Muslims devoutly believe in Jesus

Il-Musulmani jemmnu f’Ġesù bid-devozzjoni

Il-Leħen, 22.12.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Tnejn mis-sitt artikli ta’ fidi għall-Musulmani huma, li jemmnu fil-Profeti kollha ta’ Alla, u li jemmnu fl-Iskritturi Divini. Għalhekk il-Musulmani jemmnu li l-Profeti kollha ntbagħtu minn Alla u, kollha kemm huma, huma onorevoli u rispettabbli. Wieħed ma jistax ikun Musulman jekk ma jemminx fil-Messaġġiera kollha ta’ Alla.

Skont il-Koran Imqaddes, Alla bagħat lill-Messaġġiera Tiegħu f’kull nazzjon, u jgħid: “U għal kull poplu hemm Messaġġier.” (10:48)

“M’hemm l-ebda poplu li lilu wieħed li jwissi (Messaġġier) ma ntbagħatx.” (35:25)

Xi profeti jissemmew fil-Koran Imqaddes innifsu, bħal Adam, Abram, David, Salamun, Mosè, Ġesù u Muħammad (il-paċi fuqhom ilkoll).

B’dan it-twemmin u l-ispirtu, il-Musulmani għandhom imħabba u rispett kbir lejn Ġesù. Huwa parti integrali mis-sisien fundamentali tat-twemmin Iżlamiku li mhux biss jitqies bħala att ta’ korteżija, iżda li wieħed jemmen ġenwinament fil-verità u l-unur tal-messaġġiera kollha ta’ Alla. Il-Koran Imqaddes isostni:

“Għidu: ‘Aħna nemmnu f’Alla, u f’dak li ġie muri lilna, u f’dak li ġie muri lil Abram, u lil Ismael, u lil Iżakk, u lil Ġakobb, u lit-tribujiet, u f’dak li ngħata Mosè u Ġesù, u f’dak li ngħataw il-Profeti minn Sidhom. Aħna ma nagħmlux distinzjoni bejn ħadd minnhom, u aħna f’Idejh intlaqna.”’ (2:137)

Il-Koran Imqaddes jiddikjara li Ġesù (il-paċi tkun dejjem fuqu) twieled b’mod mirakoluż mid-devota verġni Marija, u huwa xhieda kostanti tas-safa u tal-karattru nobbli tagħha. Il-Koran Imqaddes jagħti prestiġju kbir lil Marija u jirrifjuta kull akkuża miġjuba lejha. Jistqarr ukoll li omm Ġesù kienet mara twajba ħafna u li x-Xitan ma kellu l-ebda sehem fit-twelid ta’ Ġesù.

Il-Koran Imqaddes jitkellem apertament dwar id-dedikazzjoni, il-pjetà, in-nobbiltà, u l-ħniena ta’ Ġesù. Il-Koran Imqaddes jgħid:

“Lil Ġesù bin Marija tajnieh sinjali ċari u qawwejnieh b’Ruħ il-Qodos (l-Anġlu Gabrijel).” (2:88 u 2:254)

“Żakkarija, Ġwanni, Ġesù u Elija, kollha mill-ġusti, u Ismael, Eliżew, Ġona u Lot; kollha ppreferejniehom mill-oħrajn.” (6:86-87)

“Dak huwa Ġesù bin Marija. Dan huwa kliem is-sewwa li huma jiddubitaw.” (19:35)

“Tassew, il-Messija Ġesù bin Marija ma kienx għajr il-mibgħut ta’ Alla u twettiq tal-kelma Tiegħu li nissel f’Marija, u grazzja mingħandu.” (4:172)

“Qal (Ġesù): ‘Jien tabilħaqq il-qaddej ta’ Alla! Huwa tani l-Ktieb u għamilni Profeta. Huwa għamilni mbierek, kull fejn inkun.’” (19:31-32)

Ir-referenzi ta’ hawn fuq jagħmluha ċara ħafna li, il-Musulmani mhux biss jemmnu f’Ġesù, iżda, jgħożżu wkoll il-messaġġ tiegħu, jibbenefikaw mit-tagħlim u l-karattru tiegħu, jalla l-paċi tkun fuqu.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.