Justice, Love and Brotherhood

Il-ġustizzja, l-imħabba u l-fratellanza

In-Nazzjon, 20.11.2024 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

L-imħabba, il-ħbiberija u l-fratellanza huma valuri bażiċi għal soċjetà paċifika u prospera. Għax jekk m’hemmx paċi, m’hemmx prosperità. Is-soċjetà hija bħall-ġisem uman; jekk f’xi parti tal-ġisem hemm l-uġigħ, ibati l-ġisem kollu. Bl-istess mod, meta hemm problemi f’xi sezzjoni tas-soċjetà, is-soċjetà kollha tbati.

Għalhekk, meta ngħixu f’soċjetà huwa importanti li jkollna qalb miftuħa u l-ġentilezza kollha; u nsaħħu r-rabta umana ta’ ħbiberija u nuru li aħna nżommu bi stima kbira s-sentimenti tal-oħrajn.

Fid-dinja multikulturali u multireliġjuża fejn jgħixu nies ta’ nazzjonijiet u ta’ reliġjonijiet differenti, u għas-sopravivenza tan-nazzjon, hu meħtieġ li aħna nirrispettaw il-ħsus u s-sentimenti ta’ xulxin.

Illum id-dinja tikkonsisti f’popli li jappartjenu lil reliġjonijiet differenti u l-fundaturi ta’ dawn ir-reliġjonijiet kollha għallmu lis-segwaċi tagħhom biex iqimu Alla wieħed u jaqdu d-drittijiet li jisħoqq lilu u ’l-ħolqien Tiegħu.

Sa fejn huwa kkonċernat l-Iżlam, jekk wieħed janalizza l-Koran Imqaddes b’mod kritiku, it-tagħlim tiegħu nistgħu niġbruh f’żewġ taqsimiet prinċipali. L-ewwel taqsima tkun ir-rikonoxximent tal-Ħallieq tagħna, u t-tieni tkun dwar id-drittijiet li għandhom jingħataw lill-ħolqien Tiegħu.

Biex jintlaħaq dan l-għan, u l-iskop tal-ħolqien tagħna, hekk kif mgħallma mill-profeti kollha, huwa importanti li nħobbu lill-Mulej u l-ħolqien Tiegħu; u li nsaħħu l-għaqda bejna u l-Ħallieq tagħna, nersqu aktar qrib lejn il-Ħallieq.

Kenn ta’ paċi u armonija

Jekk nixtiequ li nistabbilixxu l-paċi fis-soċjetà, inħarsu d-drittijiet ta’ xulxin, u nixtiequ d-dinja ssir kenn ta’ paċi, imħabba, fratellanza u armonija, huwa ferm importanti li nastjenu mill-ħażen, dejjem nadottaw il-virtù u s-sewwa, nuru integrità fl-isforzi kollha tagħna u naħdmu biex nippromwovu t-tajjeb u s-sewwa fis-soċjetajiet tagħna.

Iżda qabel wieħed ikun jista’ jagħti parir lill-oħrajn dwar dawn l-affarijiet, wieħed għandu jipprattika dak li jipprietka. Ma tistax tagħti parir lill-oħrajn jekk int ma timxix mat-triq tas-sewwa int innifsek.

Kieku dawk in-nies kollha li jgħidu li huma fit-triq tas-sewwa jimxu fuq dan il-prinċipju, allura l-parir tagħhom ikun effettiv; huma jiġu meqjusa bħala membri siewja tas-soċjetà. L-oħrajn ikunu jirrispettawhom, jagħtu importanza għal dak li jgħidu, u jobduhom la huma jifhmu li dan il-bniedem mhux qed jadotta dan il-mod li jersaq lejk għall-ġid tiegħu biss iżda jersaq minn qalbu għall-ġid tal-oħrajn. Hu jeżerċita ġustizzja mill-akbar fit-trattamenti tiegħu mal-oħrajn u meta jwissi lill-oħrajn biex jaħarbu mill-ħażen u jadottaw il-virtù, hu jistenna dan ukoll mill-għeżież tiegħu.

Niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba

L-imħabba hija kelma waħda, iżda, fit-tifsira vera tagħha din il-kelma tfassal il-modi u t-triq għall-paċi dinjija, li l-umanità għandha ħafna bżonn. Dan il-valur uniku jipprovdi r-rimedji kollha għall-mard tad-dinja mkissra tagħna, u jipprovdi ilma pur u safi biex jaqta’ l-għatx għall-paċi, trankwillità u serenità.

L-imħabba twassal għal ħbiberija u rispett, li huma wkoll valuri veri għal soċjetà armonjuża u prospera. Hija l-liġi tan-natura li skont iż-żerriegħa titwieled u tikber pjanta jew siġra. Għalhekk, meta niżirgħu ż-żerriegħa tal-imħabba u r-rispett, dawn il-valuri żgur se jiffurmaw soċjetà aħjar, soċjetà mibnija fuq il-valuri u l-bażi tajba u soda.

Il-ġustizzja u l-virtujiet

Barra minn hekk, naħseb li l-ġustizzja hija l-bażi jew l-omm sa ċertu punt għal dawn il-valuri u l-virtujiet. Il-ġustizzja hija prinċipju tant mill-isbaħ li jagħti bidu għal aktar tjubija u benesseri tal-umanità. Mhux biss jippromwovi aktar ġentilezza, kompassjoni, ħbiberija u fratellanza fis-soċjetà, iżda wkoll isaħħaħhom.

Għalhekk, kull reliġjon tagħti importanza kbira lill-ġustizzja u ’l-ugwaljanza. Kif għandna nsaħħu l-ġustizzja u nippromwovu l-paċi, l-imħabba u l-ħbiberija bejn l-aħwa fis-soċjetà? Il-Koran Imqaddes jgħid: “U meta titkellmu osservaw il-ġustizzja, anki jekk il-persuna kkonċernata tkun tiġi minnek, u ssodisfa l-patt ta’ Alla.” (6:153)

Min-naħa l-oħra, anke dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali, il-Koran Imqaddes jippreżenta l-livell għoli ta’ ġustizzja, u jgħid: “O intom li temmnu! Kunu sodi fil-kawża ta’ Alla, agħtu xhieda b’sens ta’ ġustizzja. Tħallux il-mibegħda tan-nies tinċitakom biex taġixxu b’mod ieħor minflok b’ġustizzja. Kunu dejjem ġusti, jiġifieri aktar qrib is-sewwa. U ibżgħu minn Alla; tassew Alla jaf x’qegħdin tagħmlu.” (5:9)

Dan hu l-livell għoli ta’ ġustizzja li għandu jiġi stabbilit fis-soċjetà. Biex inneħħu l-mibegħda u n-nuqqas ta’ ftehim mid-dinja rridu nuru ġustizzja sa dak il-punt fejn il-mibegħda tan-nies ma ġġagħalniex naġixxu mod ieħor ħlief b’ġustizzja.

Eżempju eċċellenti tal-ġustizzja

Nagħlaq b’eżempju eċċellenti ta’ kif il-Qaddis Profeta Muħammad kien jipprattika l-ġustizzja fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Huwa rrakkuntat li darba waħda wieħed Lhudi mar quddiem il-Profeta jilmenta li sieħeb tal-Profeta ma tahx lura l-erba’ dirham, il-munita ta’ dak iż-żmien, li kellu jagħti lil-Lhudi, u ż-żmien tar-radd lura tal-flus kien għadda.

Il-Qaddis Profeta Muħammad sejjaħ lil sieħbu u saqsieh jekk ġarax kif qallu l-Lhudi, u sieħbu qallu li dik kienet il-verità. Il-Profeta Muħammad qallu biex jagħti l-flus lura. Sieħbu qallu li ma kellux il-flus dak il-ħin u li jirritorna l-flus malli jkollu. Il-Profeta mill-ġdid qallu biex jirritorna l-flus. Sieħbu reġa’ wieġeb li ma kellux il-flus. Din ġrat għal tliet darbiet, u wara dan is-sieħeb ġie mġiegħel mill-Qaddis Profeta Muħammad biex jagħti lura l-flus.

Sieħbu mbagħad mar is-suq, biegħ il-ħwejjeġ li kien liebes għal erba’ dirham, poġġa x-xedd tar-ras fuqu, u rritorna l-flus lil-Lhudi. Dan hu l-mod kif il-Qaddis Profeta Muħammad mexxa lis-segwaċi tiegħu biex jonoraw il-ftehim tagħhom u juru ġustizzja sabiex il-paċi u l-ġustizzja jsaltnu fis-soċjetà.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.