Let’s Fly Together!

EJJEW INTIRU FLIMKIEN!

L-istudenti m’għandhomx jibżgħu mill-isfidi, iżda, għandhom ikollhom il-kuraġġ li jtiru għoli fis-smewwiet u dejjem jibqgħu impenjati għall-kawża tagħhom. Għax, dawk li l-intenzjonijiet tagħhom huma sodi, u li għajnejhom huma fuq Alla, ma jibżgħux mill-mewġ imqalleb, iżda jkomplu jbaħħru lejn id-destinazzjoni tagħhom. Iżda jridu jibqgħu dejjem b’valuri u virtujiet sodi. Dawk bil-manjieri tajbin, għandhom xorti tajba, dawk mingħajr manjieri tajbin, huma mingħajr xorti tajba. Għalhekk, iridu jibqgħu dejjem mal-art, umli, ta’ rispett u ta’ qalb tajba ma’ kulħadd.

It-Torċa, 22.12.2024| Imam Laiq Ahmed Atif, amjmalta@gmail.com,M:79655255

Fejn nixtiequ nkunu fi żmien għoxrin jew tletin sena? Fejn irridu li naraw lil pajjiżna fiż-żewġ jew tliet diċennji li ġejjin?

L-investiment fit-tfal tal-lum se jiddetermina fejn nixtiequ nkunu fi żmien għoxrin jew tletin sena. Għax, fi żmien għoxrin sa tletin sena t-tmexxija tal-pajjiż ikun f’idejn it-tfal tal-lum. Għalhekk, kif ngħidu, ‘dak li tiżra’ taħsad’, li l-azzjonijiet tagħna tal-lum jiddeterminaw il-futur u r-riżultati tal-futur tagħna.

Fi kliem ieħor, dak li nixtiequ naħsdu, għandna niżirgħu llum, għax, huwa naturali li ż-żerriegħa tikber u ssir pjanta u siġra u mbagħad tagħti l-frott. Bl-istess mod, l-investiment tagħna fit-tfal tal-lum se jagħti l-frott meta jikbru u jsiru bħas-siġra.

Għalhekk, huwa ferm importanti li niffokaw ħafna fuq uliedna, ninvestu ħafna fuq l-edukazzjoni, it-tagħlim u t-taħriġ tagħhom, sabiex ikunu l-assi għall-pajjiż u mhux il-piż, sabiex ikunu s-siġar li jagħtu l-frott tajjeb u bnin u mhux il-frott morr.

Il-ġimgħa interreliġjuża diversa

B’dan l-għan, taħt il-gwida tal-President Emeritus, l-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, il-Malta Foundation for the Wellbeing of Society (MFWS), b’kollaborazzjoni mal-komunitajiet reliġjużi organizzat żjarat ta’ tmien skejjel fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju, biex tiċċelebra l-‘Interfaith Diversity Week’.

Dawn iż-żjarat urew li kienu ta’ frott kbir fil-kultivazzjoni tal-kultura ta’ armonija bejn ir-reliġjonijiet, il-fratellanza, it-tolleranza, il-paċi u r-rispett.

Bqajna impressjonati ħafna meta smajna l-messaġġi tal-kapijiet tal-iskejjel, li kienu mpinġija, ikkuluriti u miżbugħin mill-isbaħ mill-istudenti fuq il-bnadar li kull skola kienet ippreparat biex tiċċelebra dawn l-okkażjonijiet.

Niċċelebraw id-differenzi ta’ bejnietna

Il-messaġġi komuni bejn l-iskejjel kollha kienu: id-diversità, l-imħabba, ir-rispett, l-empatija u l-armonija. Il-preżentazzjonijiet tal-istudenti kienu wkoll jolqtu ħafna l-qalb u deher li l-għalliema qed jaħdmu ħafna biex jippromwovu l-kultura tal-imħabba u r-rispett bejn l-istudenti kollha li huma ta’ reliġjonijiet, nazzjonalitajiet u backgrounds differenti.

Il-preżentazzjoni ta’ waħda mill-iskejjel enfasizzat il-messaġġ li ‘aħna kollha differenti u niċċelebraw id-differenzi ta’ bejnietna’, jiġifieri minflok li nibżgħu minn xulxin kemm hu tajjeb li niċċelebraw id-differenzi u d-diversità. Messaġġ ieħor kien li d-diversità interreliġjuża tfisser li nħobbu lil xulxin bla kundizzjonijiet; u li l-ugwaljanza hija essenzjali.

Flimkien fid-diversità għall-kisbiet u s-suċċessi

L-istudenti tal-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq ħejjew tajriet ta’ kuluri differenti bil-motto li ‘ejjew intiru flimkien’. Il-kuluri differenti kienu jirrappreżentaw id-diversità fost l-istudenti. Il-messaġġ kien li, anke bid-differenzi u d-diversità kollha tagħna, nistgħu nibqgħu magħqudin, nikbru u niksbu suċċessi u kisbiet flimkien.

F’din l-attività tal-istudenti kien hemm messaġġi tajbin ħafna li t-tfal kollha huma l-istess, kollha huma kapaċi biex jgħixu fil-paċi u l-armonija ma’ xulxin, it-tfal jistgħu jtiru meta jkollhom għajnuna neċessarja u meta ngħinuhom u nħalluhom biex juru l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet kollha tagħhom. Il-kuluri differenti u d-diversità mhix ħażina, anzi neċessarja, għax flimkien joħorġu s-sbuħija enormi u flimkien jidhru mill-isbaħ.

It-tajr: x’nistgħu nitgħallmu mit-tajr?

Hemm messaġġ ieħor li huwa verament importanti li l-istudenti wkoll għandhom biex jieħdu nota sew li, jekk jixtiequ biex jikkompetu mad-dinja, għandhom ikollhom il-kuraġġ; u dejjem jibqgħu impenjati għall-kawża tagħhom.

M’għandhomx jibżgħu mill-isfidi u l-ostakli li jiġu fi triqthom, iżda, l-intenzjonijiet, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom għandhom ikunu sodi u eżemplari. Għax, dawk li l-intenzjonijiet tagħhom huma sodi, u li għajnejhom huma fuq Alla, ma jibżgħux mill-mewġ imqalleb, iżda jkomplu jbaħħru lejn id-destinazzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, il-ħsieb tagħhom għandu jkun għoli ħafna u wiesa’ u m’għandhomx jiċċirkolaw fiċ-ċrieki tagħhom, anzi, għandhom jaħsbu outside the box, u jsiru kreattivi, kostruttivi, produttivi u ta’ valur.

Xorti tajba bil-manjieri tajba

Iżda fuq kollox, iridu jibqgħu dejjem mal-art, umli, ta’ rispett u ta’ qalb tajba ma’ kulħadd. Għandhom ikollhom il-valuri u l-virtujiet mill-aqwa. Għax, hemm qawl sabiħ bil-lingwa Urdu: ‘Dak bil-manjieri tajbin, għandu xorti tajba, dak mingħajr manjieri tajbin, hu mingħajr xorti tajba.’

Dan ifisser li, dawk li għandhom valuri u virtujiet mill-aqwa, għandhom ukoll xorti tajba, għax meta għandhom karattru tajjeb, Alla jgħinhom ħafna fil-mixja tagħhom u fil-miri tagħhom.

Il-fwieħa tal-verità

Mingħajr ebda dubju nemmen li, dawk li mill-karattru tagħhom ġejja l-fwieħa tal-verità, l-onestà, ir-rispett, il-ħniena, il-valuri u l-virtujiet, jistgħu jagħmlu l-mirakli, anke l-​ġebel jistaʼ jiddewweb għalihom.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.