwa għalihom u għalihom ikun hemm ukoll premju onorabbli u ġeneruż.” (57:19)

Dan ir-rimedju għall-faqar u n-nuqqas ta’ residenza huwa għalhekk xenarju li jibbenefika minnu kemm dak li jirċievi kif ukoll dak li jagħti.

Barra minn hekk, irridu dejjem niftakru li s-servizz li nagħtu lill-umanità huwa objettiv ewlieni ta’ kull fidil ġenwin, il-għaliex kull reliġjon bħall-Iżlam, il-Kristjaneżmu, u r-reliġjonijiet maġġuri kollha jħeġġuna biex ngħinu lil dawk kollha fil-bżonn u nuru simpatija u kompassjoni mal-proxxmu kollu.

Bla dubju ta’ xejn, is-servizz lejn l-umanità huwa aspett fundamentali tal-fidi u xi ħaġa li lil Alla Omnipotenti jagħtih sodisfazzjon kbir. 

Qatt nistennew xi ħaġa lura

Punt ieħor importanti li rridu nirriflettu dwaru huwa l-fatt li m’għandna qatt nistennew xi ħaġa lura meta nservu lill-oħrajn, pjuttost irridu naqdu b’mod ġeneruż. Din il-kawża nobbli m’għandhiex għalfejn tgħejjina, anzi l-ambizzjonijiet u s-servizzi tagħna għandhom ikomplu jitkattru.

Il-Koran Imqaddes jiddikjara li: “Jitimgħu lill-fqar, ’l-orfni u ’l-imjassrin għall-imħabba ta’ Alla, u jassigurawhom: Nitimgħukom biss għas-sodisfazzjon ta’ Alla. Ma nixtiequ l-ebda premju jew ringrazzjament mingħandkom.” (76:9-10)

Inkunu l-ewwel qatra ta’ tama

Irridu nitgħallmu li l-bidla tibda minna u minflok ma nistennew lil ħaddieħor biex jagħmel l-ewwel pass, ejja kollha kemm aħna nħabirku biex inkunu l-ewwel qatra ta’ tama biex nagħmlu impatt fil-ħajja ta’ ħutna li jinsabu fil-bżonn. 

Nixtieq nikkonkludi bil-kliem tal-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, li spjega dan is-suġġett fil-qosor u qal: “Kuljum, kull persuna għandha tanalizza lilha nfisha u tara sa liema punt interessat ruħha fil-benesseri tal-oħrajn u sa liema punt uriet imħabba u kompassjoni lejn il-proxxmu tagħha. Is-simpatija lejn l-oħrajn hija dmir u responsabbiltà enormi li trid iġġorr l-umanità. Huwa kontra l-valuri bażiċi morali li wieħed ifalli milli jgħin lil xi ħadd li jkun fi kwalunkwe diffikultà jew uġigħ.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.