Jihad and Terrorism!

IL-JIHAD U T-TERRORIŻMU

Kif jista’ jkun li r-reliġjon li tfisser ‘paċi u sliem’ tgħallem it-terroriżmu u l-vjolenza? Jistgħu l-ilma u n-nar joqogħdu ħdejn xulxin? Jistgħu d-dawl u d-dlam ikunu fl-istess post? Jistgħu l-lejl u n-nhar jeżistu fl-istess ħin? Kif jistgħu jidhru flimkien l-istaġuni tar-rebbiegħa u tal-ħarifa? Read this article in TURKISH Language

It-Torċa, 01.12.2024  | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, smajna l-kliem ‘Jihad’ (Ġiħad) u ‘terroriżmu’ mingħajr għadd. Hemm ħafna nies li jgħaqqdu l-Jihad mat-terroriżmu, u jallegaw li l-Iżlam jippromwovi t-terroriżmu u l-vjolenza.

Sfortunatament, hemm ħafna nies inkluż il-Musulmani li jemmnu li l-Jihad tfisser ‘il-gwerra qaddisa’ jiġifieri l-ġlied kontra dawk li ma jemmnux fl-Iżlam. Dan il-kunċett tal-Jihad huwa assolutament żbaljat u bogħod ħafna mit-tifsira vera u pura tal-Jihad.

Akkużat b’terroriżmu f’Malta

Dan l-aħħar smajna l-aħbar li raġel ta’ 32 sena mill-Kosta tal-Avorju u residenti l-Ħamrun tressaq il-Qorti akkużat li pprova jirrekluta “nies vulnerabbli” madwar l-Ewropa għall-Jihad biex iwettqu attakki terroristiċi. Skont il-pulizija l-akkużat kien jinkoraġġixxi nies vulnerabbli fosthom in-nies li kienu qed ifittxu l-ażil, li kienu qed jgħixu waħedhom u kienu telqu minn pajjiżi mifnija mill-gwerra.

Meta l-akkużat tressaq il-Qorti, inqara wieħed mill-messaġġi tiegħu fejn fih qal lil persuna oħra li hu jkollu post fis-sema jekk iwettaq attakk suwiċida. Lill-persuna li rċeviet il-messaġġ qalilha li qed ‘jirreklutaw voluntiera għall-Jihad’ u kien imwiegħed post fis-sema jekk fl-attakk jitlef ħajtu.

Sliem, paċi u sottomissjoni

Ħalli nagħmilha ċara ħafna mill-bidu nett li l-Iżlam huwa reliġjon ta’ paċi, imħabba, u mogħdrija. Il-kelma ‘Iżlam’ ġejja mill-kelma Għarbija ‘Salaam’ li tfisser sliem, paċi u sottomissjoni; u jgħallem il-paċi ma’ Alla, il-paċi ma’ ħutna l-bnedmin, u l-paċi miegħek innifsek.

Barra minn hekk, Alla, kif ippreżentat mill-Iżlam, hu Alla tal-imħabba u l-kompassjoni u mhux tal-mibegħda u l-krudeltà. Wieħed mill-aktar prinċipji fundamentali tal-Iżlam huwa t-twemmin li Alla huwa ġentili, ħanin u ġeneruż. Kull kapitlu tal-Koran Imqaddes jibda billi jenfasizza dawn il-karatteristiċi ta’ Alla: F’isem Alla, Mimli Grazzji, Dejjem Ħanin.

Id-dawl u d-dlam, ir-rebbiegħa u l-ħarifa

Allura kif jista’ jkun li r-reliġjon li tfisser ‘paċi u sliem’ tgħallem it-terroriżmu u l-vjolenza? Jistgħu l-ilma u n-nar joqogħdu ħdejn xulxin? Jistgħu d-dawl u d-dlam ikunu fl-istess post? Jistgħu l-lejl u n-nhar jeżistu fl-istess ħin? Kif jistgħu jidhru flimkien l-istaġuni tar-rebbiegħa u tal-ħarifa?  

Għalhekk, huwa ċar bħal kristal li l-Iżlam m’għandu x’jaqsam xejn mal-vjolenza u t-terroriżmu, u kwalunkwe tifsira tal-Jihad li tippromwovi l-vjolenza jew it-terroriżmu m’għandha assolutament x’taqsam xejn mal-Iżlam. Tali fehim distort u żbaljat tal-kelma ‘Jihad’ hija l-unika responsabbiltà ta’ nies bħal dawn li fehmu ħażin din it-terminoloġija Iżlamika.

Il-prietki xi kultant jibdlu nies innoċenti f’annimali slavaġ

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan bl-iktar mod ċar u jgħid: “Il-kunċett ta’ Jihad kif inhu mifhum u kif inhu mxerred mill-kjeriċi Musulmani ta’ daż-żmien huwa kompletament żbaljat. Ma jista’ jirriżulta f’xejn ħlief li bil-prietki impressjonanti tagħhom huma jibdlu nies innoċenti f’annimali slavaġ u jċaħħduhom mill-kwalitajiet kollha tajba tal-bnedmin.

Jiena naf fiż-żgur li t-toqol tad-dnubiet ta’ dawk in-nies li jwettqu l-massakri minħabba l-injoranza li ġejja wkoll minn dawn il-prietki, u li ma għandhom l-ebda idea għala l-Iżlam kellu jiġġieled f’dawk il-battalji kollha fil-bidu tat-twaqqif tiegħu, jaqa’ fuq l-irjus ta’ dawn il-kjeriċi (il-mexxejja reliġjużi Iżlamiċi) li jibqgħu jferrxu b’mod klandestin dawn l-ideat perikolużi li jwasslu għal tant telfien ta’ ħajjiet.”

Il-mistoqsija hi li, allura x’inhu l-Jihad?

Jihad hi kelma Għarbija li tfisser tistinka biex tilħaq kawża nobbli. Dan il-Jihad jista’ jitwettaq b’diversi modi — kollha kemm huma jfittxu biex jistabbilixxu u jippromwovu l-paċi fis-soċjetà.

L-ewwel nett, irrid nispjega li battalja li ssir minħabba r-reliġjon hija wkoll forma waħda tal-Jihad, iżda battalja difensiva biss, imma din mhijiex il-Jihad ta’ prijorità. Fiż-żmien tal-Profeta Muħammad, is-sliem għalih, il-gwerra li ssemmet “il-Jihad” ma kinitx gwerra politika, però kienet gwerra difensiva u saret għax il-Musulmani kienu taħt l-attakki tal-għedewwa minħabba r-reliġjon tagħhom.

L-ikbar Jihad hija r-riforma ta’ dak li jkun. L-akbar u l-aħjar forma tal-Jihad hija l-ġlieda biex nirriformaw ruħna biex insiru bnedmin tajba, ġentili u simpatiċi.

Din hi meqjusa bħala l-ikbar Jihad għaliex hi l-ġlieda kontra t-tentazzjonijiet egoistiċi tagħna bħal ngħidu aħna r-regħba, iż-żina u xewqat oħra materjali. Il-Jihad trid mingħandna li nkunu iktar iddixxiplinati magħna nfusna sabiex inkunu nistgħu neżerċitaw kontroll morali fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna.

It-tieni, it-tixrid tal-messaġġ tal-paċi u l-imħabba, l-infiq mill-ġid tagħna biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn, il-ħidma soċjali, u s-servizz lill-umanità huma kollha forom differenti tal-Jihad.

Il-ħajja u l-mewt

L-Iżlam jopponi t-terroriżmu f’kull forma tiegħu għaliex fost il-konsegwenzi tiegħu hemm telf tal-ħajjiet, it-tixrid tad-demm u l-ħsara lill-ekonomija u ’l-infrastruttura.

Min-naħa l-oħra, l-Iżlam jippromwovi l-qdusija tal-ħajja u jgħid: “Kull min joqtol bniedem… qisu qatel l-umanità kollha; u min isalva l-ħajja, qisu salva lill-bnedmin kollha.” (Il-Koran, 5:33)

Għalhekk, għandna niżnu sew x’inhu t-terroriżmu u l-Jihad.

It-terroriżmu jieħu l-ħajjiet tal-bnedmin, iżda l-Jihad hija mod kif intejbu ħajjitna, lilna nfusna u ntejbu l-ħajja ta’ dawk kollha ta’ madwarna. It-terroriżmu huwa ħażin mill-bidu sal-aħħar, iżda l-Jihad hija tajba u tajba biss. It-terroriżmu jfisser il-mewt, iżda l-Jihad tfisser il-ħajja.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.