
Ir-reliġjon hija t-teżor u l-ġojjell
Il-Leħen, 08.12.2024| IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
It-tiswir ta’ bniedem jieħu disa’ xhur, imma biex isir tassew uman jieħu ħajtu kollha.
Il-kwalitajiet ta’ bniedem veru, ġust u safi huma bla tmiem; dan huwa vjaġġ li ma jintemm qatt; aktar ma wieħed iħaffer fih, aktar jinfetħu toroq u mogħdijiet għal dan il-vjaġġ spiritwali. Huwa oċean tant fond li aktar ma wieħed jidħol fil-fond fl-ilma, aktar skoperti jiġu mikxufa.
Ir-reliġjon hija gwida għall-bnedmin dwar kif jistgħu jsiru persuni aħjar, kif jistgħu jiksbu l-ogħla standards ta’ umanità u valuri umani.
Il-Kotba divini huma l-kotba ta’ gwida għan-nies biex iterrqu u jsibu l-mogħdijiet it-tajba għall-kisbiet safja u d-destinazzjoni vera tagħhom.
Ir-reliġjon hija l-isem tal-benesseri
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, filwaqt li jfaħħar il-morali tajba kien jgħid li r-reliġjon hija l-isem tar-rieda u x-xewqa tajba, tas-simpatija, tal-benesseri u tal-ġid. Meta ġie mistoqsi għall-ġid ta’ xiex u ta’ min? Huwa wieġeb li, l-isbaħ xewqat huma lejn Alla, il-Ktieb Tiegħu, il-Messaġġiera Tiegħu u n-nies kollha kemm huma.
Il-Profeta kien jgħid li l-Musulman veru huwa persuna li minn ilsienu u idu kull persuna li tħobb il-paċi għandha tħossha sigura. Huwa qal li l-fidil veru huwa dak li miegħu n-nies l-oħra kollha jgħixu fil-paċi u jħossu li huma se jkunu siguri miegħu.
Sors ta’ paċi, imħabba u fratellanza
Ir-reliġjon hija sors ta’ paċi, imħabba, tolleranza, armonija u ħbiberija. Ir-reliġjon dejjem topponi l-vjolenza u l-għemejjel ħżiena. Ir-reliġjon dejjem tiggwida lis-segwaċi tagħha biex iżommu l-paċi ma’ kulħadd. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li l-fidili huma n-nies li dejjem jixtiequ paċi u sliem.
“Il-qaddejja ta’ Alla tal-ħniena huma dawk li jimxu fl-art b’mod dinjituż, u meta l-injoranti jindirizzawhom, huma jgħidu: ‘Paċi u Sliem.’” (Il-Koran 25:64)
L-Iżlam jgħallem li minflok unur tad-dinja u servizz tad-dinja, il-fidil għandu dejjem iżomm f’moħħu li jiżviluppa aktar il-morali għolja tal-imħabba, il-paċi, is-sliem, il-ħbiberija u l-fratellanza, għax il-moralità hija l-marka ta’ Musulman u fidil veru. Il-fidil għandu dejjem iżomm l-iskop ewlieni tiegħu frisk f’moħħu li jitgħallem ir-reliġjon, jippurifika qalbu u moħħu u jiddetermina t-triq biex jersaq qrib Alla.
Simpatija u ġenerożità
Ir-reliġjon dejjem tiggwida li l-fidil għandu jkollu simpatiji kbar u natural ġeneruż, u għandu jqis bħala d-dmir tiegħu li joffri l-għajnuna lil dawk minn ħutu li jkunu anqas ixxurtjati minnu. Għandu dejjem ikun l-ewwel li jixtieq li jgħin lil ħaddieħor u qatt ma jistenna xi ħaġa lura. Barra minn hekk, għandu jsellef il-flus bla interessi lil dawk fil-bżonn. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal:
“Kull min iserraħ lil xi bniedem li jemmen minn xi saram ta’ din id-dinja, Alla jserrħu minn xi saram ta’ Jum il-Ġudizzju. Min jgħin lil xi ħadd fil-bżonn, Alla jgħinu f’din id-dinja u fl-Oħra. Min jostor xi nuqqas tal-oħrajn, Alla jostru f’din id-dinja u fl-Oħra. Alla jgħin lill-qaddej li jgħin lil ħuh.”
“Kull min jemmen f’Alla u f’Jum il-Ħaqq, ma għandux iweġġa’ lil ġaru, u għandu jagħti ġieħ u jkun ġeneruż mal-mistiedna tiegħu, u għandu jgħid biss dak li hu tajjeb, inkella jiskot.”
Reliġjon fil-qosor
Fil-qosor, ir-reliġjon mhi xejn ħlief it-tieba u t-tieba biss. Mingħajr l-iċken dubju, nista’ ngħid li, ir-reliġjon hija teżor eċċellenti.
Għalhekk huwa importanti li dejjem inkunu lesti biex nitgħallmu r-reliġjon u ngħożżuha ħafna sabiex inkunu nistgħu nimlew is-senduq ta’ ħajjitna b’dan it-teżor u l-ġojjell meraviljuż.